Aqbeż għall-kontentut

Lessikoloġija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-lessikoloġija hija fergħa tal-lingwistika li tistudja l-kliem. Dan jista’ jinkludi n-natura u l-funzjoni tagħhom bħala simboli, it-tifsira tagħhom, ir-rabta tat-tifsira tagħhom mal-epistemoloġija inġenerali, u r-regoli tal-kompożizzjoni tagħhom minn elementi iżgħar (il-morfemi bħall-markatur tal-Ingliż -ed għall-passat jew un- għan-negazzjoni; u l-fonemi bħala unitajiet bażiċi tal-ħoss). Il-lessikoloġija tinvolvi wkoll ir-rabta bejn il-kliem, li tista’ tinvolvi s-semantika (pereżempju, imħabba vs affezzjoni), d-derivazzjoni (pereżempju, stabbli vs instabbilment), l-użu u d-distinzjonijiet soċjolingwistiċi (pereżempju, żibel vs skart), u kwalunkwe kwistjoni oħra involuta fl-analiżi tal-lessiku kollu ta’ lingwa.[1]

It-terminu deher għall-ewwel darba fis-snin 70 tas-seklu 20, għalkemm essenzjalment kien hemm lessikologi qabel ma nħoloq it-terminu. Il-lessikoloġija komputazzjonali hija qasam relatat (bl-istess mod li l-lingwistika komputazzjonali hija relatata mal-lingwistika) li jinvolvi l-istudju komputazzjonali tad-dizzjunarji u tal-kontenut tagħhom.[2]

Xjenza alleata mal-lessikoloġija hija l-lessikografija, li tistudja wkoll il-kliem, iżda primarjament b’rabta mad-dizzjunarji – għandha x’taqsam mal-inklużjoni tal-kliem fid-dizzjunarji u minn dik il-perspettiva mal-lessiku kollu. Kultant il-lessikografija titqies bħala parti mill-lessikoloġija jew bħala fergħa tagħha, iżda teknikament, il-lessikologi li jiktbu d-dizzjunarji biss huma lessikografi. Xi wħud iqisu din bħala distinzjoni bejn it-teorija u l-prattika.[3]

Il-kelma “lessikoloġija” ġejja mill-Grieg λεξικόν lexicon, jiġifieri “lessiku”[4], newt. ta’ λεξικός lexikos, jiġifieri “tal-kelmiet jew għalihom”, minn λέξις lexis, jiġifieri “taħdit”[5], “kelma” (mentri λέγω lego, jiġifieri “jgħid”, “jitkellem”) u -λογία -logia, jiġifieri “l-istudju ta’”, is-suffiss derivat minn λόγος logos, li fost affarijiet oħra jfisser “taħdit, orazzjoni, diskors, kwotazzjoni, studju, kalkolu, raġunament”, li ġej ukoll minn λέγω.[6]

Semantika lessikali

[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm ħafna tipi ta’ rabtiet semantiċi bejn il-kliem. Pereżempju l-omonimija, l-antonimija, il-meronimija, u l-paronimija. Is-semantika li hija involuta speċifikament fix-xogħol lessikoloġiku tissejjaħ semantika lessikali. Is-semantika lessikali hija kemxejn differenti mis-semantika ta’ unitajiet ikbar bħal frażijiet, sentenzi, u testi kompluti (jew diskorsi), minħabba li ma tinvolvix l-istess livell ta’ kumplessitajiet semantiċi kompożizzjonali. Madankollu, il-kunċett ta’ “kelma” jista’ jkun estremament kumpless, partikolarment fil-lingwi agglutinattivi.[7]

Forom oħra tas-semantika jiġu studjati, bħas-semantika kulturali u s-semantika komputazzjonali (li jistgħu jirreferu għal-lessikoloġija komputazzjonali jew għal-loġika matematika).[8][9]

Is-semantika lessikali jaf ma tkunx tista’ tinftiehem mingħajr esplorazzjoni qasira tal-istorja tagħha.

