Oqbra tar-Rejiet ta' Buganda f'Kasubi
L-Oqbra tar-Rejiet ta' Buganda f'Kasubi, jew fil-qosor l-Oqbra ta' Kasubi f'Kampala, l-Uganda, huma l-postijiet fejn indifnu erba' kabaka (rejiet ta' Buganda) u membri oħra tal-familja rjali ta' Buganda. Għaldaqstant, is-sit għad għandu importanza spiritwali u politika għall-poplu Ganda, u huwa eżempju importanti tal-arkitettura tradizzjonali. L-oqbra tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Diċembru 2001,[1][2] meta ġew deskritti bħala "waħda mill-iżjed binjiet notevoli bl-użu ta' materjali purament veġetali fir-reġjun kollu tal-Afrika sub-Saħarjana".[3]
Uħud mill-binjiet ewlenin kważi nqerdu għalkollox minħabba nirien f'Marzu 2010. B'hekk, f'Lulju 2010 l-oqbra tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu.[4]
Ir-Renju ta' Buganda wiegħed li jerġa' jibni l-oqbra tar-rejiet u l-President Museveni qal li l-gvern nazzjonali tal-Uganda kien se jassisti fir-restawr tas-sit. Ir-rikostruzzjoni bdiet fl-2014, iffinanzjata mill-gvern tal-Ġappun.[5]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi madwar 26 ettaru (64 akru) fl-għolja ta' Kasubi fil-belt ta' Kampala, madwar 5 kilometri (3.1 mili) fil-Majjistral taċ-ċentru tal-belt. Il-biċċa l-kbira tas-sit jinsab f'art agrikola fil-beraħ li hija kkultivata b'tekniki tradizzjonali. Rokna mis-sit tinkludi palazz irjali li nbena fl-1882 minn Muteesa I, il-35 Kabaka ta' Buganda, biex jissostitwixxi palazz li kien inbena minn missieru, Ssuuna II, fl-1820. Il-palazz il-ġdid sar post tad-dfin irjali ma' mewtu fl-1884. Is-sit huwa wieħed minn 31 qabar irjali fir-Renju ta' Buganda minn minndu ġie stabbilit fis-seklu 13. Tradizzjonalment, ġisem ir-re deċedut kien jindifen f'post, b'santwarju separat għax-xedaq tar-re deċedut, li skont twemmin lokali kien fih ruħ ir-re. Minkejja dan, għad-differenza tat-tradizzjoni tas-soltu, is-sit f'Kampala fih l-oqbra rjali ta' erba' Kabaka ta' Buganda:
- Muteesa I (1835–1884);
- Mwanga II (1867–1903; li miet f'eżilju fis-Seychelles u l-fdalijiet tiegħu ġew irritornati fl-1910);
- Daudi Chwa II (1896–1939); u
- Sir Edward Muteesa II (1924–1969; li miet f'eżilju f'Londra, ir-Renju Unit, u l-fdalijiet tiegħu ġew irritornati fl-1971).
Id-dixxendenti ta' dawn l-erba' Kabaka huma midfuna xi mkien ieħor fis-sit.
Il-konfini tas-sit ċerimonjali ġew stabbiliti fl-1882 fuq l-Għolja ta' Kasubi, magħrufa wkoll bħala l-Oqbra ta' Ssekabaka. Il-konfini għadhom immarkati bis-siġar tal-Ficus natalensis, li pproteġew is-sit mill-iżvilupp residenzjali ta' djar baxxi li issa jinsabu madwar is-sit fuq kull naħa. Iż-żona ċerimonjali prinċipali tinsab lejn il-Majjistral tas-sit. Dar ta' lqugħ (Bujjabukula) tagħti għal bitħa żgħira u għad-dar tat-tnabar (Ndoga-Obukaba) fejn jinsabu t-tnabar irjali, u mbagħad għat-tieni bitħa ċirkolari (Olugya) li tinsab fil-quċċata tal-għolja, imdawra b'ċint tal-qasab.
