Aqbeż għall-kontentut

Pajsaġġ Industrijali ta' Blaenavon

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Impjant tal-Foss il-Kbir ta' Blaenavon

Il-Pajsaġġ Industrijali ta' Blaenavon, fl-inħawi ta' Blaenavon, il-Kontea ta' Torfaen, f'Wales, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1] L-Impjant Industrijali tal-Ħadid ta' Blaenavon, li issa huwa mużew, kien ċentru ewlieni tal-produzzjoni tal-ħadid, bl-użu ta' minerali tal-ħadid, tal-faħam u tal-ġebla tal-ġir imħaffra jew estratti lokalment. Il-materja prima u l-prodotti kienu jiġu ttrasportati fuq it-toroq tat-tramm biż-żwiemel, fuq il-kanali u fuq il-linji ferrovjarji bil-ferroviji li jaħdmu bl-istim. Il-Pajsaġġ jinkludi monumenti protetti jew elenkati tal-proċessi industrijali, infrastruttura tat-trasport, abitazzjonijiet tal-ħaddiema u aspetti oħra tal-industrijalizzazzjoni fin-Nofsinhar ta' Wales.

It-Torri tal-Bilanċ tal-Ilma ta' Blaenavon

Ir-Rivoluzzjoni Industrijali fir-Renju Unit kienet ibbażata fuq il-ħadid u l-faħam, il-prodotti prinċipali tal-widien tan-Nofsinhar ta' Wales. Il-produzzjoni tal-ħadid fondut grezz fir-reġjun kibret minn 39,600 tunnellata fl-1796 għal 666,000 tunnellata fl-1852, u l-ħadid kien jintuża biex jinbnew linji ferrovjarji, fabbriki u magni madwar id-dinja.[2] Blaenavon kienet ċentru importanti għall-estrazzjoni tal-faħam u għall-produzzjoni tal-ħadid fin-Nofsinhar ta' Wales matul l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19. L-Impjant Industrijali tal-Ħadid ta' Blaenavon infetaħ għall-ħabta tal-1789 u kkawża l-iżvilupp tal-minjieri, tal-barrieri u tal-abitazzjonijiet.

Blaenavon tinsab fit-tarf ta' fuq tal-wied ta' Afon Lwyd fin-Nofsinhar ta' Wales. Is-Sit ta' Wirt Dinji huwa bbażat fuq żona kbira ta' art li l-Kumpanija ta' Blaenavon kriet fl-1789. Is-sit jinsab fuq ix-xifer tal-Grigal tal-Medda tal-Faħam tan-Nofsinhar ta' Wales.[3] Iż-żona hija eżempju eċċellenti ta' pajsaġġ industrijali li ġie ffurmat fl-aħħar tas-seklu 18 u fil-bidu tas-seklu 19 permezz tal-attivitajiet tax-xogħol fil-minjieri u tal-produzzjoni tal-ħadid.[4] Is-sit fih 3,290 ettaru ta' art li tinkludi l-Impjant Industrijali tal-Ħadid ta' Blaenavon u l-minjiera tal-faħam tal-Foss il-Kbir, u hija mdawra bil-minjieri u bil-barrieri, impjant tal-manifattura, linji ferrovjarji, kanal, abitazzjonijiet tal-ħaddiema u infrastruttura soċjali.

Elementi tal-pajsaġġ

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Triq tat-Tramm mill-Mina ta' Pwll Du sal-Fonderija ta' Garnddyrys

