Maymand

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Maymand
 Iran
Amministrazzjoni
Stat sovranIran
Province of IranProvinċja ta' Kerman
County of IranKontea ta' Shahr-e Babak
District of IranDistrett Ċentrali
Ġeografija
Koordinati 30°13′N 55°22′E / 30.22°N 55.37°E / 30.22; 55.37Koordinati: 30°13′N 55°22′E / 30.22°N 55.37°E / 30.22; 55.37
Maymand is located in Iran
Maymand
Maymand
Maymand (Iran)
Demografija

Maymand (bil-Persjan: ميمند; spellut ukoll bħala Meymand, Meimand u Maimand) huwa villaġġ u l-belt kapitali tad-Distrett Rurali ta' Maymand fid-Distrett Ċentrali tal-Kontea ta' Shahr-e Babak, fil-provinċja ta' Kerman, l-Iran.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Maymand huwa villaġġ antik qrib il-belt ta' Shahr-e Babak fil-provinċja ta' Kerman. Huwa maħsub li f'Maymand kien hemm wieħed mill-ewwel insedjamenti umani fil-Promontorju Iranjan, li jmur lura sa 12,000 sena ilu. Ħafna mir-residenti jgħixu fit-350 dar imħaffra bl-idejn qalb il-blat, li wħud minnhom ilhom abitati għal saħansitra 3,000 sena. Madwar il-villaġġ instab tinqix fuq il-blat ta' kważi 10,000 sena ilu, u nstabu wkoll depożiti ta' bċejjeċ tal-fuħħar ta' kważi 6,000 sena ilu li jixhdu l-istorja twila ta' insedjament fil-villaġġ.

Fir-rigward tal-oriġini ta' dawn l-istrutturi ġew issuġġeriti żewġ teoriji.[1] Skont l-ewwel teorija, dan il-villaġġ inbena minn grupp tat-tribù tal-Aryan għall-ħabta tat-800 u s-700 Q.K. u fl-istess żmien tal-era Medjana. Jista' jkun li l-istrutturi fl-irdumijiet ta' Maymand inbnew għal skopijiet reliġjużi. Dawk li kienu jqimu lil Mithras kienu jemmnu li x-xemx hija invinċibbli u dan it-twemmin wassalhom biex iqisu l-muntanji bħala sagri. B'hekk il-bennejja u l-arkitetti ta' Maymand ipprattikaw it-twemmin tagħhom permezz tal-kostruzzjoni tal-abitazzjonijiet tagħhom. Abbażi tat-tieni teorija, il-villaġġ imur lura għas-seklu 2 jew 3 W.K. Matul l-era Arsaċida tribujiet differenti tan-Nofsinhar ta' Kerman wettqu migrazzjoni f'direzzjonijiet differenti. Madankollu, dawn it-teoriji ma jaqblux mad-data tad-depożiti li nstabu ta' 12,000 sena ilu, li jindikaw li s-sit imur lura għall-ħabta tal-10,000 Q.K. Dawn it-tribujiet sabu postijiet adattati għall-għajxien tagħhom u insedjaw dawk l-inħawi billi bnew il-postijiet imkennija tagħhom li maż-żmien żviluppaw fid-djar tagħhom li għadhom jeżistu sal-lum. L-eżistenza ta' post magħruf bħala l-fortizza ta' Maymand, qrib il-villaġġ, fejn instabu iktar minn 150 osswarju (reċipjent tal-għadam) ta' żmien is-Sassanidi, issaħħaħ din it-teorija.

Il-kundizzjonijiet tal-għajxien f'Maymand huma iebsin minħabba l-aridità tal-art u t-temperaturi għoljin fis-sajf u x-xtiewi kesħin ħafna. Il-lingwa lokali fiha bosta kliem mil-lingwi Sassanidi u Pahlavi antiki.[2]

Fl-2005, Maymand ingħata l-Premju Internazzjonali ta' Melina Mercouri mill-UNESCO u mill-Greċja għas-Salvagwardja u l-Ġestjoni tal-Pajsaġġi Kulturali (madwar $20,000).[3]

Fl-4 ta' Lulju 2015, il-villaġġ żdied bħala pajsaġġ kulturali fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Demografija[immodifika | immodifika s-sors]

L-abitazzjonijiet imħaffrin fil-blat ta' Maymand.

Skont iċ-ċensiment nazzjonali tal-2006, il-popolazzjoni tal-villaġġ kien ta' 673 ruħ f'181 unità domestika.[5] Fiċ-ċensiment ta' wara fl-2011 il-popolazzjoni ċkienet għal 214-il ruħ f'74 unità domestika. Fl-aħħar ċensiment tal-2016, il-popolazzjoni tal-villaġġ kienet ta' 105 abitanti f'44 unità domestika.[6]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Maymand ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla wieħed tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Siamak Hashemi, 2013, The Magnificence of Civilization in Depths of Ground (A Review of Underground Structures in Iran – Past to Present), Shadrang Printing and Publishing Co., Tehran.
  2. ^ "روستای تاریخی و صخره ای میمنـــد شهربابک | موقعیت جغرافیایی میمند". روستای تاریخی و صخره ای میمنـــد شهربابک (bil-Persjan). Miġbur 2023-12-26.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Centre -". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-26.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Landscape of Maymand". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-26.
  5. ^ "Ċensiment 2006". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Ċensiment 2016". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-10-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)