Park Nazzjonali ta' Fertő-Hanság

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
Il-lag Fertő/Neusiedl min-naħa tal-Park Nazzjonali ta' Fertő-Hanság, l-Ungerija

Il-Park Nazzjonali ta' Fertő-Hanság (bl-Ungeriż: Fertő-Hanság Nemzeti Park) huwa park nazzjonali fil-Majjistral tal-Ungerija fil-kontea ta' Győr-Moson-Sopron. Inħoloq fl-1991 u nfetaħ uffiċjalment flimkien mal-Park Nazzjonali Awstrijaku ta' Neusiedler See fl-istess sena. Iż-żewġ parks nazzjonali huma kkollegati flimkien permezz tal-Lag Fertő/Neusiedl). Il-Park Nazzjonali ta' Fertő-Hanság ikopri 235.88 km² u huwa magħmul minn żewġ żoni kbar.[1][2][3]

Lag Fertő[immodifika | immodifika s-sors]

Qatta wiżż tal-maskra bajda fil-Lag Fertő

Il-Lag Fertő (imsejjaħ Lag Neusiedl fl-Awstrija) huwa t-tielet l-ikbar lag fl-Ewropa Ċentrali, u huwa l-iktar lag kontinentali kbir tal-ilma mielaħ fil-Punent tal-kontinent Ewrasjatiku. 80 % tal-lag jinsab fit-territorju tal-Awstrija, filwaqt li 20 % tal-lag jinsab fit-territorju tal-Ungerija, fi ħdan iż-żona tal-madwar magħrufa bħala Hanság.[4]

Minħabba l-livell baxx tal-ilma u r-riħ prevalenti, id-daqs u l-għamla tal-lag jinbidlu sikwit ħafna. Iż-żona tal-lag hija l-ħabitat ideali għal diversi speċijiet ta' għasafar, fosthom ir-russett abjad, ir-russett aħmar, il-paletta, il-wiżża griża, il-wiżża tal-maskra bajda u ċ-ċikonja bajda. Matul l-istaġun tal-passa, jitfaċċaw ukoll speċijiet ta' għasafar tal-kosta tal-familja Scolopacidae, fosthom il-pispisella. Fost l-ispeċijiet ta' għasafar rari nsibu l-wiżża ħamra, l-ajkla tad-denb abjad u l-bugħadam abjad prim.

Fil-lag jgħixu wkoll diversi speċijiet ta' ħut tal-ilma ħelu fosthom il-Misgurnus fossilis, il-lizz tat-Tramuntana u z-ziege. Fil-mergħat fil-Punent tal-lag, jikbru speċijiet ta' veġetazzjoni u ta' pjanti rari bħall-orkidej Cypripedium calceolus u Ophrys insectifera, il-fjurdelis Ungeriża u l-Iris pumila. Barra minn hekk, jgħixu wkoll diversi speċijiet ta' friefet, filwaqt li t-territorju fil-Lvant magħruf bħala puszta huwa miksi kollu veġetazzjoni partikolari tal-lag, fosthom Puccinellia peisonis, Aster tripolium, A. pannonicum u Suaeda maritima.[1][2][4]

Tabella tas-Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali fl-Ungerija u fl-Awstrija

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-park nazzjonali tal-Ungerija, flimkien mal-park nazzjonali ta' Neusiedl fl-Awstrija, jiffurmaw il-pajsaġġ kulturali li ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[2]

Il-valur universali straordinarju ta' dan is-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli", ladarba l-pajsaġġ kulturali ta' Fertő/Neusiedlersee ilu post fejn jiltaqgħu kulturi differenti għal tmien millenji, u dan joħroġ fid-dieher mill-pajsaġġ varjat tiegħu, li huwa riżultat ta' proċess evoluzzjonarju u simbjotiku bejn l-interazzjoni umana mal-ambjent fiżiku.[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b "Fertő-Hanság Nemzeti Park". Fertő-Hanság Nemzeti Park (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
  2. ^ a b c d Centre, UNESCO World Heritage. "Fertö / Neusiedlersee Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
  3. ^ "Neusiedler See - Seewinkel | National Parks Austria - nationalparksaustria.at | EN". www.nationalparksaustria.at (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
  4. ^ a b "The Mystic Beauty of the Lake Fertő Region" (bl-Ingliż). 2019-01-03. Miġbur 2021-03-22.