Paolo Borsellino
Paolo Borsellino | |||||
---|---|---|---|---|---|
| |||||
Ħajja | |||||
Twelid | Palermo, 19 Jannar 1940 | ||||
Nazzjonalità |
Italja Renju tal-Italja | ||||
Mewt | Palermo, 19 Lulju 1992 | ||||
Kawża tal-mewt | omiċidju (attentat b'karozza bomba) | ||||
Familja | |||||
Ulied |
uri | ||||
Aħwa | |||||
Edukazzjoni | |||||
Alma mater | Università ta’ Palermo | ||||
Lingwi | Taljan | ||||
Okkupazzjoni | |||||
Okkupazzjoni | imħallef | ||||
Premjijiet |
Paolo Borsellino (Palermo, 19 ta' Jannar 1940 – Palermo, 19 ta' Lulju 1992) kien maġistrat Taljan, vittma tal-Mafja. Meqjus bħala eroj Taljan, bħal Giovanni Falcone, li kien ħabib u kollega tiegħu.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Bin Diego u Maria Lepanto, it-tnejn spiżjara, Paolo twieled Palermo, fil-kwartier La Kalsa, fejn kienu jgħixu ukoll Giovanni Falcone u Tommaso Buscetta. Kellu tliet ħutu: Adele (1938-2011), Salvatore (1942) u Rita (1945). Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liceo classico "Giovanni Meli" ta' Palermo, fejn kien ukoll editur tal-gazzetta tal-istudenti "Agorà".
Maġistratura
[immodifika | immodifika s-sors]Ta' 22 sena ggradwa fil-Liġi bl-unuri kollha. Fiż-żmien li kien l-università kienu għażluh bħala rappreżentant tal-istudenti. Ftit jiem wara li ggradwa, miet missieru. Kellu għalhekk jieħu fuq spallejh ir-responsabbilità tal-familja. B'xogħlijiet żgħar li kien jagħmel irnexxielu jlesti l-konkors tal-maġistratura li għadda minnu fl-1963. L-imħabba lejn art twelidu u l-imħabba għall-ġustizzja tawh dik l-ispinta ġewwinija li ġegħlitu jsir maġistrat bla ma jittraskura d-doveri tiegħu lejn il-familja. Il-professjoni ta' maġistrat fil-belt ta' Palermo kellha għalih tifsira tassew profonda.
Ħadem fit-tribunali ta' Enna u Mazara del Vallo. Iżżewweġ fi tmiem l-1968 lil Agnese Piraino Leto, bint maġistrat. Kellhom tliet ulied: Lucia, Manfredi u Fiammetta. Sena wara bagħtuh Monreale fejn ħadem mill-qrib mal-kap tal-Carabinieri Emanuele Basile. Kien fl-1975 meta lil Borsellino bagħtuh fit-tribunal ta' Palermo; f'Lulju beda jaħdem fl-Uffiċju tal-Proċessi Penali taħt it-tmexxija ta' Rocco Chinnici. Mal-Kaptan Basile ħadem fl-ewwel indaġni fuq il-mafja: minn dak iż-żmien bdiet il-ħidma kbira u bla heda tiegħu biex jeħodha kontra u jeqred l-organizzazzjoni mafjuża.
Fl-1980 wasal l-arrest tal-ewwel sitt mafjużi. Fl-istess sens inqatel il-Kaptan Basile. Għall-familja Borsellino waslet l-ewwel skorta bid-diffikultajiet li din iġġib magħha. Minn dak il-waqt il-ħajja tal-familja Borsellino kellha tinbidel: il-maġistrat ried joħloq relazzjoni maż-żgħażagħ tal-iskorta li kellhom ikunu dejjem spalla ma' spalla miegħu.
Borsellino kien maġistrat "ta' intelliġenza mill-aqwa, ta' karattru serju u riżervat, dinjituż u leali, ... u fis-snin ta' wara ddistingwa ruħu għall-impenn, iż-żelu, id-diliġenza li jikkaratterizzaw il-ħidma tiegħu".
