Aqbeż għall-kontentut

Motoori Norinaga

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Motoori Norinaga
Ħajja
Twelid Matsusaka, 21 Ġunju 1730
Nazzjonalità Ġappun
Residenza eks residenza ta’ Motoori Norinaga
Mewt Matsusaka, 5 Ottubru 1801
Familja
Ulied
Familja
Edukazzjoni
Lingwi Ġappuniż
Għalliema Hori Keizan
Kamo no Mabuchi
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni lingwista
poeta
filosofu
kittieb
Impjegaturi Kishū Domain
Xogħlijiet importanti Kojiki-den
Genji Monogatari Nenkikō
Shibun Yōryō
Q11564178 Translate
Q11260661 Translate
Q17213939 Translate
Isonokami Sasamegoto (en) Translate
Q30933240 Translate

Motoori Norinaga (本居 宣長, twieled fil-21 ta’ Ġunju 1730 – miet fil-5 ta’ Novembru 1801) kien studjuż Ġappuniż tal-Kokugaku u kien attiv matul il-perjodu tal-Edo. Konvenzjonalment huwa kklassifikat bħala wieħed mill-Erba’ Rġiel Kbar tal-istudji (nativisti) tal-Kokugaku.[1]

Motoori Norinaga (1790)

Norinaga twieled f’dik li issa hija magħrufa bħala Matsusaka fil-Provinċja ta’ Ise (li issa hija parti mill-Prefettura ta’ Mie). Huwa kien it-tieni iben f’dar ta’ merkanti Ozu (id-direttur tal-films Yasujirō Ozu kien dixxendent tal-istess familja). Wara l-mewt ta’ ħuh il-kbir, Norinaga kien is-suċċessur tiegħu fil-familja Ozu. Fi stadju partikolari, huwa ġie adottat minn familja li kienet tipproduċi l-karta iżda bħala studjuż ma kienx adattat għal dan in-negozju.

Fuq is-suġġeriment ta’ ommu, meta kellu 22 sena, Norinaga mar fi Kjoto biex jistudja l-mediċina. Fi Kjoto, huwa studja wkoll il-filoloġija Ċiniża u Ġappuniża taħt in-neo-Konfuċjanist Hori Keizan. F’dan iż-żmien Norinaga beda jinteressa ruħu fil-klassiċi Ġappuniżi u ddeċieda li jistudja l-qasam tal-Kokugaku taħt l-influwenza ta’ Ogyū Sorai u Keichū. Minħabba l-bidliet fil-lingwa, il-klassiċi antiki diġà bdew jiġu mifhuma mill-inqas mill-Ġappuniżi fil-perjodu tal-Edo u b’hekk it-testi kienu jeħtieġu analiżi filoloġika sabiex jiġu mifhuma sew. Fiż-żgħożija tiegħu fi Kjoto, huwa rawwem namra għall-kultura imperjali tradizzjonali Ġappuniża.

Meta reġa’ lura f’Matsusaka, Norinaga fetaħ prattika medika għat-trabi filwaqt li ddedika l-ħin liberu tiegħu biex jagħti lekċers dwar Il-Ġrajja ta’ Genji u dwar l-istudji ta’ Nihon Shoki (Il-Ġrajjiet tal-Ġappun). Meta kellu 27 sena, Norinaga xtara diversi kotba ta’ Kamo no Mabuchi u daħal b’ruħu u b’ġismu fir-riċerki tiegħu dwar Kokugaku. Bħala tabib, huwa adotta l-isem ta’ wieħed mill-antenati samurai tiegħu, Motoori.

Fl-1763, Norinaga ltaqa’ ma’ Mabuchi wiċċ imb wiċċ meta dan tal-aħħar żar Matsusaka. Din il-laqgħa saret magħrufa fl-istorja bħala “il-lejla f’Matsusaka”. Norinaga ħataf l-okkażjoni biex jistaqsi lil Mabuchi għas-superviżjoni tal-annotazzjonijiet tiegħu tal-Kojiki (“Ir-Rekords tal-Materji Antiki”). Mabuchi ssuġġerixxa li Norinaga kellu l-ewwel nett jieħu ħsieb l-annotazzjonijiet tal-Man'yōshū sabiex isir midħla tal-użu antik tal-kana magħruf bħala l-man'yōgana. Din kienet l-unika laqgħa bejn iż-żewġ irġiel, iżda komplew jikkomunikaw bejniethom b’korrispondenza, u bit-tħeġġiġ min-naħa ta’ Mabuchi, iktar ’il quddiem Norinaga wettaq riċerka sħiħa dwar il-Kojiki.

