Opossum tal-Patagonja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Opossum tal-Patagonja
Stat ta' konservazzjoni

Riskju minimu (IUCN 3.1)
Klassifikazzjoni xjentifika
RenjuAnimalia
PhylumChordata
KlassiMammalia
OrdniDidelphimorphia
FamiljaDidelphidae
ĠeneruLestodelphys (en) Lestodelphys
speċi Lestodelphys halli
, 1921
Distribuzzjoni ġeografika

L-opossum tal-Patagonja (Lestodelphys halli) huwa mammiferu marsupjal tal-familja Didelphidae, nattiv tal-kontinent tal-Amerika t'Isfel.

Dan l-opossum huwa marsupjal terrestri, adattat għal ħajja mal-art u jippreferi jgħix f'abitat ta' artijiet tal-ħaxix subtropikali u tropikali baxxi xotti magħrufin bħala "pampas" (artijiet miftuħa b'ħafna arbuxelli u ħaxix għoli) fejn ikun jista' jikkaċċa.

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Opossum tal-Patagonja adult għandu l-pil fin u folt ta' lewn griż skur fuq id-dahar u l-ġnub u ta' ton aktar skur fuq il-wiċċ. L-idejn, is-saqajn, man-naħa ta' taħt taż-żaqq u man-naħa ta' taħt tad-denb u t-tbajja madwar l-għajnejn u l-widnejn huma fl-abjad. Il-widnejn huma żgħar, tondi u ta' lewn il-laħam u n-naħa ta' fuq tad-denb huwa miksi b'xagħar qasir, fin ta' kulur kannella fil-griż. Ir-raġel ġeneralment ikollu tebgħa oranġjo fuq quddiem mal-gerżuma, waqt li fil-mara t-tebgħa oranġjo tinsab madwar il-bżiezel (Kalafut, 2005; Marshall, 1977; Redford and Eisenberg, 1992).

Lestodelphys halli adult kapaċi jilħaq 80 gramma u jitwal bejn 13.2 u 14.4 ċentimetri. Id-denb iqsar mil-ġisem (wieħed mil ftit opossumi li għandu denbu iqsar minn ġismu) ikun bejn wieħed u ieħor minn 8.1 sa 9.9 ċentimetri twil, is-saqajn ta' wara jkunu madwar 1.57 u mhux aktar minn 1.77 ċentimetri, filwaqt li l-widnejn ikunu bejn 1.8 u 2.2 ċentimetri kbar (Kalafut, 2005; Marshall, 1977; Redford and Eisenberg, 1992).

Dieta[immodifika | immodifika s-sors]

Dan l-opossum huwa mammiferu marsupjal karnivoru u għalkemm jiekol il-frott u l-insetti, meta jkunu disponibbli jidher biċ-ċar li d-dieta tiegħu tibbaża ħafna fuq laħam u tikkonsisti prinċipalment minn għasafar u ġrieden. Infatti fost l-opossumi, Lestodelphys halli huwa wieħed mill-aktar speċi karnivori. L-opossum tal-Patagonja ta' 70 gramma ġie rrapurtat li kien kapaċi jiekol ġurdien ta' 35 gramma (Marshall, 1977; Nowak, 1999; Redford and Eisenberg, 1992).

Distribuzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Dan għandu distribuzzjoni żgħira li qiegħda dejjem tiċkien fil-pajjiż tal-Arġentina biss u fil-fatt huwa speċi endemika ta' dan il-pajjiż u jinsab partikolarment fil-pampas tal-Patagonja f'Chubet, Mendoza, Neuquen, Rio Negro, u Santa Cruz. L-opossum tal-Patagonja huwa l-aktar speċi ta' marsupjal li jgħix daqshekk 'l isfel fin-Nofsinnhar (Marshall 1977).

Riproduzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Fuq l-opossum tal-Patagonja hemm ftit li xejn informazjoni, però, peress li jgħix f'żoni temperati huwa maħsub li jirriproduċi staġunalment jew fi żminijiet limitati matul is-sena. Il-mara ta'din l-ispeċi m'għandix marsupju bħal ħafna speċi marsupjali oħra u jkollha 19-il "mammae" jew żejżiet (Redford and Eisenberg, 1992).

Klassifikazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]