Aqbeż għall-kontentut

Nannakola tas-seba' tikek

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Nannakola tas-seba' tikki)
Coccinella septempunctata
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Arthropoda
Klassi: Insecta
Ordni: Coleoptera
Familja: Coccinellidae
Ġeneru: Coccinella
Speċi: C. septempunctata
Isem binominali
Coccinella septempunctata
(Linnaeus, 1758)

In-nannakola tas-seba tikek hija bijoloġikament magħrufa bl-isem Coccinella septempunctata. L-isem Coccinella ġej mill-kelma latina Coccineus li tfisser lewn aħmar filwaqt li l-isem septempunctata jirreferi għas-seba' tikek illi jisabu fuq id-dahar tal-insett [1]. Dan l-insett hu kklasifikat taħt il-familja Coccinellidae. Din hija familja diversa li tinkludi il-fuq minn 5,000 speċi differenti ta' nannakoli. In-nannakola tas-seba' tikek hija komuni fil-Kampanja Maltija speċjalment fl-Istaġun tar-Rebbiegha li huwa l-istaġun ta' kopulazzjoni tan-nannakoli.

Dehra esterna

[immodifika | immodifika s-sors]

In-nannakola tas-seba' tikek hi kemmxejn żgħira u għandha daqs medju ta 6-8mm minn ponta sa ponta. Il-ġisem tal-insett jinqasam fi tlitt partijiet speċjaliżżati; dawn huma - ir-ras, is-sider u l-qadd. Ir-ras għandha żewġ antenni flessibli li jintużaw biex l-insett iħoss l-ambjent ta' madwaru. Għandha ukoll par għajnejn kumplessi li jgħinu fil-vista kif ukoll partijiet tal-ħalq li huma speċjaliżżati biex jieklu il-mell (dan huwa insett żgħir illi jagħmel ħsara lil pjanti bl'Ingliż jissejjaħ aphid) u insetti oħra [2]. Il-kulur tar-ras huwa differenti minn dak tal-kumplament tal-ġisem. Fil-fatt ir-ras hija ta' lewn iswed bit-tikek bojod fuqha. Il-protezzjoni tar-ras hija essenzjali għas-sopravivenza. Din tiġi mwettqa minn esoskeletru iebes magħmul minn proteini. Iżda dan mhux kollox! Ir-ras tan-nannakola hija wkoll parzjalment moħbija taħt struttura li tissejjaħ pronotum. It-toraċi magħmul minn partijiet ta' esoskeletru li huma flessibbli. Dawn huma mqabbdin mas-saqajn tan-nannakola u jgħinu ukoll fil-movimenti tal-insett. L-addomi mbagħad huwa maqsum f'ħames segmenti. F'kl waħda minnhom insibu l-aperturi tal-arja (stigmi) mentri fuq l-aħħar segment hemm ukoll l-anus u l-organi ġenitali tal-insett. It-toraċi, l-addomi u l-par ġwienaħ ta' wara huma protetti wholl minn struttura ta' lewn aħmar vivaċi. Din l-istruttura għandha forma ovali u tissejjaħ elittra. L-elittra hija maqsuma f'żewg partijiet u tifetaħ eżatt qabel ma ttir in-nannakola. Fil-fatt, l-elittra hija l-ġwienaħ ta' quddiem li ġew modifikati biex iservu ta' protezzjoni. Fuqhom hemm is-seba' tikek suwed li jagħtu l-isem lil din l-ispeċi u jiddistingwuha minn nannakoli oħra.

Fiżjoloġija u strutturi interni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fiżjoloġija tan-nannakola tixbaħ ħafna lil dik ta' insetti oħra.

Is-sistema nervuża tan-nannakola hija ferm żviluppata. Fil-fatt fir-ras hemm numru kbir ta' nervituri illi huma miġbura flimkien biex jiffurmaw strutturi kumplessi. Ġabra ta' nervituri tissejjaħ ganliju. Din hija struttura avvanzata li minnha joħorgu nervituri oħra li jinfirxu mal-ġisem kollu. Il-ganliju jikkontrolla l-impulsi għaċ-ċaqliq tal-muskoli, kif ukoll jintuża biex jirċievi messaġġi minn strutturi li għandhom x'jaqsmu mas-sensi tal-insett (eż. l-antenni).

