Aqbeż għall-kontentut

Nick Drake

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Nick Drake
Ħajja
Isem propju Nicholas Rodney Drake
Twelid Yangon, 19 Ġunju 1948
Nazzjonalità Renju Unit
Mewt Tanworth-in-Arden (mul) Translate, 25 Novembru 1974
Post tad-dfin Warwickshire (mul) Translate
Kawża tal-mewt suwiċidju (drug overdose (en) Translate)
Familja
Omm Molly Drake
Aħwa
uri
Edukazzjoni
Alma mater Eagle House School (en) Translate
Marlborough College (en) Translate
(1962 - 1966)
Fitzwilliam College (en) Translate
(1967 - 1969) no value : English studies (en) Translate
Lingwi Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kantawtur
kompożitur tal-kanzunetti
kitarrist
kompożitur
kantant
mużiċist
Moviment artistiku mużika tradizzjonali
baroque pop (en) Translate
mużika folkloristika
Strument/i tal-mużika kitarra
pjanu wieqaf
clarinet (en) Translate
vuċi
Tikketta tar-reġistrazzjoni Island Records (mul) Translate
Elektra Records (mul) Translate

Nicholas Rodney "Nick" Drake (twieled fid-19 ta' Ġunju 1948 – twieled fil-25 ta' Novembru 1974) kien kant-awtur u mużiċista Ingliż, magħruf l-aktar għall-kanzunetti tiegħu fuq sfond tal-kitarra. F'ħajtu naqas illi jiġbed udjenza kbira però maż-żmien xogħlu beda jiġi rikonoxxut.[1][2] Ta' għoxrin sena iffirma ma' Island Records meta kien għadu student tal-Università ta' Cambridge, u ħareġ l-album Five Leaves Left fl-1969. Sal-1972 hu kien irrekordja żewġ albums oħrajn – Bryter Layter u Pink Moon. L-ebda minnhom ma biegħ iktar minn 5,000 kopja mal-ewwel ħruġ.[3] In-nuqqas ta' rieda li kellu li jdoqq quddiem udjenza jew li jkun intervistat ikkontribwixxew għan-nuqqas ta' suċċess kummerċjali.

Drake sofra minn dipressjoni, partikularment fl-aħħar snin ta' ħajtu. Ħafna drabi din kienet tkun riflessa fil-lirika tiegħu. Meta lesta mit-tielet album, Pink Moon tal-1972, hu rtira kompletament mill-kant lajv u mill-irrekordjar, u mar lura jgħix mal-ġenituri tiegħu f'Warwickshire. M'hemm l-ebda filmat tiegħu ta' Drake bħala adult; inqabad biss f'ritratti u filmati fi tfulitu.[4] Drake miet nhar il-25 ta' Novembru 1974 kawża ta' overdose ta' amitriptilina, antidipressant preskritt; huwa kellu 26 sena.

Il-mużika ta' Drake baqgħet disponibbli matul in-nofs tas-snin 70, imma t-tnedija tal-album Fruit Tree wasslet biex il-katalgu mużikali tiegħu jerġa' jiġi evalwat. Sa nofs is-snin 80 Drake kien qiegħed jingħata kredtu li influwenza artisti bħal Robert Smith, David Sylvian u Peter Buck. Fl-1985, The Dream Academy laħqu l-quċċata tal-klassifiki fir-Renju Unit u l-Istati Uniti b'"Life in a Norther Town", diska miktuba u ddedikata lil Drake.[5] Sal-bidu tas-snin 90, hu sar il-figura rappreżentattiva ta' mużiċista "romantiku kkundannat" fl-istampa mużikali Brittanika u ssemma għal diversi drabi bħala l-influwenza ta' artisti bħal Kate Bush, Paul Weller u The Black Crowes.[6] L-ewwel bijografija tiegħu tfaċċat fl-1997, segwita fl-1998 bid-dokumentarju A Stranger Among Us.

Missier Nick, Rodney Drake (1908–1988), emigra lejn Jangon, f'Burma, fil-bidu tas-snin tletin sabiex jaħdem bħala inġinier ma' Bombay Burmah Trading Corporation.[7] Hemmhekk, fl-1934, missieru ltaqa' mat-tifla ta' membru għoli tas-Servizz Ċivili Indjan, Mary Lloyd (1916–1993), magħrufa fost qrabatha bħala "Molly". Rodney Drake ippropona lil Molly fl-1936 minkejja li l-koppja kellha tistenna sa sena wara sakemm hi għalqet il-21 sena qabel ma l-familja tagħha tawha l-permess biex tiżżewweġ.[8] Fl-1950 irritornaw lura lejn Warwickshire[9] sabiex jgħixu fil-kampanja, f'dar bl-isem ta' Far Leys, fir-raħal ta' Tanworth-in-Arden fil-Punent ta' Warwickshire. Nick Drake kellu oħt waħda, Gabrielle, li aktar tard kellha ssegwi karriera ta' suċċess bħala attriċi televiżiva u fil-films. Il-ġenituri tiegħu kellhom xeħta mużikali u t-tnejn li huma kitbu biċċiet ta' mużika. Reġistrazzjonijiet ta' Molly Drake tfaċċaw wara mewtha u l-istil tagħhom huwa simili għat-ton u t-tema tax-xogħol ta' binha.[10] Kemm l-omm kif ukoll binha kellhom l-istil vuċi fraġli espressa bil-kant tagħhom, u kemm Gabrielle u l-bijografu Trevor Dann innutaw sens ta' presentiment u fataliżmu fil-mużika tagħhom.[10][11] Xprunat minn ommu, Drake tgħallem il-pjanu ta' età bikrija u beda jikkomponi r-repertorji tiegħu li kien jirrekordja fuq tape recorder u li ommu kienet iżżomm fis-salott.[2]