Semantika prestrutturalista

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-semantika bħala dixxiplina lingwistika bdiet għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 19, u minħabba li l-lingwistika dak iż-żmien kienet iktar dijakronika, b’hekk is-semantika lessikali kienet dijakronika wkoll – din kienet ċentrali bejn l-1870 u l-1930. M’hemmx dubju li s-semantika lessikali dijakronika kienet interessata fil-bidla tat-tifsira b’approċċ predominantement semasjoloġiku, billi ħadet in-nozzjoni tat-tifsira mil-lat psikoloġiku: it-tifsiriet lessikali kienu kkunsidrati bħala entitajiet, ħsibijiet u ideat psikoloġiċi, u l-bidliet fit-tifsira kienu jiġu spjegati bħala r-riżultat ta’ proċessi psikoloġiċi.[7]

Semantika strutturalista u neostrutturalista

[immodifika | immodifika s-sors]

Biż-żieda ta’ ideat ġodda wara l-iżvolta permezz ta’ ħidmet Saussure, is-semantika dijakronika prestrutturalista ġiet ikkritikata ferm għall-istudju atomiku tal-kliem, għall-approċċ dijakroniku u l-isferi mhux lingwistiċi ta’ investigazzjoni. L-istudju sar sinkroniku, u kellu x’jaqsam mal-istrutturi semantiċi u mal-istrutturi purament lingwistiċi.[8]

Ir-relazzjonijiet strutturali semantiċi tal-entitajiet lessikali jistgħu jitqiesu bi tliet modi:

  • ix-xebħ semantiku
  • ir-rabtiet lessikali bħas-sinonimija, l-antonimija u l-iponimija
  • l-identifikazzjoni tar-rabtiet lessikali sintagmatiċi

WordNet “huwa tip ta’ bażi tad-data lessikali elettronika online li hija organizzata fuq prinċipji relazzjonali, li tinkludi kważi 100,000 kunċett”.

Il-lingwisti ġenerattivi tal-ħsieb ta’ Chomsky bdew jinvestigaw żewġ fehmiet opposti dwar il-post tas-semantika fi grammatika, li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għal dibattitu jaħraq. Dawn kienu s-semantika interpretattiva u s-semantika ġenerattiva.[8]

Semantika konjittiva

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa maħsub li s-semantika lessikali konjittiva hija l-iktar produttiva mill-approċċi attwali.

Frażjoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fergħa oħra tal-lessikoloġija hija l-frażjoloġija. Il-frażjoloġija tistudja t-tifsiriet komposti ta’ żewġ kelmiet jew iktar, bħal “infetħu bibien is-sema”. It-tifsira tal-frażi kollha kemm hi għandha tifsira differenti minn kull kelma individwali. Il-frażjoloġija teżamina kif u għaliex tifsiriet bħal dawn jintużaw kuljum, u l-liġijiet li jirregolaw dawn il-kombinazzjonijiet ta’ kliem. Il-frażjoloġija tinvestiga wkoll l-idjomi.[10][11]

Peress li l-lessikoloġija tistudja t-tifsira tal-kliem u r-rabtiet semantiċi tagħhom, ħafna drabi tesplora l-oriġini u l-istorja ta’ kelma, jiġifieri l-etimoloġija tagħha. L-etimologi janalizzaw lingwi relatati billi jużaw teknika magħrufa bħala l-metodu komparattiv. Bl-użu ta’ dan il-metodu, in-nisel ta’ diversi kliem minn fergħat differenti tal-familja tal-lingwi Indo-Ewropej jistgħu jiġu traċċati lura għal kelmiet individwali mil-lingwa Proto-Indo-Ewropea.[12]

L-etimoloġija tista’ tkun ta’ għajnuna biex jiġu ċċarati xi tifsiriet dubjużi, l-ortografija, eċċ., u tintuża wkoll fil-lessikografija. Pereżempju, id-dizzjunarji etimoloġiċi jipprovdu l-kliem bl-oriġini storika, il-bidliet u l-iżvilupp tagħhom.[13]

Lessikografija

[immodifika | immodifika s-sors]

Eżempju familjari ta’ lessikoloġija fil-prattika huwa dak tad-dizzjunarji u tat-teżawri. Id-dizzjunarji huma kotba, programmi tal-kompjuter, jew bażijiet tad-data li jirrappreżentaw xogħol lessikografiku u huma mfassla u maħsuba għall-użu pubbliku.[14]

Peress li hemm ħafna tipi differenti ta’ dizzjunarji, hemm ħafna tipi differenti ta’ lessikografi.