Grupp kontra l-mafja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1980, twaqqaf grupp magħmul minn erba' maġistrati. Falcone, Borsellino u Barrile bdew jaħdmu id f'id, taħt Chinnici. Iż-żgħażagħ huma l-forza li fuqha wieħed jista' jserraħ biex ibiddel mentalità tal-poplu u l-maġistrati dan kienu jafuh. Riedu jqanqlu l-kuxjenzi u jħossu madwarhom l-istima tal-poplu. Kemm Giovanni Falcone kif ukoll Paolo Borsellino dejjem fittxew li jkunu mal-poplu. Borsellino beda d-dibattiti fl-iskejjel, kien jieħu sehem fihom hu stess, ikellem liż-żgħażagħ fil-laqgħat magħhom biex jispjega u jeqred darba għal dejjem il-kultura mafjuża. Dan kompla jagħmlu sa mewtu biex b'hekk għamel miż-żgħażagħ protagonisti fil-ġlieda kontra l-mafja.
Nhar l-4 ta' Awwissu 1983, bomba karozza qatlet lil Rocco Chinnici. Kienet daqqa ta' ħarta kbira għal Borsellino għax Chinnici kien għalih il-punt ta' riferiment. Iżda flok Chinnici wasal f'Palermo l-maġistrat Caponnetto u allura l-grupp ta' maġistrati seta' jissokta bil-ħidma u jikseb l-ewwel riżultati. Fl-1984, arrestaw lill-mafjuż magħruf Vito Ciancimino; u s-“super pentit” Tommaso Buscetta beda jikxef ix-xibka kumplikata tal-mafja.
Bdiet il-preparazzjoni tal-Maxiprocesso u nqatel il-Kummissarju Beppe Montana. Billi Falcone e Borsellino kienu f'periklu kbir, ittieħdu fil-gżira ta' Asinara biex jikkonkludu l-aħħar atti qabel jibda l-proċess. Fil-bidu tal-Maxiprocesso, l-opinjoni pubblika bdiet tikkritika lill-maġistrati, lill-iskorta u r-rwol ġdid tagħhom. Wara dan, Borsellino laħaq Prokuratur Kap tat-Tribunal ta' Marsala. Borsellino beda jgħix fil-kwartieri tal-carabinieri biex ma jpoġġiex fil-periklu lill-persuni tal-iskorta. Beda jgħinu Diego Cavaliero, maġistrat li miegħu ħadem ħafna u b'ħeġġa kbira. Borsellino kien eżempju kbir għaż-żagħżugħ Cavaliero. Beża' li hekk kif jintemm il-Maxiprocesso tonqos l-attenzjoni lejn il-ġlieda kontra l-mafja, u li kollox jerġa' lura għan-“normalità”, u għalhekk Borsellino beda jfittex iktar il-preżenza tal-Istat u jħeġġeġ lis-soċjetà ċivili biex ma tħallix li dan jiġri.
Lejn it-tmiem
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mod tiegħu kif jaħdem, il-kariżma tiegħu u l-impenn tiegħu kien jittieħed; miegħu ngħaqdu bl-istess ħeġġa u kuraġġ diversi maġistrati żgħażagħ. Il-pentiti bdew jitkellmu u bdew jissawru l-investigazzjonijiet fuq il-konnessjonijiet bejn il-mafja u l-politika. Minn dak il-mument l-attakki fuq Borsellino ma waqfu qatt.
Sadattant Falcone, mar Ruma bħala direttur tal-affarijiet penali biex jaħdem għat-twaqqif tas-Superprokura. Ħass il-bżonn li jinvolvi iktar lil politiċi importanti fil-ġlieda kontra l-mafja. Iżda f'Mejju 1992 seħħet l-"Istraġi ta’ Capaci" li fiha Giovanni Falcone nqatel mill-mafja flimkien ma' martu u l-iskorta. It-telfa ta' Falcone lil Paolo Borsellino tatu wisq ġewwa; ir-rabta li kellu ma' Falcone kienet waħda qawwija u antika. Għal tant snin ħadmu flimkien, kielu flimkien u ċċajtaw flimkien. Ħajja speċjali, dik taż-żewġ ħbieb-maġistrati, mimlija passjoni u mħabba lejn art twelidhom. Żewġ karattri differenti, imma kumplimentari, wieħed iktar razzjonali u l-ieħor iktar passjonali, iżda t-tnejn li huma b'kariżma kbira, b'rieda qawwija u bi spirtu eżemplari.
