Aqbeż għall-kontentut

Monasteru ta' Voroneț

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Monasteru ta’ Voroneț)
Il-Monasteru ta' Voroneț

Il-Monasteru ta' Voroneț huwa monasteru Medjevali fil-villaġġ Rumen ta' Voroneț, li issa jifforma parti mir-raħal ta' Gura Humorului. Huwa wieħed mill-iktar monasteri mpittrin famużi min-Nofsinhar ta' Bukovina, fil-Kontea ta' Suceava. Il-monasteru nbena minn Stiefnu l-Kbir fl-1488 tul perjodu ta' tliet xhur u tliet ġimgħat biex ifakkar ir-rebħa fil-Battalja ta' Vaslui. Spiss jingħad li dan il-monasteru qisu l-"Kappella Sistina tal-Lvant". L-affreski tal-Monasteru ta' Voroneț għandhom sfumatura intensa ta' blu magħrufa fir-Rumanija bħala "l-blu ta' Voroneț".[1]

Il-monasteru jinsab fin-Nofsinhar ta' Gura Humorului fil-Kontea ta' Suceava, fil-wied tax- xmara Voroneț. Il-leġġenda tal-oriġini tal-knisja tgħaqqad żewġt irġiel ċentrali fl-istorja Rumena: il-fundatur tal-monasteru, Stiefnu l-Kbir, u San Danjel l-Eremita, l-ewwel superjuri tal-patrijiet tal-monasteru. Il-qabar ta' San Danjel jinsab fi ħdan il-monasteru.

Il-knisja hija waħda mill-knejjes tal-Moldavja mniżżlin fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Affresk tal-Anġlu tal-Aħħar Ġudizzju

Mhux magħruf kemm għandu żmien is-sit monastiku. Hemm leġġenda li tgħid li Stiefnu l-Kbir, f'mument ta' kriżi waqt gwerra kontra t-Torok Ottomani, ġie għand l-iskete (komunità monastika) ta' Danjel l-Eremita f'Voronet u talbu parir. Danjel qallu biex ma jċedix fil-ġlieda. Imbagħad, wara r-rebħa, kellu jibni monasteru ddedikat lil San Ġorġ.[3] Id-daħla oriġinali tal-Knisja ta' San Ġorġ, issa fl- exonarthex, għandha affresk bil-kitba li ġejja:[4]

"Jiena, Stiefnu, bil-Grazzja ta' Alla l-Mexxej tal-Moldavja, iben Bogdan, bdejt nibni l-monasteru ta' Voroneț biex nagħti ġieħ lill-qaddis rinomat San Ġorġ, il-martri l-kbir u rebbieħ, nhar it-Tnejn is-26 ta' Mejju tas-6996, wara l-Pentekoste, u l-kostruzzjoni tlestiet fl-istess sena f'Settembru tal-1488".

Il-knisja nbniet skont pjanta bi tliet apsidi, presbiterju, naos bit-torri, u pronaos.

Fl-1547, l-Isqof Metropolitan tal-Moldavja Grigorie Roșca żied l-exonarthex fin-naħa tal-Punent tal-knisja u ordna li l-ħitan ta' barra jiġu mpittrin ukoll. Il-kontribut tiegħu huwa rreġistrat fuq ix-xellug tad-daħla:[4]

"Bir-Rieda ta' Alla l-Missier u bl-Għajnuna ta' Ibnu u l-qilla tal-Ispirtu s-Santu, u permezz tat-tbatijiet kbar tal-fidil Kir Grigorie, il-Metropolitan tal-Moldavja kollha, ġie miżjud dan iz-zuntier titulari u l-ħitan esterni tal-knisja kollha ġew impittrin f'ġieħ ruħu fis-sena 7055 (1547)".

Il-monasteru fih il-lapidi ta' San Danjel l-Eremita, ta' Grigorie Roșca, u ta' persuni notevoli u nobbli oħra tal-knisja.