Fl-1957, Drake daħal fl-Eagle House School, kulleġġ preparatorju Ingliż f'Berkshire. Ħames snin wara daħal fi skola pubblika f'Marlborough College f'Wiltshire, fejn missieru, nannuh u buż-nannuh kollha kienu alunni. Hu beda juri interess fl-isports, fejn kien sar ġerrej stabbilit (ir-rekord tiegħu fuq 100 jarda għadu mhux maqbuż sal-lum il-ġurnata)[12] u għal xi żmien kien kaptan tat-tim tar-rugby. Kien ukoll Head of House ta' C1, l-ikbar abitazzjoni tal-kulleġġ. Il-ħbieb tiegħu tal-iskola jiftakru lil Drake bħala persuna kunfidenti u "awtoritarju ħiemed", filwaqt li ħafna drabi distakkat fil-manjieri tiegħu.[13] Missieru Rodney jiftakar, "F'wieħed mir-rapporti [is-surmast] qal li ħadd minna ma kien jafu sew."[14]

Drake daqq il-pjanu fl-orkestra tal-iskola, u tgħallem il-klarinett u s-sassofonu. Huwa fforma grupp mużikali, The Perfumed Gardeners, flimkien ma' erba' sħabu tal-iskola fl-1964 jew l-1965. Bi Drake fuq il-pjanu u, xi drabi, bid-daqq tal-alto sax u l-kant, il-grupp daqq repertorji u mużika jazz ta' Pye Records, kif ukoll kanzunetti ta' The Yardbirds u Manfred Mann. Chris de Burgh xtaq jidħol parti tal-grupp, però ma kienx aċċettat minħabba li l-gosti mużikali tiegħu kienu meqjusin mill-membri l-oħra bħala "wisq f'vena popolari".[15] Ir-rendiment akkademiku ta' Drake malajr beda sejjer lura, u filwaqt li kien qabeż sena fl-Eagle House, f'Marlborough beda jittraskura l-istudji u jikkonċentra iktar fuq il-mużika. Huwa kiseb seba' O-Levels tal-GCE fl-1963, iżda dawn kienu inqas minn kemm stennew l-għalliema tiegħu, filwaqt li falla l-"Fiżika mal-Kimika".[16] Fl-1965, Drake ħallas £13 għall-ewwel kitarra akustika tiegħu, u beda jesperimenta bl-irfinar miftuħ u tekniki differenti ta' kif juża' subajgħ.[12]

Fl-1966, Drake rebaħ borża ta' studju fil-letteratura Ingliża fil-Fitzwilliam College, fl-Università ta' Cambridge. Huwa ttardja d-dħul tiegħu biex jgħaddi sitt xhur fl-Università ta' Aix-Marseille, fi Franza, minn Frar tal-1967 'il quddiem. Kemm dam f'Aix, huwa ddedika ħafna ħin għall-prattika tal-kitarra, fejn ħafna drabi kien idoqq ma' sħabu għall-flus fit-toroq tal-qalba tal-belt. Drake beda jpejjep il-kannabis, u dik ir-rebbiegħa siefer ma' xi ħbieb lejn il-Marokk għaliex, skont wieħed minn sħabu tas-safar Richard Charkin, "hemmhekk kien fejn kont issib l-aqwa ħaxixa".[17] Aktarx li Drake beda juża l-LSD waqt li kien f'Aix,[18] u lirika mituba f'dan il-perjodu - partikolarment għall-kanzunetta "Clothes of Sand" - jissuġġerixxu interess fid-droga alluċenoġena.[19]

Mar-ritorn tiegħu l-Ingilterra hu mar joqgħod fl-appartament t'oħtu ġewwa Hampstead, qabel ma daħal fl-Università ta' Cambridge f'Ottubru ta' dik is-sena. L-għalliema tiegħu sabuh student intelliġenti, iżda mingħajr entużjażmu u mingħajr ħajra għall-istudju.[20] Dann jinnota li kellu diffikultà jibni konnessjoni kemm ma' membri tal-istaff u kif ukoll ma' studenti bħalu, u jinnota wkoll li r-ritratti uffiċjali tal-università juruh żagħżugħ malinkoniku.[21] Cambridge kienet tagħmel enfasi fuq it-timijiet tar-rugby u l-krikit, iżda Drake kien tilef l-interess fl-isports u beda jippreferi joqgħod fil-kamra tiegħu fil-kulleġġ, ipejjep il-marijuana u jisma' u jdoqq il-mużika. F'Settembru tal-1967 iltaqa' ma' Robert Kirby, student tal-mużika li eventwalment kiteb l-orkestra għal ħafna xogħol mill-ewwel żewġ albums ta' Drake.[22]

Sa dan iż-żmien, Drake kien skopra x-xeni mużikali folk Brittanniċi u Amerikani, u kien influwenzat minn artisti bħal Bob Dylan, Josh White u Phil Ochs. Huwa beda jdoqq fi klabbs lokali u ħwienet tal-kafè madwar Londra u fi Frar tal-1968, waqt li kien qed idoqq bħala l-att tal-ftuħ qabel Country Joe and the Fish ġewwa The Roundhouse f'Camden Town, irnexxielu jħalli impressjoni fuq Ashley Hutchings, bassista ta' Fairport Convention.[23] Hutchings jiftakar li baqa' impressjonat bil-ħiliet ta' Drake bħala kitarrist, iżda iktar minn hekk, "bid-dehra tiegħu ta' stilla. Huwa kellu dehra tal-għaġeb, kien jidher twil seba' piedi."[14]

