Mudell:PaġnaPrinċipali/Vetrina/Lulju 2009

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
GodfreyKneller-IsaacNewton-1689.jpg

Sir Isaac Newton kien matematiku, fiżiku, astronomu u filosfu Ingliż. Figura emblematika fix-xjenzi, Newton hu l-aktar magħruf għat-teorija tal-gravità universali u l-ħolqien, u l-iżvilupp tal-kalkolu infiniteżmali, skoperta kontemporanja flimkien ma' Leibniz.

Fl-ottika, żviluppa teorija tal-kulur ibbażata fuq l-osservazzjoni li priżma jaqsam id-dawl abjad fl-ispettru viżibbli. Ivvinta wkoll it-teleskopju riflettur magħmul minn mera konkava, imsejjaħ it-teleskopju ta' Newton. Fil-mekkanika, stabbilixxa t-tliet liġijiet universali tal-moviment li huma l-prinċipji li fuqhom hi msejsa t-teorija tiegħu għall-moviment tal-korpi, teorija li daż-żmien tissejjaħ il-Mekkanika klassika.

Fil-matematika, Newton qasam ma' Gottfried Wilhelm Leibniz l-iskoperta tal-kalkolu infiniteżmali. Hu magħruf ukoll għall-ġeneralizazzjoni tal-teorema binomjali u l-invenzjoni ta' dak li hu msejjaħ il-metodu ta' Newton li jippermettilna nsibu xi approssimazzjonijiet għaż-żero (jew radiċi) ta' funzjoni ta' varjabbli waħda reali b'valuri reali. Newton wera li l-moviment tal-oġgetti fuq l-art u l-korpi ċelesti huma mmexxija mill-istess liġijiet naturali; u bl-għajnuna tal-liġijiet ta' Kepler fuq il-moviment tal-pjaneti, żviluppa l-gravità universali.

Il-ktieb tiegħu fuq żewġ volumi, Philosophiæ Naturalis Principia Mathematica, hu meqjus bħala wieħed mix-xogħlijiet il-kbar fl-istorja tax-xjenza. Fih hu ddeskriva l-gravità universali, ifformula t-tliet liġijiet tal-moviment u lesta l-bażi tal-mekkanika klassika. Għamel ukoll xi tiftix fl-oqsma tat-teoloġija, il-filosofija u l-alkimija.

Aqra l-artiklu