Il-lessikografi jindirizzaw id-diffikultajiet fid-definizzjoni ta’ kliem sempliċi bħall-partiċelli jew l-artikli, u kif il-kliem kompost jew kumpless jew il-kliem b’ħafna tifsiriet jistgħu jiġu spjegati b’mod ċar. Jindirizzaw ukoll liema kliem għandu jinżamm, jiżdied jew jitneħħa minn dizzjunarju.[14]

Lessikografi notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Xi lessikografi notevoli jinkludu:

  • Dr. Samuel Johnson (twieled fit-18 ta’ Settembru 1709 – miet fit-13 ta’ Diċembru 1784)
  • Pierre Larousse (twieled fit-23 ta’ Ottubru 1817 – miet fit-3 ta’ Jannar 1875)
  • Noah Webster (twieled fis-16 ta’ Ottubru 1758 – miet fit-28 ta’ Mejju 1843)
  • Vladimir Dal (twieled fl-10 ta’ Novembru 1801 – miet fit-22 ta’ Settembru 1872)

Xi lessikologi notevoli jinkludu:

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Lexicology/Lexikologie: International Handbook on the Nature and Structure of Words and Vocabulary/Ein Internationales Handbuch Zur Natur and Struktur Von Wortern Und Wortschatzen, Vol 1. & Vol 2. (Eds. A. Cruse et al.)
  • Words, Meaning, and Vocabulary: An Introduction to Modern English Lexicology, (ed. H. Jackson); ISBN 0-304-70396-6
  • Toward a Functional Lexicology, (ed. G. Wotjak); ISBN 0-8204-3526-0
  • Lexicology, Semantics, and Lexicography, (ed. J. Coleman); ISBN 1-55619-972-4
  • English Lexicology: Lexical Structure, Word Semantics & Word-formation, (Leonhard Lipka); ISBN 978-3-8233-4995-2
  • Outline of English Lexicology, (Leonhard Lipka); ISBN 3-484-41003-5
  1. ^ Babich, Galina Nikolaevna (2016). Lexicology : a current guide = Lexicologia angliskogo yazyka (8 ed.). Moscow: Flinta. p. 1. ISBN 978-5-9765-0249-9.
  2. ^ Dzharasova, T. T. (2020). English lexicology and lexicography : theory and practice (2 ed.). Almaty: Al-Farabi Kazakh National University. pp. 4–5. ISBN 978-601-04-0595-0.
  3. ^ Babich, Galina Nikolaevna (2016). Lexicology : a current guide = Lexicologia angliskogo yazyka (8 ed.). Moscow: Flinta. p. 133. ISBN 978-5-9765-0249-9.
  4. ^ "Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek-English Lexicon, λεξικο^ς". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2021-05-14.
  5. ^ "Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek-English Lexicon, λέξις". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2021-05-14.
  6. ^ "Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek-English Lexicon, λόγος". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2021-05-14.
  7. ^ a b Popescu, Floriana (2019). A paradigm of comparative lexicology. Newcastle: Cambridge Scholars Publishing. pp. 19–20. ISBN 1-5275-1808-6.
  8. ^ a b ċ Halliday, M. A. K. (2007). Lexicology : a short introduction. Colin Yallop. London: Continuum. pp. 56–57. ISBN 978-1-4411-5054-7.
  9. ^ Dzharasova, T. T. (2020). English lexicology and lexicography : theory and practice (2 ed.). Almaty: Al-Farabi Kazakh National University. p. 41. ISBN 978-601-04-0595-0.
  10. ^ Halliday, M. A. K. (2007). Lexicology : a short introduction. Colin Yallop. London: Continuum. pp. 12–13. ISBN 978-1-4411-5054-7.
  11. ^ Dzharasova, T. T. (2020). English lexicology and lexicography : theory and practice (2 ed.). Almaty: Al-Farabi Kazakh National University. pp. 75–76.
  12. ^ Babich, Galina Nikolaevna (2016). Lexicology : a current guide = Lexicologia angliskogo yazyka (8 ed.). Moscow: Flinta. pp. 20–23. ISBN 978-5-9765-0249-9.
  13. ^ Joseph, Brian D.; Janda, Richard D., eds. (2003), "The Handbook of Historical Linguistics", The Handbook of Historical Linguistics, Oxford, UK: Blackwell Publishing Ltd, p. 183, ISBN 9780631195719.
  14. ^ a b Dzharasova, T. T. (2020). English lexicology and lexicography : theory and practice (2 ed.). Almaty: Al-Farabi Kazakh National University. pp. 93–94. ISBN 978-601-04-0595-0.