Hutchins introduċa lil Drake lill-produttur Amerikan Joe Boyd, sid tal-kumpanija ta' produzzjoni u l-immaniġġjar Witchseason Productions. Dak iż-żmien, il-kumpanija kienet liċenzjata lil Island Records,[24] u Boyd, bħala dak li kien skopra lill-Fairport Convention u li kien responsabbli għall-introduzzjoni ta' John Martyn u The Incredible String Band lil udjenzi wesgħin, kien figura ta' stoffa u rispettata fix-xena folk tar-Renju Unit.[14] Hu u Drake mill-ewwel bnew rabta bejniethom, u l-produttur ħa rwol ta' gwida għal Drake tul il-karriera tiegħu. Demo ta' erba' kanzunetti, irrekordjata fil-kamra ta' Drake fil-kamra tal-kulleġġ tiegħu matul ir-rebbiegħa tal-1968, wasslet biex Boyd joffri kuntratt ta' immaniġġjar, pubblikazzjoni u produzzjoni lill-artist ta' 20 sena, u beda wkoll ix-xogħol fuq l-album debuttanti. Skont Boyd:

Dan iż-żmien ma kienx hemm cassettes - (Drake) ġabli tape recorder li kien għamel id-dar. F'nofs l-ewwel diska ħassejt li din kienet xi ħaġa pjuttost speċjali. Sejjaħtlu, ġie, u għedtlu, "Nixtieq nagħmel rekord miegħek." Huwa laqlaq, "Eh, ijja, Ok." Nick kien raġel ta' ftit kliem.[14]

F'intervista tal-2004, il-ħabib ta' Drake, Paul Wheeler, ftakar fl-eċitament għal dak li deher bħala l-bidu tas-suċċess għal Drake, u semma' kif il-kantant kien diġà ddeċieda li ma jkomplix it-tielet sena tiegħu f'Cambridge.[14]

Five Leaves Left

[immodifika | immodifika s-sors]

Drake beda jirrekordja l-ewwel album tiegħu Five Leaves Left fl-1968, b'Boyd jassumi r-rwol ta' produttur. Is-sessjonijiet saru fl-istudjo ta' Sound Techniques, ġewwa Londra, bi Drake ħafna drabi jiskarta l-lezzjonijiet biex jaqbad il-ferrovija sal-kapitali Ingliża. Ispirat mill-produzzjoni ta' John Simon fuq l-ewwel album ta' Leonard Cohen, Boyd kien ħerqan li l-vuċi ta' Drake tkun irreġistrata bl-istess stil intimu, "mingħajr ix-xinxilli tal-pop".[25] Boyd fittex ukoll li jinkludi arranġamenti li jixbħu lil ta' Simon, mingħajr ma dawn jisbqu l-kanzunetta.[25] Għas-sosten, Boyd qabbad numru ta' kuntatti mix-xena tal-folk f'Londra, inkluż il-kitarrist ta' Fairport Convention Richard Thompson u l-bassista ta' Pentangle, Danny Thompson.[26] Hu ġab ukoll lill-produttur John Wood bħala inġinier, filwaqt li qabbad lil Richard Hewson biex jikteb arranġamenti orkestrali.

L-ewwel sessjonijiet ma marrux tajjeb: is-sessjonijiet kienu irregolari u mgħaġġlin, irrekordjati waqt ħin misluf minn Fairport Convention waqt li dawn kienu qed jipproduċu l-album tagħhom Unhalfbricking. Kien hemm tensjoni bejn l-artist u l-produttur dwar id-direzzjoni li l-album kellu jieħu; Boyd kien jappoġġja l-metodu ta' George Martin li "juża' l-istudjo bħal strument", waqt li Drake ipprefera ħoss iktar organiku. Dann josserva li Drake kien iħossu "issikat u nervuż" fuq reġistrazzjonijiet bootleg meħuda mis-sessjonijiet, u jinnota wkoll it-tentattivi mingħajr suċċess ta' Boyd li jfassal strumentazzjoni.[27] Iż-żewġ naħat kienu mdejqin bil-kontribuzzjoni ta' Hewson, u ħassewha wisq tradizzjonali u komuni għall-ħoss tal-kanzunetti ta' Drake.[28] Drake issuġġerixxa li jużaw lill-ħabib tiegħu mill-università Robert Kirby, iżda Boyd kien xettiku milli jingaġġa student tal-mużika mingħajr ebda esperjenza fi studjo. Madanakollu, huwa kien impressjonat bl-assertività mhux karatteristika ta' Drake u qabel li ssir prova.[29] Preċedentement, Kirby kien ippreżenta lil Drake b'xi arranġamenti għall-kanzunetti tiegħu,[24] però, Kirby ma ħassux kunfidenti biżżejjed biex jikteb il-partitura għal dik li hi meqjusa l-qofol tal-album, River Man, u Boyd kellu jġebbed l-estimi finanzjarji ta' Witchseason biex jingaġġa lill-kompożitur veteran Harry Robinson, bi struzzjonijiet biex jimita t-ton ta' Delius u Ravel.

Diffikultajiet fil-post-produzzjoni wasslet għal dewmien ta' diversi xhur fil-ħruġ tal-album. Kien ġie allegat li l-album ma kienx irreklamat u sostnut biżżejjed,[30] għalkemm l-inklużjoni tat-kanzunetta tal-ftuħ "Time Has Told Me" fuq l-album tad-dar tal-produzzjoni Island Records Nice Enough to Eat wasslitu għal udjenza wiesa' (kannzunetta oħra mit-tieni album tiegħu kienet inkluża wkoll fl-album tad-dar diskografika sussegwenti Bumpers).

