Mario Grech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search

L-Isqof Mario Grech (Qala, Għawdex, 20 ta’ Frar 1957) huwa l-Isqof ta' Għawdex.

Bin George u Stella, huwa twieled u tgħammed fil-parroċċa tal-Qala, iżda ta’ età żgħira familtu marret toqgħod Ta' Kerċem.

Studju u Ordinazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Attenda l-iskola tas-Sorijiet Karmelitani u l-Iskola Primarja ta’ Kerċem. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-Iskola Sekondarja ta’ Rabat (Għawdex), fl-1977 beda l-Kors tal-Filosofija u iktar tard dak tat-Teoloġija fis-Seminarju ta’ Għawdex.

Wara l-ordinazzjoni tiegħu fil-Katidral t’Għawdex, nhar is-26 ta’ Mejju 1984, minn idejn l-Isqof Nikol Cauchi, intbagħat Ruma fejn kiseb il-Liċenzja fil-Liġi Kanonika u Ċivili fl-Università Pontifiċja tal-Lateran. Fis-snin ta’ wara, kiseb ukoll id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas t’Akwinu. Fiż-żmien li dam Ruma, barra mill-ħidma pastorali li wettaq fil-parroċċa tal-Assunzjoni fejn kien residenti, ħadem ukoll fil-kamp tal-Liġi Kanonika fit-Tribunali tal-Knisja f’Ruma, kemm fil-Vigarjat kif ukoll fis-Sacra Romana Rota.

Ħidma Pastorali f'Għawdex[immodifika | immodifika s-sors]

Mar-ritorn tiegħu f’Għawdex hu kien assenjat diversi ħidmiet pastorali fil-Kurja Djoċesana, fejn għal diversi snin kien l-Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja.

Iktar tard, fl-1993 hu nħatar Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex, u fl-istess waqt Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta.

Kien imdaħħal ukoll fil-proċess għall-Beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita Debrincat, Fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù, kif ukoll fil-Proċess għall-Beatifikazzjoni ta’ Mons. Ġużeppi De Piro, Fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

Fuq livell djocesan jibqa’ mfakkar is-sehem li huwa ta fit-twaqqif tar-Radju RTK u l-parteċipazzjoni tad-Djoċesi Għawdxija f’din il-kumpanija, kif ukoll fil-bini tal-Lumen Christi Media Centre.

Ħadem fost il-grupp ta’ lajċi kkonsagrati “Anawim”.

Fl-2004, Dun Mario sar Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Kerċem, Għawdex.

Isqof ta' Għawdex[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-Sibt 26 ta’ Novembru 2005, huwa ġie nominat bħala t-tmien Isqof ta’ Għawdex mill-Papa Benedittu XVI. Il-Konsagrazzjoni u l-Ingress tal-Isqof Mons. Mario Grech saru fil-Katidral ta’ Għawdex, il-Ħadd 22 ta’ Jannar 2006. Huwa ġie kkonsagrat isqof mill-Isqof Nikol Cauchi, assistit minn Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, u l-E.T. Mons. Felix del Blanco Prieto, Nunzju Apostoliku ta’ Malta.

Fl-20 ta' Awwissu 2013, huwa nħatar President tal-Konferenza Episkopali Maltija għal tliet snin. Huwa rrapreżenta lill-Konferenza fis-Sinodu Straordinarju fuq il-Familja li sar fil-Vatikan f'Ottubru 2014. Huwa għamel intervent li ġie apprezzat ħafna minn Papa Franġisku u minn ħafna isqfijiet oħra.