Pajsaġġ Kulturali ta' Gedeo
Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Gedeo huwa reġjun fiż-Żona ta' Gedeo, parti mill-Istat Reġjonali tan-Nofsinhar tal-Etjopja fin-Nofsinhar tal-Etjopja u fl-Etjopja ċentrali. Huwa estiż tul in-naħa tal-Lvant tal-Foss Etjopjan Prinċipali, f'għoli li jvarja bejn 1,307 u 3,072 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Fir-reġjun hemm madwar 250,000 membru tal-poplu Gedeo. Ir-reġjun huwa mgħoni b'foresti sagri u monumenti megalitiċi, u ilu jospita l-poplu Gedeo għal eluf ta' snin. L-agroforestrija tradizzjonali hija pprattikata fir-reġjun mill-poplu Gedeo. Bis-saħħa ta' dawn il-prattiki tradizzjonali, l-istorja twila tagħha ta' okkupazzjoni, u l-importanza kulturali tar-reġjun, il-Pajsaġġ Kulturali ta' Gedeo tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-reġjun ta' Gedeo ilu okkupat għal millenji; l-evidenza tal-okkupazzjoni tmur lura għan-Neolitiku. Eluf ta' monumenti tal-ġebel (steli) f'madwar 100 sit ġew irreġistrati fil-pajsaġġ kollu.[2] L-ikbar steli huma għoljin 8 metri u għandhom dijametru ta' metru, u huma mżejna b'figuri antropomorfiċi u falliċi. Instabu wkoll diversi siti funebri u nekropoli, u fl-inħawi huma komuni l-petroglifiċi mnaqqxa.
L-ewwel stħarriġiet arkeoloġiċi Ewropej taż-żona twettqu fis-snin 20 u 30 tas-seklu 20.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Gedeo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Agroforestrija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-vulkaniżmu matul il-Mijoċen u l-perjodu Kwaternarju, flimkien mal-bosta xmajjar alluvjonali, jagħmlu r-reġjun għammiel ħafna. Iżjed minn 90 % tal-erja tal-art taż-Żona ta' Gedeo hija miksija bl-agroforestrija, u l-enset (tip ta' banana Etjopjana) u l-kafè huma l-prodotti agrikoli prinċipali. Ir-raba' huwa stratifikat vertikalment, bil-pjanti tal-enset u tal-kafè jikbru taħt is-siġar nattivi maturi. Il-ħxejjex tal-għeruq bħall-kassava u l-legumi jitkabbru taħt l-għelejjel prinċipali tal-inħawi. Sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi tal-erożjoni fuq il-pajsaġġ imtarraġ, ma jsirx kważi l-ebda ħdim tar-raba', u spiss tiġi pprattikata n-newba tal-għelejjel, biex b'hekk xi raba' jibqa' mhux maħdum.
L-għarfien kulturali dwar il-ġestjoni u l-konservazzjoni tas-sistema tal-agroforestrija jirriżulta mid-drawwiet u mit-twemmin tal-poplu Gedeo, u dan iwassal għal relazzjoni reċiproka bejn il-bniedem u l-ambjent. Fiż-żona hemm bosta foresti sagri u l-ħsad minnhom huwa pprojbit.[3]
Ħamsin speċi differenti ta' pjanti nattivi biz-zkuk instabu fi ħdan dawn l-irziezet tradizzjonali, u 22 minnhom huma ta' tħassib partikolari għall-konservazzjoni. L-iżjed pjanti nattivi komuni huma l-Millettia u l-Cordia africana, kif ukoll iċ-ċirasa Afrikana li tikber ukoll fi ħdan dawn il-foresti.[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Gedeo Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-11.
- ^ Holmyard, E. J. (April 1933). "Cinq Années de Recherches Archéologiques en Éthiopie. Province du Harar et Éthiopie Meridionale. By the Rév. Père Azaïs and R. Chambard. Preface by Edmond Pottier. 11 × 9, pp. xv + 348, pls. 6, map 1, and an atlas of 110 plates. Paris: Paul Geuthner, 1931. 350 fr". Journal of the Royal Asiatic Society of Great Britain & Ireland. 65 (2): 457–458.
- ^ Debelo, Asebe Regassa; Legesse, Abiyot; Milstein, Tema; Orkaydo, Ongaye Oda (21 August 2017). ""Tree Is Life": The Rising of Dualism and the Declining of Mutualism among the Gedeo of Southern Ethiopia". Frontiers in Communication. 2.
- ^ Negash, Mesele; Yirdaw, Eshetu; Luukkanen, Olavi (Mejju 2012). "Potential of indigenous multistrata agroforests for maintaining native floristic diversity in the south-eastern Rift Valley escarpment, Ethiopia". Agroforestry Systems. 85 (1): 9–28.