Drake deher f'intervisti ta' faċċati sħaħ fl-istampa popolari F'Lulju, Melody Maker irrifera għall-album bħala wieħed "poetiku" u "interessanti", għalkemm NME f'Ottubru kitbu li ma kienx hemm "biżżejjed varjetà biex l-album ikun wieħed divertenti".[31] L-album indaqq fuq ir-radju minn DJs iktar progressivi tal-BBC, bħal John Peel[32] u Bob Harris. Drake ma kienx kuntent bil-kopertina minn ġewwa, li kienet iġġib id-diski fl-ordni l-ħażin u li kienet iġġib versi li ma kienux inklużi fil-verżjonijiet irrekordjati.[33] F'intervista oħtu Gabrielle stqarriet: "Kien riżervat ħafna. Kont naf li qed jaħdem fuq album imma ma kontx naf f'liema stadju kien wasal sakemm daħal fil-kamra tiegħi u qalli, 'Ħa!'. Waddabli kopja fuq is-sodda u ħareġ 'il barra!"[24]

Bryter Layter

[immodifika | immodifika s-sors]

Drake spiċċa l-istudji tiegħu f'Cambridge disa' xhur qabel il-gradwazzjoni, u fil-ħarifa tal-1969 mar jgħix Londra sabiex jikkonċentra fuq karriera mużikali. Missieru jiftakar "jiktiblu ittri twal, dwar l-iżvantaġġi li jitlaq 'il bogħod minn Cambridge ... diploma kienet xi ħaġa sigura, jekk jirnexxielu jġib id-diploma, tal-anqas ikollu xi ħaġa fuq xiex jaqa' fuqha; ir-risposta tiegħu kienet li xi ħaġa sigura kien dak li ma riedx."[10] Drake qatta' l-ewwel ftit xhur fil-kapitali jgħix minn post għal ieħor, fejn xi drabi għex ukoll fl-appartment ta' oħtu f'Kensington, imma ħafna drabi kien jorqod għand ħbiebu, fuq is-sufanijiet jew mal-art.[34] Fl-aħħar, f'tentattiv sabiex isawwab xi forma ta' stabbiltà f'ħajjet Drake, Boyd organizza u ħallas akkomodazzjoni f'Belsize Park, Camden.

F'Awwissu, Drake irrekordja tliet kanzunetti għall-programm ta' John Peel fuq il-BBC. Xahrejn wara, hu fetaħ għal Fairport Convention fir-Royal Festival Hall f'Londra, segwita minn dehriet fi klabbs folk f'Birmingham u Hull. Bl-esebizzjoni ta' Hull f'moħħu, il-kantant folk Michael Chapman ikkummenta:

Il-mużiċisti folkloristiċi m'għoġobhomx; [huma] riedu kanzunetti bil-kor. Huma tilfu l-punt kompletament. Hu ma lissen l-ebda kelma l-lejla sħiħa. Fil-fatt kienet xi ftit ta' dwejjaq taraha. Ma nafx x'kienet qed tistenna l-udjenza, ifhimni, kellhom ikunu jafu li ma kellhomx jistennew kunċert konvenzjonali f'kunċert ta' Nick Drake![23]

Din l-esperjenza qawwet id-deċiżjoni tiegħu biex ma jkantax aktar quddiem in-nies; il-ftit kunċerti li daqq f'dawn iż-żmenijiet kienu qosra, spjaċevoli u b'attendenza baxxa. Drake deher mingħajr ħeġġa biex ikanta u ftit li xejn kien jintegra mal-udjenza. Minħabba li diversi kanzunetti kienu jindaqqu b'intonazzjonijiet differenti, hu kien jieqaf ħafna drabi sabiex jirfina.[35]

Għalkemm il-pubbliċità maħluqa minn Five Leaves Left kienet żgħira, Boyd kien għatxan sabiex jibni album ġdid fuq id-dinamika li kien hemm. Bryter Layter tas-snin sebgħin, għal darb'oħra prodotta minn Boyd u Wood bħala inġinier, introduċiet ħoss iktar vivaċi, b'elementi ta' jazz.[36] Diżappuntant mid-debutt bi prestazzjoni kummerċjali fqira, Drake fittex li jabbanduna l-ħoss pastorali, u qabel mas-suġġeriment tal-produttur tiegħu li jinkludi bassita u batterista fir-rekordings. "Kellu ħoss iktar pop, nissoponi", Boyd qal iktar tard. "Immaġinajtu li jkun iktar kummerċjali."[37] Bħall-albums preċedenti, dan l-album involva wkoll lill-mużiċisti minn Fairport Convention, kif ukoll kontribuzzjonijiet minn John Cale f'żewġ kanzunetti: "Northern Sky" u "Fly". Trevor Dann innota li filwaqt li biċċiet minn "Northern Sky" kellhom karatteristiċi li jixbhu lil dawk ta' Cale, il-kanzunetta kienet l-eqreb li Drake seta' jasal għal post fuq il-klassifika mużikali.[38] Fl-awtobijografija tiegħu tal-1999, Cale stqarr li għamel użu mill-eroina matul dan iż-żmien,[39] u l-ħabib antik tiegħu Brian Wells beda jissuspetta li Drake kien qiegħed jabbuża wkoll.[40] Kemm Boyd u Wood kienu kunfidenti li l-album kellu jkun suċċess kummerċjali, imma l-album biegħ ftit inqas minn 3,000 kopja. Għal darb'oħra r-reċensjonijiet kienu mħalltin: filwaqt li Record Mirror faħħret lil Drake bħala "kitarrist kbir, limpidu, [u] akkumpanjat b'arranġamenti delikati u sbieħ", Melody Maker iddeskriviet l-album bħala "taħlita stramba ta' folk u jazz".[35]