Fost id-dixxipli ta’ Norinaga kien hemm Ishizuka Tatsumaro, Nagase Masaki, Natsume Mikamaro, Takahashi Mikiakira u Motoori Haruniwa (iben Norinaga).

Għalkemm l-iktar li jispikkaw huma l-attivitajiet tiegħu bħala studjuż tal-Kokugaku, Norinaga qatta’ 40 sena jaħdem bħala tabib prattikant f’Matsusaka u kien qed jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-pazjenti sa għaxart ijiem qabel mewtu fl-1801.

L-iktar xogħlijiet importanti ta’ Norinaga jinkludu l-Kojiki-den (Kummentarji dwar il-Kojiki), li fassal tul perjodu ta’ madwar 35 sena, u l-annotazzjonijiet tiegħu tal-Ġrajja ta’ Genji. Bl-użu tal-metodi tal-Kokugaku u tal-Kaozheng, Norinaga sostna li l-Kojiki kien l-iktar test Ġappuniż antik li kien għadu eżistenti. Huwa uża s-suppożizzjoni tal-antikità tal-Kojiki sabiex jiżviluppa l-idea ta’ reliġjon indiġena Ġappuniża. Barra minn hekk, l-idea tal-liġijiet u tar-reliġjon inġenerali Ġappuniżi iktar ’il quddiem intużaw għall-iżvilupp ta’ idea ta’ Xintoiżmu Statali.[2]

Norinaga kien tal-fehma li l-wirt tal-Ġappun tal-qedem kien wieħed ta’ spontanjetà naturali fis-sentimenti u fl-ispirtu, u li l-Konfuċjaniżmu importat kien imur kontra dawn is-sentimenti naturali. Huwa kkritika lil Ogyū Sorai li fl-opinjoni tiegħu kien issovravaluta ċ-ċivilizzazzjoni u l-ħsibijiet Ċiniżi, għalkemm ġie indikat li l-metodoloġija filoloġika tiegħu kienet influwenzata ferm minn dik ta’ Sorai. L-ideat tiegħu kienu influwenzati mill-intellettwali Ċiniż Wang Yangming (Ō Yōmei bil-Ġappuniż), li kien argumenta favur l-għarfien nattiv, jiġifieri li l-bniedem kellu ħila naturali (apparti dik razzjonali) li jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Sa dak iż-żmien, l-istudjużi tal-letteratura kienu taw preferenza lill-grandezza u lill-maskilinità tal-poeżija ta’ Man'yōshū u avversjoni lejn xogħlijiet bħall-Ġrajja ta’ Genji, li kienu meqjusa bħala mhux virili u femminili. Norinaga reġa’ qanqal il-pożizzjoni tal-Ġrajja ta’ Genji, li hu kien iqis bħala espressjoni ta’ mono no aware[3] (kunċett relatat ma’ magokoro li kien tkellem dwaru Kamo no Mabuchi), jiġifieri sensibbiltà Ġappuniża partikolari ta’ “dieqa fl-evanexxenza” li Norinaga saħaq li kienet tifforma l-essenza tal-letteratura Ġappuniża. Kull bniedem, skont Motoori, malli jitwieled ikollu “qalb pura” jew “magokoro” (it-terminu magokokoro fih innifsu huwa kważi onomatopeja peress li kokoro (il-qalb) tesprimi t-“tħabbit tal-qalb”) u l-letteratura Ġappuniża antika hija l-iktar espressjoni fidili tagħha.[4]

Meta wettaq l-analiżi testwali tal-Ġappuniż antik, Norinaga ta kontributi vitali wkoll biex tiġi stabbilita tradizzjoni grammatikali Ġappuniża nattiva, b’mod partikolari l-analiżi tal-klitiċi, tal-partiċelli u tal-verbi awżiljarji. Bħala parti mir-riċerka tiegħu, Norinaga inizjalment skopra il-liġi ta’ Lyman dwar ir-rendaku, xi 100 sena qabel ma din il-liġi ngħatat isem il-proponent ta’ din il-liġi li ġie warajh, jiġifieri Benjamin Smith Lyman.