Dak iż-żmien Borsellino reġa' kien qed jaħdem f'Palermo u baqa' hemm minkejja li kien jaf li l-mument tiegħu ukoll ma kienx fil-bogħod. U kważi xahrejn wara, nhar id-19 ta' Lulju 1992, Borsellino mar sa Villagrazia biex jirrilassa daqsxejn. Mar bid-dgħajsa ma' wieħed mill-ftit ħbieb li kien baqagħlu. Wara l-ikel mar Palermo biex jakkumpanja lil ommu għal għand it-tabib. Imma splużjoni ta' karozza bomba taħt id-dar ta' via D'Amelio swiet il-ħajja tal-imħallef Paolo Borsellino u erba' rġiel u mara tal-iskorta.
Kwotazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- "Palermo ma kinitx togħġobni, għalhekk tgħallimt inħobbha. Għax l-imħabba vera tikkonsisti f'li tħobb dak li ma jogħġbokx biex tista' tbiddlu".
- "Fi tmiem ix-xahar, meta nirċievi l-paga, nagħmel eżami tal-kuxjenza u nistaqsi lili nnifsi jekk inkunx ħdimt biżżejjed għaliha".
- "Il-biża' huwa normali f'kull bniedem, l-importanti hu li miegħu jkun hemm ukoll il-kuraġġ. Wieħed ma jridx iħalli l-biża' jirkbu, inkella jsir ostaklu li ma jħallihx jimxi ’l quddiem".
L-Ewwel kotba bil-Malti dwar il-Mafja
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar id-19 ta’ Lulju 2017, Say it Publications ippubblikaw u nedew żewġ kotba bl-isem “Sfidaw lill-Mafja”[1] ta’ Robert Aloisio fl-okkażjoni tal-25 sena mill-qtil taż-żewġ imħallfin Palermitani, Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. It-tnedija saret fiċ-Ċentru Ħanin Samaritan, Santa Venera. Borsellino nqatel propju bħal dakinhar, nhar id-19 ta’ Lulju 1992, fil-ħamsa ta’ filgħaxija, minn karozza bomba pparkjata taħt id-dar ta’ ommu.
Dawn il-kotba Aloisio kitibhom biex ma ninsewx. Il-25 sena mill-qtil barbaru tal-imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino ma riedx iħallih anniversarju li jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn. Tassew li dawn l-eroj ma kinux Maltin. Kienu Sqallin. Imma qabelxejn kienu persuni onesti, korretti u ġusti.
“Sfidaw lill-Mafja” u “Falcone u Borsellino: Żewġ lmħallfin li Sfidaw lill-Mafja”, Aloisio kitibhom biex jagħti tama u jfakkar li ma rridu qatt nidraw il-ħażen, ikunx mafja jew xi ħaġa oħra, u m’għandna qatt nirrassenjaw ruħna għalih. Il-ġwejjef u l-beżżiegħa jagħmlu hekk.
Suġġetti trattati fil-kotba
[immodifika | immodifika s-sors]• L-istorja tal-Imħallef Giovanni Falcone li l-mafja użat nofs tunnellata splussiv biex toqtlu. Għaliex il-mafja kienet tobogħdu daqshekk?
• L-istorja tal-Imħallef Paolo Borsellino li wara li qatlu lil sieħbu Falcone kien jaf li kien imiss lilu. Għaliex baqa’ hemm u ma telaqx minn Sqallija?
• L-istorja ta’ Rosaria, armla żagħżugħa li l-għajta tagħha fil-knisja, għajta ta’ maħfra u ġustizzja, għadha tidwi sal-lum. Għaliex?
• L-istorja ta’ Tommaso Buscetta, is-superboss tal-mafja, li wara li l-Corleonesi mafjużi qatlulu tnax-il membru tal-familja tiegħu, fosthom tnejn minn uliedu, iddeċieda li jikkollabora mal-ġustizzja u kixef is-sistema mafjuża.
• L-istorja ta’ Totò Riina, “il capo dei capi”, li minn kriminal żgħir ta’ serq ta’ bhejjem spiċċa biex sar il-kap tal-mafja kollha ta’ Palermo. Kif irnexxielu jagħmel dan?