Ftit wara t-tnedija tal-album, Boyd biegħ il-kumpanija Witchseason lil Island Records, u mar joqgħod Los Angeles sabiex jagħmel mal-Warner Brothers fl-iżvilupp ta' kolonni sonori għall-films. It-telfa ta' din il-figura ta' gwida, flimkien mal-bejgħ miżeru tal-album, wasslet lil Drake sabiex jirtira f'dipressjoni. L-attitudni tiegħu f'Londra inbidlet: hu kien skuntent jgħix waħdu, u viżibilment nervuż u skomdu meta kanta f'serje ta' kunċerti fil-bidu tal-1970.

F'Ġunju, Drake għamel l-aħħar kunċert quddiem udjenza f'Ewell Technical College, ġewwa Surrey. Ralph McTell, li wkoll kanta f'dik is-serata, ftakar li "Nick kien monosillabu. F'dak il-kunċert partikulari kien vera mistħi. Hu għamel l-ewwel parti u xi ħaġa orribbli ġrat. Hu kien qiegħed ikanta 'Fruit Tree' u telaq 'il barra f'nofsha."[41] Il-frustrazzjoni tiegħu nqalbet għal dipressjoni,[42] u fl-1971 Drake ġie persważ minn familtu sabiex iżur psikjatra f'St. Thomas's Hospital, Londra. Hu ġie preskritt kors ta' antidipressanti, imma ħassu skomdu u imbarrazzat joħodhom, u prova jaħbi dak li ġara minn ħbiebu.[43] Drake kien jaf biżżejjed dwar id-drogi biex jinkwieta dwar l-effetti tagħhom, u kien inkwetat fuq kif se jirreaġixxu għall-konsum regulari tal-marijuana.[44]

Island Records kienu ħerqana għall-promozzjoni tal-album Bryter Layter b'serje ta' intervisti mal-istampa, sessjonijiet tar-radju u kant lajv. Drake, li f'dan il-perjodu kien qiegħed ipejjep dak li Kirby iddeskriva bħala "kwantità kbira" ta' marijuana[45] u juri "l-ewwel sinjali ta' psikożi", irrifjuta. Mal-ħarifa tal-1970, hu kien iżola lilu nnifsu f'Londra. Diżappuntat mir-reazzjoni għal Bryter Layter, hu sar iktar sekluż u tbiegħed minn familtu u ħbiebu. Rari kienu l-okkażjonijiet fejn kien joħroġ mill-appartament, u f'dawk id-drabi kienu biex ikanta f'xi kunċert 'l hemm u 'l hawn jew biex jixtri d-droga. "Dan kien żmien veru ħażin", oħtu Gabrielle tirrakonta, "Hu darba qalli li kull ħaġa bdiet tmur ħażin minn dan il-mument, u naħseb li dak kien meta l-affarijiet bdew imorru ħażin."[46]

Minkejja li Island la kienu qegħdin jistennew u lanqas riedu t-tielet album,[47] Drake avviċina lil Wood f'Ottubru tal-1971 sabiex jibda x-xogħol fuq dak li kellu jkun l-aħħar album. Is-sessjonijiet saru f'żewġt iljieli, bi Drake u Wood biss preżenti fl-istudjo.[2] Il-kanzunetti melankoniċi ta' Pink Moon huma qosra, u l-album ta' erbatax-il kanzunetta huwa twil 28 minuta biss. Drake esprima n-nuqqas ta' sodisfazzjoni bil-ħoss ta' Bryter Layter, u kien jemmen li l-arranġamenti tal-kordi, ir-ram u s-sassofonu taw żoss li kien "iktar sħiħ, iktar elaborat."[48] Drake deher fuq Pink Moon akkumpanjat biss mill-kitarra tiegħu rekordjata, minbarra l-kanzunetta titolari fejn kienet tinkludi l-pjanu. "Hu kien determinat li jagħmel din id-diska naturali kemm jista'," jiftakar Wood. "Hu definittivament ried li jkun hu kemm jista' jkun. U jiena naħseb, f'ċerti aspetti, li Pink Moon hija probabbilment li l-iktar hi bħall-istil ta' Nick milli ż-żewġ diski l-oħrajn."[49]

Drake wassal it-tejps ta' Pink Moon lil Chris Blackwell f'Island Records, għall-kuntrarju ta' leġġenda popolari li tgħid li hu ħallihom fuq il-mejda tas-segretarja mingħajr ma' lissen kelma.[50] Reklam għall-album fuq ir-rivista Melody Maker fi Frar fetaħ bil-kliem "Pink Moon — l-aħħar album ta' Nick Drake: l-ewwel darba li smajna bih kien meta kien lest."[51] Pink Moon biegħ inqas kopji mill-predeċessuri tiegħu, għalkemm irċieva kritika pożittiva. Fir-rivista Zigzag, Connor McKnight kiteb, "Nick Drake mhuwiex artista finta. L-album ma jagħmel l-ebda konċessjoni għat-teorija li l-mużika għandha tkun eskejpista. Hi sempliċement l-ħsieb ta' mużiċista dwar il-ħajja f'dan iż-żmien, u ma tistax titlob għal iktar minn hekk."[52]