Is-sistema ta' ċirkolazzjoni tan-nannakola hija ferm differenti minn dik li nafu aħna. Sistema bħal din tissejjaħ Sistema ta' ċirkolazzjoni miftuħa. Id-demm tan-nannakola jiġi ippumpjat fil-ġisem minn qalb tawwalija. Iżda id-demm tan-nannakola ma jgħaddix minn vini u arterji kif nafu aħna. Id-demm jgħaddi b'mod ħieles bejn iċ-ċelloli tal-ġisem u jwassal is-sustanzi neċessarji b'mod ferm tajjeb. Din is-sistema però hija effiċjenti biss fi ħlejjaq żgħar.

Il-ġwienah tan-nannakola huma ferm partikolari. Dan għaliex huma konessi ma' muskoli speċjaliżżati. Dawn il-muskoli huma kapaċi jaħdmu għal ħinijiet twal mingħajr għajja u b'hekk jgħamluha possibli biex in-nannakola tas-seba' tikek ittir għal-ħinijiet kemmxejn twal. Dawn it-tip ta' muskoli jissejjħu muskoli mijoġeniċi.

Is-sistema respiratorja hija magħmula minn ħafna kanali. Din is-sistema hija speċjaliżżata għax tħalli l-ossiġnu jinfirex direttament fil-muskoli mingħajr ma jgħaddi fid-demm. B'hekk in-nannakola tkun tista' tilħaq rata ta' metaboliżmu għolja, li hija idejali.

Iċ-ċiklu tal-ħajja

[immodifika | immodifika s-sors]
Kopulazzjoni

Iċ-ċiklu tan-nannakola tas-seba' tikek jieħu bejn 3 - 5 ġimgħat iżda dan jista' jvarja skond l-ambjent tal-madwar. In-nuqqas ta' riżorsi, l-umdita' u it-temperatura kollha jistgħu jaffetwaw dan iċ-ċiklu. Fir-rebbiegħa in-nannakoli adulti (li jkun irnexxilhom jirreżistu ix-xitwa) jiġbru l-ikel u jbidu minn 50 sa 200 bajda ġo kolonji tal-mell (aphids). Il-bajd ikun żgħir, kemmxejn isfar u jiġi ddepożitat fi gruppi. Wara erbat ijiem, il-bajd ifaqqas f'xagħat żgħir li għandu sitt saqajn [3]. Dan ix xagħat ikun iswed bit-tikek oranġjo fuqu u jiekol il-mell kif ukoll insetti żgħar oħra. Wara perjodu ta' tlitt ġimgħat, ix xagħat ikun għadda minn erba' fażijiet ta' żvilupp. Dawn il-fazijiet jinvolvu it-telf tal-eksoskeletru u l-iżvilupp ta' ieħor akbar. X'ħin ix- xagħat jikber biżżejjed, ikun lest għall-aħħar fażi ta' żvilupp. Din hija il-metamorfosi. Il-metamorfosi tikkonsisti fil-bini ta' fosdqa madwar ix- xagħat. Ix- xagħat stess jibni din il-fosdqa madwaru bi proteini speċjali. Din il- fosdqa imbaghad tiġi mwaħħla man-naħa ta' isfel tal-werqa u fiha jsir żvilupp kbir. Il-forma tal-ġisem tax- xagħat tinbidel kompletament u ssir tixbaħ lil dik ta' nannakola adulta. Wara għaxart ijiem, l-iżvilupp ikun komplut. Il-fosdqa tiftaħ u in-nannakola adulta toħroġ minnha. Fir-rebbiegħa li jmiss, l-adulti jergħu jitgħammru u ċ-ċiklu jerġa' jibda.

Imġiba naturali

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul l-istaġuni kesħin (Il-Ħarifa u x-Xitwa), ħafna nannakoli jinġabru flimkien u jfittxu kenn taħt qxur tas-siġar kif ukoll fi xquq żgħar fil-ġebel. Huwa maħsub illi in-nannakoli stess jitilqu feromoni apposta illi jħeġġu iktar nannakoli biex jiġu għal-kenn fl-istess post. Il-vantaġġ ta' din l-imġiba hu illi inqas sħana tiġi mitlufa mill-insett u b'hekk iċ-ċans ta' sopravivenza tul ix-xitwa jiżdied.

Mekkaniżmi ta' difiża

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-larva jiekol il-mell

Coccinella septempuntata għandha bosta mekkaniżmi ta' difiża illi jgerrxu il-predaturi u b'hekk jgħinnu fis-soppravivenza tal-ispeċi.

