Mudell:PaġnaPrinċipali/Vetrina/Ġunju 2009
Ludwig van Beethoven kien kompożitur Ġermaniż li x-xogħol tiegħu jinfirex mill-perjodu klassiku sal-bidu tar-Romantiċiżmu. Bħala l-aħħar rappreżentant tal-klassiċiżmu Vjenniż (wara Gluck, Haydn u Mozart), Beethoven ħejja t-triq għall-evoluzzjoni lejn ir-romantiċizmu fil-mużika u influwenza l-mużika tal-Punent matul parti kbira tas-seklu 19. Kien inkomparabbli ("Tagħtini l-impressjoni li inti bniedem b'ħafna mħuħ, ħafna qlub u ħafna rwieħ" qallu Haydn qrib l-1793) u esprima l-arti tiegħu fil-forom kollha ta' mużika. Minkejja li l-mużika sinfonika kienet il-kawża prinċipali tal-popularità universali tiegħu, kienet il-kitba pjanistika u l-musica da camera li għamlu l-ikbar impatt.
Bil-qawwa tar-rieda tiegħu rebaħ fuq it-tiġrib li ġabitlu t-traġedja tat-truxija u ċċelebra fil-mużika tiegħu t-trijonf tal-eroiżmu u l-ferħ waqt li d-destin tah biss iżolament u miżerja. Għaldaqstant, kien tassew jistħoqqlu t-tifħir ta' Romain Rolland meta dan tal-aħħar wasal biex qal: "Hu l-aqwa fost l-aqwa mużiċisti. Hu l-forza l-iżjed erojka fl-arti moderna". Ix-xogħlijiet ta' Beethoven, li għalih il-kreazzjoni mużikali kienet att ta' bniedem ħieles u independenti, u espressjoni ta' ottimiżmu u ta' fiduċja soda fil-bniedem, jagħmluh wieħed mill-figuri l-iżjed importanti fl-istorja tal-mużika.