Ir-raħal ta' Voroneţ kien magħruf għall-iskola tal-kaligrafija tiegħu, fejn is-saċerdoti, il-qassisin u l-patrijiet kienu jitgħallmu jaqraw, jiktbu u jittraduċu t-testi reliġjużi. L-iskola pproduċiet żewġ kopji notevoli ta' traduzzjonijiet tal-Bibbja bir-Rumen: il-Kodiċi ta' Voroneț li ġie skopert fl-1871 u s-Salterju ta' Voroneț li nstab fl-1882. Dawn il-kotba issa jinsabu fl-Akkademja Rumena.[4]

Il-monasteru ġie abbandunat ftit wara l-1775, bl-annessjoni tal-parti tat-Tramuntana tal-Moldavja mill-Monarkija Asburga. Il-komunità monastika reġgħet lura f'Voroneț fl-1991. Mir-ritorn tagħhom, dawk li jgħixu fil-monasteru bnew akkomodazzjoni għas-sorijiet residenti, kappella, funtani, stalel, imtamar, u dar għall-pellegrini.[4]

Il-ħitan esterni mpittrin tal-monasteru

Il-katholikon (il-knisja ewlenija) ta' San Ġorġ fil-Monasteru ta' Voroneț x'aktarx li hija l-iktar knisja famuża fir-Rumanija. Hija magħrufa mad-dinja kollha għall-affreski esterni tagħha b'kuluri jgħajtu u intensi, u għall-mijiet ta' wċuħ ippreservati tajjeb, impittrin fuq sfond blu-kaħlani rinomat tal-ażżurit. It-twieqi żgħar, l-oqfsa rettangolari u ċċangjati tagħhom, kif ukoll l-arkati fondi fuq ġewwa ġejjin għall-ponta, kollha huma fi stil Gotiku. Il-bibien tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana tal-exonarthex tal-1547 għandhom oqfsa rettangolari, li jindikaw perjodu ta' tranżizzjoni mill-istil Gotiku għal dak Rinaxximentali. Iżda fuqhom, fuq kull ħajt hemm tieqa twila bi ħnejja Gotika pompuża. Il-faċċata kollha tal-Punent ma għandhiex fetħiet, u dan jindika li l-intenzjoni tal-Metropolitan Roșca mill-bidu nett kienet li jirriżervaha għall-affreski.[2]

Fil-faċċata tat-Tramuntana għadha tidher id-dekorazzjoni oriġinali tal-knisja, bir-ringieli ta' tondjaturi taċ-ċeramika tleqq bl-isfar, bil-kannella u bl-aħdar, imżejna b'riljiev. Dawn jinkludu motivi araldiċi, bħall-iljun rampanti u r-ras ta' speċi estinta ta' gendus tal-istemma araldika tal-Moldavja, u kreaturi ispirati mil-letteratura Medjevali tal-Ewropa tal-Punent, bħas-sireni b'żewġ dnieb. It-torri huwa mżejjen b'sittax-il niċċa għolja, u f'erbgħa minnhom hemm it-twieqi. Fuqhom hemm ringiela ta' niċeċ żgħar mad-dawra tat-torri. Is-saqaf frammentat x'aktarx li jsegwi l-għamla tas-saqaf oriġinali, li bla dubju kien magħmul b'biċċiet ċatti u tawwalin tal-għuda.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Voroneț huwa wieħed mit-tmien knejjes tal-Moldavja li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

  1. ^ Sandberg-Diment, Erik (1998-06-21). "Artistic Route Through Romania" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-01.
  2. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Moldavia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-01.
  3. ^ "Letopisețul Țării Moldovei/O samă de cuvinte - Wikisource". ro.wikisource.org (bir-Rumen). Miġbur 2021-05-01.
  4. ^ a b ċ d Simionovici, Elena (2001). The sacred monastery of Voronet. Translated by Ligia Doina Constantinescu. Sibiu: Thausib. ISBN 973-97726-7-6.