F'wieħed minn dawn il-mekkaniżmi in-Nannakola tas-seba' tikek tilgħabha ta' mejta [4]. Fil-fatt, meta xi għasfur jew predatur ieħor jersaq lejha, in-nannakola tibqa' wieqfa u ma tiċċaqlaqx. Il-predaturi normalment jħobbu jaqbdu organiżmi ħajjin u friski u malli jaħsbu illi organiżmu huwa mejjet, malajr jaqtgħu qalbhom u jfittxu ikel ieħor.

Mekkaniżmu ieħor huwa dak ta' l-uzu tal-kulur aħmar. Dan il-kulur huwa riżultat ta' sustanzi bl'isem ta' karotenojdi li jiġu prodotti fl-elitra (il-ġwienaħ protettivi) tan-nannakola. Bijoloġikament, il-kulur aħmar huwa assocjat ma' affarijiet tossiċi, velenużi jew perikolużi. B'hekk il-kulur aħmar iservi bħala twissija lill-predaturi li n-nannakola hija ħażina għall-ikel u m' hijiex ta' min imissha. Dan il-kulur iħajjar lill-predaturi jduru fuq ikel ieħor u mhux fuq in-nannakola.

It-tielet mekkaniżmu effiċċjenti ta' difiza jintuża f'każijiet fejn il-predatur iwebbes rasu u jibqa' jipprova jattakka lin-nannakola. F'dan il-każ, in-nannakola terħi d-demm mill-ġogi. Dan jista' jidher bħala mekkaniżmu stramb, iżda huwa mod mill-aktar effettiv biex ibiegħed lill-predaturi. Dan għaliex id-demm jkun fih sustanzi ta' lewn isfar li jissejjħu alkalojdi. Dawn għandhom riħa tinten kif ukoll togħoma ħazina. Malli l-predaturi jtiegħmu jew ixommu r-riħa ta' dawn is-sustanzi, huma jitbiegħdu minnufih. Il-predaturi imbagħad jibqgħu jiftakru u jassoċjaw it-togħma ħazina man- nannakola u b'hekk dan il-mekkaniżmu jiżgura ukoll illi fil-futur, il-predaturi ma jerġgħux jersqu biex jattakkaw lin-nannakola. Ix-xagħat tan-nannakoli ukoll jista' jerħi dawn is-sustanzi, pero' dan ikollu glandola apposta li tagħmel dan.

Użu ekonomiku tan-nannakola

[immodifika | immodifika s-sors]

Coccinella septempunctata hija insettivora u d-dieta tagħha tikkonsisti l-iktar f'insetti żgħar. Fil-fatt, in-nannakola u x- xagħat tagħha għandhom bżonn jieklu ħafna insetti kuljum biex jibqgħu f'saħħithom. Il-maġġoranza tal-insetti li tiekol in-nannakola huma parassiti tal-pjanti u jagħmlu ħsara lill-prodotti tal-agrikoltura[5]. Għalhekk, il-bdiewa jużaw dan il-fatt għall-vantaġġ tagħhom u jużaw lin-nannakola bħala kontroll bijoloġiku ta' dawn l-insetti. Ħafna rziezet organiċi jitilqu lin-nannakoli fl-għelieqi tagħhom biex b'hekk inaqqsu l-popolazzjoni tal-insetti parassiti. Dan huwa mhux biss mod faċli biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi, iżda huwa wkoll mod li jiswa inqas flus u għalhekk huwa preferut minn ċerti bdiewa.

  1. ^ Marshall, S.A. (2008-08-29). "Lady Beetles of Ontario" (bl-Ingliż). L-Università ta' Guelph.
  2. ^ Poorani, Dr. J. (2008-08-29). "Adult Morphology of a Ladybird" (bl-Ingliż).
  3. ^ Lyon, William F. (2008-08-29). "Lady Beetle Fact Sheet" (bl-Ingliż). L-Università tal-Istat ta' Ohio.
  4. ^ The Center For Insect Science, Education Outreach (2008-08-29). "Ladybird Beetle Information" (bl-Ingliż). L-Università ta' Arizona. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-09-26. Miġbur 2008-08-31.
  5. ^ Frank, J. Howard; Mizell, III, Russell F. (2008-08-29). "The Seven spotted ladybird" (bl-Ingliż). L-Università ta' Florida.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]