  • 1730 - twieled bħala t-tieni iben
  • Edukazzjoni:
    • ta’ seba’ snin diġà kien jaf jaqra u jikteb
    • ta’ 11-il sena kien kapaċi jiftakar bl-amment opri teatrali antiki ta’ Noh u klassiċi tal-Konfuċjaniżmu
    • ta’ 13-il sena żar is-santwarju ta’ Yoshino
    • ta’ 16-il sena kien jaf juża l-qaws
    • ta’ 18-il sena ħa sehem fiċ-ċerimonja tat-te Ġappuniża
    • ta’ 19-il sena tħarreġ fil-Konfuċjaniżmu f’livell avvanzat
  • 1748 - Norinaga ġie adottat mill-familja Imaida; l-adozzjoni ġiet disdetta wara sentejn biss
  • 1751 - miet ħuh tar-rispett
  • 1752 - mar Kjoto biex jistudja x-xjenza medika
  • 1752-1757 - xi studjużi jinnutaw il-produttività tiegħu. Motoori jipproduċi 2,000 Waka u 40 ktieb, u jikkopja 15-il ktieb ieħor
  • 1757 - jaqra l-ewwel ktieb ta’ Kamo no Mabuchi, Kanji kō. Peress li jispiċċawlu l-flus, jirritorna lejn belt twelidu u jiftaħ prattika medika
  • 1760 - żwieġ miftiehem ma’ Murata Mika; divorzju wara tliet xhur
  • 1762 - jiżżewweġ lil Kusubuka Tami u sena wara jitwieled binhom Haruniwa
  • 1763 - jiltaqa’ ma’ Kamo no Mabuchi li jgħidlu jaqra n-Nihon Shoki u l-Man'yōshū
  • 1764-1771 - jistudja l-Kojiki u jibda jiddissemina t-tagħlimiet tiegħu
  • 1799 - Motoori Ōhira jsir ibnu adottat
  • 1801 - miet

Mużew Kommemorattiv ta’ Motoori Norinaga

[immodifika | immodifika s-sors]
Dar Motoori Norinaga, ippreservata bħala mużew

Fi ħdan l-artijiet tal-Kastell ta’ Matsusaka fil-belt ta’ Matsusaka, id-dar ta’ Motoori Norinaga kyu-taku (本居宣長旧宅), fejn Motoori Norinaga għex mill-età ta’ 12-il sena sa ma għalaq 72 sena, ġiet ippreservata bħala mużew kommemorattiv ta’ Motoori Norinaga (本居宣長記念館, Motoori Norinaga kinenkan). Il-binja, li oriġinarjament kienet inbniet bħala d-dar li fiha kellu jirtira n-nannu ta’ Norinaga fl-1693, ġiet imċaqilqa fejn tinsab attwalment fl-1909. Ġiet ipproklamata Monument Nazzjonali Speċjali mill-gvern Ġappuniż fl-1953. Sar sforz biex minn ġewwa tiġi ppreservata kemm jista’ jkun kif kienet meta kienet tintuża minn Norinaga, u l-istudjo fejn kien jikteb, fit-tieni sular, fih xi eżempji ta’ manuskritti oriġinali. Il-mużew iħaddan bosta artefatti li huma protetti bħala Proprjetajiet Kulturali Importanti tal-Ġappun, u kuljum jintwera porzjon żgħir minnhom biss.

  1. ^ "国学の四大人(こくがくのしたいじん)の意味 - goo国語辞書". goo辞書 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2021-06-21.
  2. ^ Josephson, Jason Ānanda (2012). The Invention of Religion in Japan. Chicago: University of Chicago Press. p. 110. ISBN 9780226412351.
  3. ^ Motoori, Norinaga (2007-01-01). The Poetics of Motoori Norinaga: A Hermeneutical Journey. University of Hawaii Press. ISBN 9780824830786.
  4. ^ Olivier Ansart (1994). Études Anciennes et Études Nationales dans le Japon du XVIIIème siècle : la Nature, l'Artifice et le Mal chez Ogyû Sorai et Motoori Norinaga [Ancient Studies and National Studies in 18th Century Japan: Nature, Artifice and Evil in Ogyû Sorai and Motoori Norinaga] (bil-Franċiż). pp. 60, 63, 64.