Blackwell ħass lil Pink Moon kellu jkun l-album li tagħmel lil Drake popolari mal-udjenza penerali; madanakollu, l-istaff tiegħu kienu diżappuntanti bin-nuqqas ta' rieda min-naħa ta' Drake biex jagħmel attivitajiet promozzjonali. Il-maniġer tal-A&R, Muff Winwood, jiftakar "jaqla' xagħru" bil-frustrazzjoni, u jammetti li mingħajr is-sosten entużjażmanti ta' Blackwell "il-kumplament kienu jħalluh."[53] Però, wara insistenza minn Boyd, Drake qabel li jagħmel intervista ma' Jerry Gilbert ta' Sounds Magazine.[54] Il-"kantant folk mistħi u introvert" tkellem dwar li ma kienx jogħġbu jkanta quddiem udjenza u li jagħmel dak li ma jogħġbux.[55] "Ma kien hemm l-ebda konnessjoni [bejnietna]", Gilbert stqarr. "Naħseb li qatt ma ħares f'għajnejha darba."[55] B'qalbu maqtugħha u konvint li ma setax jerġa' jikteb, Drake iddeċieda li jirtira mill-mużika, fejn ikkunsidra li jieħu linja differenti u jingħaqad mal-armata.[56]

L-aħħar snin

[immodifika | immodifika s-sors]

Fix-xhur wara t-tnedija ta' Pink Moon, Drake sar inqas soċjevoli u iktar distanti minn dawk qrib tiegħu.[57] Hu reġa' lura jgħix fid-dar tal-ġenituri tiegħi f'Tanworth-in-Arden, u għalkemm kien irrabjat b'din ir-rigressjoni, hu aċċetta l-fatt li l-marda tiegħu għamlitha neċessarja. "Ma nieħux gost id-dar", qal lil ommu, "imma ma niflaħx x'imkien ieħor."[10] Ir-ritorn tiegħu kienet ħafna drabi diffiċli għal familtu; kif tispjega oħtu Gabrielle, "il-ġranet is-sbieħ f'dar il-ġenituri tiegħi kienu ġranet sbieħ għal Nick, u l-ġranet il-koroh kienu ġranet koroh għal Nick. U dak kien fuq xiex ħajjithom kienet iddur."[14]

Hu kien jgħix ħajja miżera, fejn l-uniku sors ta' dħul kien l-£20 fil-ġimgħa li kien jirċievi minn Island Records. Ħafna drabi kien jisparixxi għal ġranet, fejn mingħajr mistenni kien imur għand ħbiebu. Robert Kirby jiddeskrivi viżta tipika: "Hu kien jiġi u ma jitkellimx, ipoġġi, jisma' l-mużika, ipejjep, jieħu xarba, jorqod matul dak il-lejl, u jumejn jew tliet ijiem wara ma jkunx hemm, ikun telaq. U tliet xhur wara jerġa' jiġi."[58]

Rigward dan il-perjodu, John Martyn (li fl-1973 kiteb il-kanzunetta titolari tal-album tiegħu Solid Air għal u dwar Drake) iddeskrivieh bħala l-iktar persuna sekluża li qatt iltaqa'.[59] Hu kien jaqbad il-karozza ta' ommu u jsuq għal sigħat mingħajr skop, sakemm jispiċċalu l-petrol u jċempel lill-ġenituri biex jiġbruh. Ħbiebu jiftakru dwar l-estrem kif l-apparenza tiegħu nbdilet. Matul dawn il-perjodi skoraġġanti tal-marda tiegħu, hu rrifjuta li jaħsel xagħru jew li jaqta' d-dwiefer.[56] Kmien fl-1972, Drake sofra minn kriżi nervuża, u kien l-isptar għal ħames ġimgħat.[40] Drake fl-agħar żmien ta' dipressjoni stqarr:

Ma nħoss l-ebda emozzjoni dwar xejn. La rrid nidħaq u lanqas nibki. Inħossni insensibbli, mejjet ġewwa fija.[60]

Fi Frar tal-1974, Drake ikkuntatja lil John Wood sabiex jibda jaħdem fuq ir-raba' album.[61] Boyd kien l-Ingilterra dak iż-żmien, u qabel li jattenda s-sessjonijiet tal-irrekordjar. Din l-ewwel sessjoni ġiet segwita minn aktar rekordings f'Lulju. Fl-awtobijografija tal-2006, il-produttur jiftakar kif kien sorpriż bir-rabja u l-imrar li wera Drake: "[Hu qal li] Jien għidtlu li hu kien ġenju, u oħrajn qablu. Għala ma kienx famuż u sinjur?"[62] Kemm Boyd u Wood innutaw li l-prestazzjoni ta' Drake kienet marret lura ħafna, tant li ma kienx jiflaħ ikanta u jdoqq il-kitarra fl-istess ħin. Madanakollu, ir-ritorn lura lejn l-istudjo ta' Sound Techniques għolliet il-moral ta' Drake; ommu stess tistqarr, "Konna lkoll fis-seba' sema li Nick kien ferħan minħabba li ma kien hemm l-ebda kuntentizza fil-ħajja ta' Nick għal snin."[40]

L-irħama fuq il-qabar ta' Drake turi l-iskrizzjoni 'Now we rise / And we are everywhere' meħuda minn "From the Morning", l-aħħar kanzunetta mill-aħħar album tiegħu, Pink Moon.