Il-binja ċentrali prinċipali (Muzibu Azaala Mpanga), b'ċirkonferenza ta' xi 31 metru (102 pied) u b'għoli ta' 7.5 metri (25 pied), tinsab biswit il-konfini tal-bitħa, fit-tarf ta' faċċata tad-daħla. Oriġinarjament kienet inbniet b'pilastri tal-injam, qasab, ħuxlief u tajn, imsaqqfa b'koppla bil-ħuxlief oħxon li tistrieħ fuq 52 fergħa tas-siġar tal-palm (li jirrappreżentaw it-52 klann tradizzjonali tal-poplu Buganda). Fl-aħħar rinnovazzjoni kbira li saret fl-1938 ġew introdotti materjali moderni tal-bini mill-Kabaka Mutesa II ta' Buganda, inkluż struttura tal-azzar, kolonni tal-konkos, u brikks, fil-biċċa l-kbira moħbija wara materjali tradizzjonali. Ħnejja wiesgħa u baxxa tagħti għall-ispazji sagri ta' ġewwa, li huma sseparati minn ħitan diviżorji tal-qasab, b'tiżjin bil-qxur tas-siġar, u mfakar tal-kabaka. L-oqbra jinsabu fi ħdan foresta sagra (Kibira) fuq ġewwa, moħbija mill-pubbliku permezz ta' ħasira. L-art hija miksija b'saffi tal-friegħi tal-palm u tal-lemon grass.
Il-bitħa hija kkonfinata wkoll minn diversi binjiet ta' kostruzzjoni tradizzjonali, fosthom diversi "djar tan-nisa tal-kabaka" għar-romol tal-kabaka deċeduti, li jieħdu ħsieb l-oqbra tal-familja. Id-djar tagħhom inbnew b'mod tradizzjonali bil-ħuxlief, bil-qasab u bit-tajn u huma msaqqfa bil-ħuxlief, għalkemm maż-żmien uħud ġew rikostruwiti bil-brikks u ġew imsaqqfa b'soqfa tal-metall, u b'oqbra għall-qrabat irjali. Hemm ukoll id-djar tal-membri tal-familja rjali, u tal-uffiċjali rjali, inkluż in-Nalinya (il-gwardjana spiritwali), is-sostituta tagħha, il-Lubuga (responsabbli għall-koordinazzjoni tal-biedja fis-sit), u l-assistent amministrattiv tagħha, il-Katikkiro. Is-sit huwa wkoll ċentru għall-manifattura u għat-tiżjin tradizzjonali bil-qxur tas-siġar lokali mill-klann ta' Ngo u għat-tisqif b'tekniki tradizzjonali tal-klann ta' Ngeye.
Il-binja ġiet miżmuma u ġestita mir-Renju ta' Buganda, l-ikbar mill-erba' renji antiki tal-Uganda, sal-abolizzjoni tar-renju mill-Prim Ministru (dak iż-żmien il-President) Milton Obote fl-1966, u mill-ġdid wara li ġie stabbilit għal darb'oħra mill-President Museveni fl-1993. L-oqbra saru sit protett skont il-liġi tal-Uganda fl-1972, u l-art hija rreġistrata f'isem ir-Renju f'Kabaka. Is-sit għad għandu importanza spiritwali u politika importanti għall-poplu Buganda.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Oqbra tar-Rejiet ta' Buganda f'Kasubi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]
Qerda
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-16 ta' Marzu 2010, għall-ħabta tat-8.30 ta' filgħaxija ħin lokali tal-Uganda, l-Oqbra ta' Kasubi nqerdu minn nirien. Il-kawża tan-nirien baqgħet mhux magħrufa. Ir-Renju ta' Buganda wiegħed li jwettaq investigazzjonijiet indipendenti, flimkien mal-forza tal-pulizija nazzjonali, biex jippruvaw jaraw x'wassal għan-nirien.[7]
John Bosco Walusimbi, il-Prim Ministru tar-Renju ta' Buganda, l-għada s-17 ta' Marzu stqarr:
Ir-renju jinsab f'luttu. Ma hemmx mod kif wieħed jiddeskrivi t-telfa mġarrba. — The Guardian[8]
Il-fdalijiet tal-kabaka baqgħu intatti, skont Walusimbi, l-istess bħaż-żona sagra interna tal-oqbra li ġiet protetta mill-qerda totali.