• Ir-rabta bejn il-mafja ta’ Sqallija u Malta. Veru li Totò Riina kien ikun spiss Għawdex? Veru li dak li għafas ir-remote u sploda lil Falcone ftit qabel kien ukoll Għawdex?
• X’kienu ġew jagħmlu Malta t-tliet ulied tal-Imħallef Borsellino, tliet xhur wara li qatlulhom lil missierhom? Intervista ma’ min kien responsabbli li ġabhom hawn Malta.
• Intervista esklussiva ma’ Maria Falcone, oħt l-Imħallef Falcone, b’messaġġ lill-qarrejja u liż-żgħażagħ Maltin.
• Dizzjunarju ta’ termini assoċjati mal-mafja.
• 100 kwotazzjoni minn fomm dawk li ġġieldu lill-mafja.
Silta mill-ktieb ġdid “Falcone u Borsellino: Żewġ lmħallfin li Sfidaw lill-Mafja”
[immodifika | immodifika s-sors]"Il-Ħadd 19 ta’ Lulju 1992. Borsellino joħroġ sigarett mill-pakkett. Xemx taqli l-ġrieden. Bil-kemm jilħaq jieħu nifs, fuq xufftejh għandu tbissima, jgħolli subgħu biex iċempel l-intercom. Il-ħamsa neqsin żewġ minuti, ta’ filgħaxija. U Palermo terġa’ ssir qisha Bejrut. Il-Fiat 126, b’madwar disgħin kilo splussiv tip Semtex-H tisplodi fi Triq D’Amelio 21, taħt il-blokk fejn kienet toqgħod omm l-Imħallef.
Splużjoni, duħħan, fjammi, demm u biċċiet ta’ iġsma: għal sittin sekonda sħaħ ix-xemx tgħattiet għal kollox. Il-Fiat 126 taret tletin metru minn fejn kienet. Il-karozzi bulletproof tal-pulizija tal-iskorta nqerdu. Tletin karozza oħra li kienu pparkjati hemm ħadu n-nar. L-iġsma ta’ Borsellino u tal-pulizija tal-iskorta Agostino Catalano, Walter Eddie Cusina, Emanuela Loi, Vincenzo Li Muli, u Claudio Traina nħarqu u ttertqu, b’biċċiet minnhom itiru u jaħbtu mal-asfalt tat-triq. Il-pistoli li kellhom f’idejhom kienu ħadu u splodew f’idhom tant li id wieħed minnhom instabet fis-sitt sular ta’ bini fil-qrib.
Ix-xenarju deskritt mill-pulizija li waslu fuq il-post kien dak ta’ “għexieren ta’ karozzi meqruda mill-fjammi, oħrajn li kienu għadhom jinħarqu, balal li minħabba s-sħana bdew jisplodu weħidhom, nies tgħajjat u titlob l-għajnuna, u iġsma mtertqin, tal-biża’.” Saret ukoll ħsara kbira fil-bini u fil-ħwienet tal-post. “Kulħadd f’Palermo kien jaf li wara l-Imħallef Falcone, il-vittma li jmiss kien Borsellino,” jirrakkonta Vullo, “bejnietna l-pulizija kien isir dan id-diskors: inti pulizija tal-iskorta ta’ Borsellino? Il-Bambin iħarsek. U hekk xahar qabel, saħħew is-sigurtà kullimkien. Minbarra f’via D’Amelio”.
Lil ommu, Borsellino spiss kien iżurha, u kien jiftiehem magħha bit-telefon. Kieku kien hemm sigurtà f’dik it-triq, kien hemm probabbiltà kbira li xi pulizija jinnota n-number plate ta’ dik il-Fiat 126 misruqa ipparkjata propju taħt il-blokk. Ibnu Manfredi, meta kien Malta, irrakkonta li omm Borsellino, Maria Pia, niżlet tara lil binha mtertaq biċċiet: “Bqajna miblugħa bin-nanna li fl-età ta’ 83 sena niżlet it-taraġ tad-dar tagħha mfarrka. Niżlet ħdejn il-karozza mfarrka ta’ missieri u talbet fuq dak li kien fadal mill-papà.” Omm Borsellino mietet ħames snin wara, fl-1997. Manfredi konvint li l-qtil ta’ missieru seta’ ġie evitat."
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Sfidaw lill-Mafja". www.facebook.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.