Sal-ħarifa tal-1974, il-marda ta' Drake wasslitu sabiex jibqa' f'kuntatt biss ma' ftit ħbieb tal-qalb. Hu prova jżomm kuntatt ma' Sophia Ryde, li ltaqa' magħha l-ewwel darba Londra fl-1968.[63] Ryde ġiet deskritta mill-bijografiji ta' Drake bħala "l-iktar ħaġa qrib" ta' tfajla li kellu f'ħajtu, pero illum tippreferi d-deskrizzjoni tal-"akbar ħabiba".[64] F'intervista tal-2005, Ryde stqarret li ġimgħa qabel mewtu, hi ppruvat ittemm ir-relazzjoni bejniethom. "Ma flaħtx iktar. Tlabtu għal xi żmien 'il bogħod. U ma rajt qatt iktar."[65] Bħar-relazzjoni li kellu qabel mal-mużiċista folk Linda Thompson, ir-relazzjoni ta' Drake ma' Ryde ma ġietx konsumata.[65]

F'xi ħin matul il-lejl tal-24 u l-25 ta' Novembru 1974, Nick Drake miet f'daru f'Far Leys, Tanworth-in-Arden, kawża ta' doża eċċessiva ta' amitriptilina, tip ta' antidipressant. Il-lejl ta' qabel kien mar kmieni f'kamartu wara li qatta' l-wara nofs ta' nhar iżur ħabib. Ommu qalet li mal-għabex hu telaq minn kamartu għall-kċina. Familtu kienet dratu tisimgħu jagħmel dan ħafna drabi matul il-ġurnata, imma din id-darba m'għamel l-ebda ħoss. Huma assumew li kien qiegħed jiekol xi ċereali. Hu mar lura kamartu ftit wara u ħa xi pilloli biex "jgħinuh jorqod".[66] Minħabba li kien ibati mill-irqad, hu kien iħobb joqgħod imqajjem jisma' u jdoqq il-mużika, u jorqod sa tard filgħodu. Meta ġiet biex tirrakonta dak li ġara dak il-lejl, ommu iddikjarat: "Qatt ma kont intelfu. Imma kien madwar nofsinhar, u dħalt [f'kamartu], minħabba li kien jidher li kien wasal il-ħin biex iqum ... L-ewwel ħaġa li rajt kienu saqajh twal."[67] Ma kien hemm l-ebda nota ta' suwiċidju, għalkemm kien hemm ittra ħdejn is-sodda indirizzata lil Ryde.[68]

Fl-inkjesta li saret f'Diċembru, l-investigatur stqarr li l-kawża wara l-mewt ta' Drake kienet b'riżultat ta' "intossikazzjoni akuta ta' amitriptilina meta kien qiegħed isofri minn marda dipressiva", u kkonkluda l-verdett ta' suwiċidju. Minkejja li din l-istqarrija ġiet imxejna minn xi membri tal-familja,[1] hemm perspettiva ġenerali li b'aċċident jew le, sa dak il-punt Drake kien qata' qalbu minn ħajtu.[35] Rodney iddeskriva l-mewt t'ibnu bħala sorpriża u straordinarja; madanakollu, f'intervista fl-1979 hu stqarr li "dejjem kien inkwetat fuq kemm dipressat kien ikun Drake. Konna naħbu l-aspirina u l-pilloli u affarijiet bħalhom."[65] Boyd jgħid li jippreferi jemmen li d-doża eċċessiva kienet aċċident. Hu jiftakar fuq kif il-ġenituri ta' Drake iddeskrivew il-burdata tiegħu fil-ġimgħat ta' qabel bħala waħda pożittiva, u li kien ippjana sabiex imur lura Londra sabiex jerġa' jibda l-karriera mużikali. Il-ġurnalist ta' NME, Nick Kent, kiteb fl-1975 fuq l-ironija tal-mewt ta' Drake fi żmien meta hu kien qiegħed jerġa' jibda jikseb sens ta' "bilanċ personali".[69] F'kuntrast, Gabrielle Drake qalet li tippreferi taħseb li Drake miet b'suwiċidju, "fis-sens li aħjar li miet minħabba li jrid itemm kollox milli kawża ta' żball traġiku."[65]