Fis-17 ta' Marzu 2010, il-Maestà Tiegħu l-Kabaka ta' Buganda, Ronald Muwenda Mutebi II, u l-President tal-Uganda, Yoweri Museveni, żaru is-sit tal-oqbra.[9] Mijiet ta' nies ivvjaġġaw ukoll lejn is-sit biex jagħtu daqqa t'id biex jiġu salvati l-fdalijiet tal-oqbra.[10]
Matul iż-żjara tal-President faqqgħu xi rvelli. Il-forzi tas-sigurtà sparaw u qatlu żewġ persuni (xi rapporti jsostnu li qatlu tliet persuni) u darbu ħames persuni oħra. Is-suldati u l-pulizija tal-Uganda ffaċċjaw ukoll irvelli fil-belt kapitali Kampala. Il-forzi tas-sigurtà użaw il-gass tad-dmugħ biex irażżnu l-irvelli tal-grupp etniku tal-Buganda.[11]
Il-qerda seħħet meta kien hemm relazzjoni kemxejn stramba bejn il-gvern tal-Uganda u r-Renju ta' Buganda, b'mod partikolari fid-dawl tal-irvelli ta' Settembru 2009. Qabel dawn l-irvelli, ir-re ta' Buganda Ronald Mutebi Mwenda ma tħalliex iżur partijiet mir-renju tiegħu, u diversi ġurnalisti li allegatament kien simpatizzanti tar-renju u dawk li wettqu l-irvelli ġew arrestati u tressqu quddiem il-liġi.
Wara n-nirien
[immodifika | immodifika s-sors]L-amministrazzjoni tar-Renju ta' Buganda wiegħdet (tofaali) li terġa' tibni l-oqbra u l-President Museveni stqarr li l-gvern nazzjonali kien se jassisti fir-restawr.[12][13]
Ġiet stabbilita kummissjoni biex tiġi ddeterminata l-kawża tan-nirien u l-imwiet ta' persuni ċivili fil-jiem ta' wara. Din il-kummissjoni fasslet rapport u għaddietu lill-gvern tal-Uganda f'Marzu 2011, għalkemm dan ma kienx aċċessibbli għall-pubbliku.[14] F'Diċembru 2012, ġie varat pjan għar-restawr tal-Oqbra ta' Kasubi bl-għajnuna minn pajjiżi barranin. L-amministrazzjoni ta' Buganda issa saħqet fuq il-miżuri ta' sigurtà li ttieħdu matul ir-restawr li rrestrinġu l-aċċess għall-oqbra.
B'rispons għall-inċident, intbagħtet missjoni ffinanzjata minn fondi fiduċjarji mill-UNESCO u mill-Ġappun għall-Preservazzjoni tal-Wirt Kulturali Dinji sabiex tinħoloq skema ta' prevenzjoni għar-rikostruzzjoni tal-oqbra. Abbażi tar-riżultati tal-missjoni, il-gvern tal-Ġappun iddeċieda li jipprovdi kooperazzjoni finanzjarja għal proġett ta' rikostruzzjoni tal-oqbra, għat-tneħħija tas-sit mil-lista tas-siti fil-periklu, għall-istabbiliment ta' skema effiċjenti ta' prevezjoni tar-riskji u għat-trasferiment ta' esperti fir-restawr tas-siti kulturali.[15]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Tombs of Buganda Kings at Kasubi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee Inscribes 31 New Sites on the World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ "Dokument ta' Evalwazzjoni tas-sit" (PDF).
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "List of World Heritage in Danger: World Heritage Committee inscribes the Tombs of Buganda Kings (Uganda) and removes Galapagos Islands (Ecuador)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Reconstruction of the Tombs of the Buganda Kings begins". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ "L-Oqbra ta' Kasubi". Miġbur 2024-02-29.
- ^ "Uganda royal tombs gutted by fire" (bl-Ingliż). 2010-03-17. Miġbur 2024-02-29.
- ^ Rice, Xan; Among, Barbara (2010-03-17). "Three killed in Kampala clashes after royal mausoleum destroyed by fire" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ "New Vision - Uganda news". web.archive.org. 2012-02-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-11. Miġbur 2024-02-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Home". Monitor (bl-Ingliż). 2024-02-29. Miġbur 2024-02-29.
- ^ "Breaking News, World News and Video from Al Jazeera". Al Jazeera (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ "New Vision Online : Kabakas still intact, says Katikkiro". web.archive.org. 2010-03-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-03-22. Miġbur 2024-02-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Uganda Media Centre". web.archive.org. 2011-07-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-26. Miġbur 2024-02-29.
- ^ "The Observer - Uganda". observer.ug. Miġbur 2024-02-29.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Safeguarding living cultural traditions at the World Heritage site of Muzibu-Azaala-Mpanga". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.