L-Impjant Industrijali tal-Ħadid ta' Blaenavon kien jopera mill-1789 sal-1902. Illum il-ġurnata hemm il-fdalijiet ta' sitt fran tal-blast, fonderiji, kmamar bil-bojlers, kmamar bil-magni, torri tal-bilanċ tal-ilma li kien jintuża biex jiġu olzati u jitbaxxew it-tramms, u l-abitazzjonijiet tal-ħaddiema madwar il-pjazza magħrufa bħala Stack Square. Il-fdalijiet tal-fran mill-aħħar tas-seklu 18 u mis-seklu 19 huma ppreservati sew. Elementi oħra jinkludu t-torri tal-bilanċ tal-ilma tal-1839, żewġ fonderiji, il-fdalijiet ta' kalkari, il-bażi taċ-ċumnija enormi tal-magna tal-infiħ, l-istruttura tal-ħadid fondut li kienet iġġorr il-pajpijiet tal-blast lejn il-fran, u l-fdalijiet tal-abitazzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-Foss il-Kbir kien l-aħħar minjiera fonda tal-faħam li baqgħet operazzjonali fiż-żona. Il-binjiet tas-superfiċe, it-tagħmir tal-kojljatura u l-impjanti ta' taħt l-art għadhom f'kundizzjoni eċċellenti. Il-minjiera tal-faħam tal-Foss il-Kbir, li issa hija ġestita mill-Amgueddfa Cymru – il-Mużew Nazzjonali ta' Wales, kienet operattiva mill-ħabta tal-1860 sal-1980. Il-binjiet oriġinali tal-foss ġew ippreservati, inkluż il-qafas tal-parti ta' fuq tal-makkinarju tal-foss, il-magna tal-kojljatura u l-banjijiet. L-Impjant tal-Kojljatura tal-Foss il-Kbir reġa' nfetaħ bħala mużew fl-1983. Il-viżitaturi jistgħu jżuruh permezz ta' żjara ggwidata taħt l-art. Fl-2005 il-mużew rebaħ il-Premju Gulbenkian bħala l-mużew tas-sena.[5]

Fost il-binjiet eżistenti mill-perjodu industrijali bikri hemm it-Ty-Mawr (id-Dar il-Kbira), magħrufa wkoll bħala d-Dar ta' Blaenavon, li nbniet għad-direttur tal-impjant tal-ħadid, Samuel Hopkins, fl-1791, l-abitazzjonijiet tal-ħaddiem, il-Knisja ta' San Pietru (1804), l-Iskola ta' San Pietru (1816) u s-Sala tal-Ħaddiema ta' Blaenavon (1894). Elementi oħra tal-Pajsaġġ Industrijali huma l-minjieri u l-barrieri li minnhom kienu jiġu estratti l-faħam, il-minerali tal-ħadid, it-tafal refrattarju u l-ġebla tal-ġir. Hemm ukoll traċċi ta' ferroviji mmexxija biż-żwiemel, mini u niżliet li kienu jintużaw għall-ġarr tal-minerali tal-ħadid, tal-faħam u tal-ġebla tal-ġir lejn l-impjant tal-ħadid, u għall-ġarr tal-ħadid fondut grezz lejn il-Fonderija ta' Garnddyrys. Il-ħadid ferrobattut kien jittieħed mill-fonderija lejn Llanfoist fuq il-Kanali ta' Brecknock u ta' Abergavenny biex imbagħad jiġi ttrasportat lejn partijiet oħra tar-Renju Unit u fid-dinja. Hemm mixjiet u mogħdijiet li permezz tagħhom il-viżitaturi jistgħu jesploraw il-Pajsaġġ. Hemm mogħdijiet bil-mixi bit-tabelli bid-direzzjonijiet li jsegwu l-linji ferrovjarji tal-iżjed ferroviji bikrin tal-ħadid. Il-Linja Ferrovjarja ta' Pontypool u ta' Blaenavon Railway xi darba kienet faċilità importanti tat-trasport. Il-ferrovija bl-istim ġiet irrestawrata flimkien mal-linja ferrovjarja, u hemm stazzjon fiċ-ċentru tar-raħal ta' Blaenavon.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ferrovija bl-istim ta' Blaenavon

F'Diċembru 2000, żona ta' 33 kilometru kwadru tal-Pajsaġġ Industrijali ta' Blaenavon tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Blaenavon kienet l-ewwel "pajsaġġ kulturali" li ġie rikonoxxut bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Renju Unit. Madwar £40 miljun intefqu fl-ewwel għaxar snin.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Iż-żona ta' lqugħ tas-sit tinkludi l-monumenti prinċipali tal-kumpless tax-xogħol fil-minjieri u tal-produzzjoni tal-ħadid, li jinsabu f'kundizzjoni tassew tajba, kif ukoll il-fdalijiet tal-infrastruttura tal-minjieri, tal-barrieri u tat-trasport. Wieħed jista' jittraċċa l-proċess industrijali kumpless u l-aspetti soċjali tiegħu fil-bidu tar-Rivoluzzjoni Industrijali.[1]

Preservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-Ċentru tal-Wirt Dinji ta' Blaenavon għall-viżitaturi b'wirja dwar kif kien jiġi prodott il-ħadid

Il-Pajsaġġ jinkludi 24 monument skedat u 82 binja elenkata, li minnhom l-iżjed importanti għandhom sjieda pubblika. Meta l-Pajsaġġ Industrijali ta' Blaenavon tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bosta mill-elementi kienu vulnerabbli minħabba nuqqas ta' konservazzjoni. Minn dak iż-żmien 'l hawn, sar xogħol estensiv biex jiġu kkonservati l-impjanti industrijali tal-ħadid, il-Foss il-Kbir u elementi storiċi oħra ta' Blaenavon u l-pajsaġġ tal-madwar. Isiru sforzi kontinwi biex jiġi żgurat l-iżvilupp ġdid ma jnaqqasx mill-valur tal-Pajsaġġ u ma jkerrahx id-dehra tiegħu.[1]

Il-Kunsill Distrettwali tal-Kontea ta' Torfaen, l-Awtorità tal-Park Nazzjonali ta' Brecon Beacons u l-Kunsill tal-Kontea ta' Monmouthshire għandhom responsabbiltà statutorja fl-ippjanar ta' partijiet mill-Pajsaġġ. Il-pjanijiet għall-iżvilupp ta' dawn l-awtoritajiet għandhom l-għan li jħarsu l-proprjetà tas-sit, u dan l-aspett huwa kopert ukoll permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Ippjanar Urban u tal-Kampanja (1980) u tal-Att dwar l-Ippjanar taż-Żoni b'Binjiet Elenkati u taż-Żoni ta' Konservazzjoni (1990). Iċ-ċentru tar-raħal ta' Blaenavon u ċ-Cwmavon huma żoni ta' konservazzjoni, u tressqet proposta biex Forgeside u Glantorfaen isiru żona oħra ta' konservazzjoni. Fl-2008 infetaħ Ċentru tal-Wirt Dinji għall-viżitaturi. Il-Pajsaġġ jiġi ġestit mill-Partenarjat ta' Blaenavon, li jinvolvi diversi awtoritajiet, aġenziji u korpi oħra u huwa mmexxi mill-Kunsill Distrettwali tal-Kontea ta' Torfaen. F'Ġunju kull sena jiġi ċċelebrat Jum il-Wirt Dinji. Analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji tal-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji wriet li dan wassal għar-riġenerazzjoni taż-żona.[6]

L-arkitetti Purcell Miller Tritton rebħu l-Medalja tad-Deheb għall-Arkitettura fl-Eisteddfod Nazzjonali ta' Wales tal-2008 għax-xogħol tagħhom fiċ-Ċentru tal-Wirt Dinji għall-viżitaturi.[7]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Blaenavon Industrial Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-28.
  2. ^ Blaenavon Industrial Landscape (bl-Ingliż). 2021-08-08. Miġbur 2022-04-28. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  3. ^ Galla, Amareswar (22 November 2012), World Heritage: Benefits Beyond Borders, Cambridge University Press, ISBN 978-1-139-85215-9.
  4. ^ "Local Authority World Heritage Forum :: Blaenavon Industrial Landscape". web.archive.org. 2016-04-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-04-24. Miġbur 2022-04-28.
  5. ^ a b Britain, Discover (2014-02-04). "Blaenavon Industrial Landscape" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-28.
  6. ^ a b "Managing Blaenavon's industrial landscape". web.archive.org. 2016-04-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-04-26. Miġbur 2022-04-28.
  7. ^ "Gold Medal for Architecture Winners | National Eisteddfod". web.archive.org. 2021-01-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-24. Miġbur 2022-04-28.