Fit-2 ta' Diċembru 1974, wara ċerimonja fil-knisja ta' St Mary Magdalene, Tanworth-in-Arden, il-fdalijiet ta' Drake ġew kremati f'Solihull Crematorium u l-irmied ġew midfunin taħt siġra tal-ballut fiċ-ċimiterju ta' St Mary's.[70] Fil-funeral attendew mal-50 ruħ, fosthom ħbieb minn Marlborough, Aix, Cambridge, Londra, Witchseason, u Tanworth.[71] Brian Wells, b'referenza għall-ġenju ta' Nick, aktar tard sab li ħafna minn ħbiebu ltaqgħu ma' xulxin għall-ewwel darba f'dik l-għodwa. Molly tiftakar kif "ħafna ħbieb żgħażagħ ġew, li qatt ma konna ltaqjna qabel magħhom."[71]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Boyd, Joe (2006). White Bicycles – Making Music in the 1960s (bl-Ingliż). Serpent's Tail. ISBN 978-1-85242-910-2.
  • Dann, Trevor (2006). Darker Than the Deepest Sea: The Search for Nick Drake (bl-Ingliż). Londra: Da Capo Press. ISBN 978-0-306-81520-1.
  • Humphries, Patrick (1997). Nick Drake: The Biography (bl-Ingliż). Bloomsbury. ISBN 978-1-58234-035-7.
  • Cale, John (1999). What's Welsh for Zen (bl-Ingliż). Bloomsbury. ISBN 978-0-7475-4383-1.
  1. 1 2 "About Nick Drake" (bl-Ingliż). VH1.com. 2005. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-08-19. Miġbur 2006-09-02.
  2. 1 2 3 Ian MacDonald (Jannar 2000). "Exiled from Heaven" (bl-Ingliż). Mojo Magazine. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-12-10. Miġbur 2011-12-12.
  3. Madankollu, artiklu ta' Mark Moxon għall-BBC, ippubblikat nhar l-14 ta' Jannar 2002, l-artikolist stqarr li "L-album biegħ biss 15,000 kopja, li kien biżżejjed biex iżomm it-tikketta kuntenta, iżda 'l bogħod ħafna mis-suċċess li Nick kien qed jittama". Nick Drake - Singer/Songwriter [verżjoni arkivjata]
  4. Berkvens, Jeroen, A Skin Too Few: The Days of Nick Drake, Luijten Macrander Productions, 2000.
  5. McNair, James (1999-03-26). "Pop: Apprentice to the stars" (bl-Ingliż). The Independent.
  6. Dann (2006), 201
  7. Dann (2006), 75
  8. Dann (2006), 76
  9. Brown, Mick (1997-07-12). "The Sad Ballad of Nick Drake" (bl-Ingliż). Sunday Telegraph. Miġbur 2007-01-31.
  10. 1 2 3 4 Jeroen Berkvens. A Skin Too Few: The Days of Nick Drake (Dokumentarju). Roxie Releasing, 2000.
  11. Dann (2006), 91
  12. 1 2 McGrath, T. J. (1992). "Darkness Can Give You the Brightest Light". Dirty Linen (bl-Ingliż). 42. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-27. Parametru mhux magħruf |access-date= injorat (għajnuna)Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. Dann (2006), 95, 97
  14. 1 2 3 4 5 6 Paphides, Peter (2004-05-21). "Like A Heart with Legs On". Western Mail (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-19. Parametru mhux magħruf |access-date= injorat (għajnuna)
  15. Humphries (1997), 36
  16. Dann (2006), 100
  17. Dann (2006), 124
  18. Humphries (1997), 51–52
  19. Dann (2006), 123
  20. Dann (2006), 28
  21. Dann (2006), 25
  22. Dann (2006), 40–43
  23. 1 2 "Nick Drake — Chronology" (bl-Ingliż). Università ta' Wollongong. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-10-10. Miġbur 2006-11-11.
  24. 1 2 3 Paphides, Peter (2004-04-25). "Stranger to the world" (bl-Ingliż). The Guardian. Miġbur 2007-02-01.
  25. 1 2 Boyd (2006), 192
  26. Rosen, Dave. "Five Leaves Left" (bl-Ingliż). Ink Blot Magazine. Arkivjat mill-orġinal fl-2008-05-07. Miġbur 2007-02-01.
  27. Dann (2006), 59–60
  28. Dann (2006), 60
  29. Boyd (2006), 194
  30. Dann (2006), 133
  31. Humphries (1997), 101–102
  32. Boyd (2006), 197
  33. Dann (2006), 134
  34. Humphries (1997), 107–108
  35. 1 2 3 Sandall, Robert (2004-05-20). "Brighter Very Much Later" (bl-Ingliż). Daily Telegraph. Miġbur 2007-01-31.
  36. Stephen Holden. "Pop and Jazz Guide". New York Times. 22 ta' Awwissu 1986.
  37. Dann (2006), 142
  38. Dann (2006), 242
  39. Cale (1999), 128
  40. 1 2 3 Hunt, Rupert (2001). "Nick Drake—Life and Music in Quotes" (bl-Ingliż). Nickdrake.com. Miġbur 2006-09-02.
  41. Macaulay, Stephen (2006-10-02). "Nick Drake: Bartleby the Musician" (bl-Ingliż). Glorious Noise. Miġbur 2007-02-02.
  42. Fitzsimmons, Mick. "Lost Boy: In Search of Nick Drake" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2011-12-14.
  43. Humphries (1997), 166
  44. Dann (2006), 166
  45. Robert Kirby. Ikkwotat f'Dann (2006), 157
  46. Dann (2006), 157
  47. Dann (2006), 168–170, 172
  48. Cooper, Colin (2004-03-02). "Nick Drake - Bryter Layter" (bl-Ingliż). stylusmagazine.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-28. Miġbur 2007-02-03.
  49. John Wood. Intervista li saret minn Walhalla Radio Station, 1979.
  50. Dann (2006), 170
  51. Sandison, Dave (1971). "Pink Moon" (bl-Ingliż). nickdrake.net. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2025-06-09. Miġbur 2006-11-14.
  52. Connor McKnight. In search of Nick Drake. Zigzag Magazine, #42, 1974.
  53. Dann (2006), 162
  54. Jerry Gilbert. Something else for Nick? An interview with Nick Drake. Sounds Magazine, 13 ta' Marzu 1971.
  55. 1 2 Dann (2006), 163–164.
  56. 1 2 Anthony Barnes (2004-02-22). "Revealed: the forgotten tapes of Nick Drake" (bl-Ingliż). Independent on Sunday. Miġbur 2007-01-23.
  57. Humphries (1997), 166–168
  58. Dann (2006), 175
  59. "The alternative top 10" (bl-Ingliż). The Guardian. 1999. Miġbur 2006-09-03.
  60. "Nick Drake - Biography" (bl-Ingliż). IMDB. Miġbur 2008-01-20.
  61. Dann (2006), 180
  62. Boyd (2006), 259, 261
  63. Dann (2006), 54, 183
  64. Dann (2006), 55
  65. 1 2 3 4 "Heartbreak letter clue to death of cult singer" (bl-Ingliż). Università ta' Wollongong. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-11-30. Miġbur 2011-12-14.
  66. Dann (2006), 184
  67. Humphries (1997), 213–214
  68. Dann (2006), 187
  69. Nick Kent. Requiem For A Solitary man. New Musical Express, 8 ta' Frar 1975.
  70. Humphries (1997), 215
  71. 1 2 Dann (2006), 193–194

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]