Lagi ta' Willandra

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-hekk imsejjaħ "Ħajt taċ-Ċina" fil-Lagi ta' Willandra

Il-Lagi ta' Willandra huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-reġjun tal-Punent Imbiegħed ta' New South Wales, l-Awstralja. Ir-Reġjun tal-Lagi ta' Willandra huwa l-post tradizzjonali fejn jiltaqgħu t-tribujiet Aboriġini Muthi Muthi, Ngiyampaa u Barkinji. Iż-żona ta' 240,000 ettaru (590,000 akru) tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-ħames sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-1981.[1]

Ir-reġjun fih karatteristiċi naturali u kulturali importanti, fosthom eżempji eċċezzjonali ta' ċivilizzazzjoni umana tal-imgħoddi, inkluż l-eqdem sit ta' kremazzjoni fid-dinja. Sezzjoni żgħira tar-reġjun hija protetta mill-Park Nazzjonali ta' Mungo.

L-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ġie nnegozjat u nħoloq fl-1981. Is-sit iddaħħal fil-gazzetta nazzjonali uffiċjali tal-gvern tal-Awstralja bħala sit fuq il-Lista tal-Wirt Nazzjonali Awstraljan fil-21 ta' Mejju 2007 taħt l-Environment and Heritage Legislation Amendment Act (No. 1), 2003 (Cth).[2] Ir-reġjun huwa elenkat ukoll fuq ir-Reġistru tal-Wirt Statali ta' New South Wales.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Parti mis-sistema tal-Lagi ta' Willandra: 1. Il-Lag Mulurulu; 2. Il-Qala ta' Willandra; 3. Il-Lag ta' Garnpung; 4. Il-Lag ta' Leaghur; 5. Il-Lag ta' Mungo; 6. Il-Lag ta' Arumpo; 7. Il-Lagi ta' Chibnalwood.

Il-Lagi ta' Willandra ffurmaw matul l-aħħar żewġ miljun sena. Ix-xtut antiki tal-lagi ġew stratifikati fi tliet saffi ewlenin ta' sedimenti li ġew iddepożitati fi stadji differenti tal-istorja tal-lagi.

L-iżjed sedimenti bikrin għandhom iktar minn 50,000 sena u għandhom lewn oranġjo fl-aħmar. Fuqhom hemm it-tafal, ir-ramel nadif tal-kwarz u l-ħamrija li ġew iddepożitati tul it-tarf tal-lagi meta l-lagi kienu mimlijin bl-ilma relattivament ħelu bejn 50,000 u 19,000 sena ilu. Is-saff ta' fuq nett huwa magħmul fil-biċċa l-kbira tiegħu minn partiċelli tat-tafal li ġġarrew mir-riħ u li akkumulaw fuq il-lunetti matul perjodi ta' fluttwazzjonijiet fil-livelli tal-ilma, qabel ma l-lagi nixfu għalkollox.

Il-poplu Aboriġenu kien jgħix fuq ix-xtut tal-Lagi ta' Willandra bejn 35,000 u 40,000 sena ilu. Huwa wieħed mill-eqdem siti magħrufa ta' okkupazzjoni umana fl-Awstralja. Hemm evidenza abbundanti ta' okkupazzjoni Aboriġena tul dawn l-aħħar 10,000 sena.

L-esplorazzjoni Ewropea taż-żona inġenerali tħalliet f'idejn pastoralisti anonimi li segwew l-esploraturi rinomati. Il-Kaptan Charles Sturt huwa dak li kellu l-iktar influwenza biex iqanqal l-interess fiż-żona. Huwa skopra l-partijiet ta' fuq tax-xmara Darling fl-1829 u semmiha għall-Gvernatur Ralph Darling. Huwa reġa' żar iż-żona fl-1844 meta pprova jesplora n-naħa ta' ġewwa tal-kontinent tal-Oċeanja.

Is-servejer George Boyle White esplora x-xmara Darling fl-1833 min-naħa tax-xmara Peel sar-reġkun tal-Forti Bourke u ġie segwit sentejn wara mill-Maġġur Thomas Mitchell, is-Servejer Ġenerali ta' New South Wales, li ried juri jekk ix-xmara Darling kinitx tidħol jew le fix-xmara Murray kif sostna Sturt. Madankollu, Mitchell ma rnexxilux jingwala mal-poplu Aboriġenu, u wara li baqa' sejjer fin-Nofsinhar sal-Għadajjar ta' Laidley ħaseb li jkun aħjar li jirtira qabel xi ħadd mit-tim tiegħu jaqla' xi tir u jinqatel mill-Aboriġeni. Mitchell reġa' mar fiż-żona fl-1836, iżda din id-darba vvjaġġa 'l isfel fuq ix-xmara Murrumbidgee bil-ħsieb li jesplora x-xmara Darling mill-post fejn tiltaqa' max-xmara Murray. Madankollu, sodisfatt li Sturt kellu raġun, baqa' tiela' kontra l-kurrent tax-xmara Darling għal ftit kilometri biss qabel ma xeħet l-attenzjoni tiegħu fuq xi mkien ieħor.

Ftit wara li r-rotta Murrumbidgee/Murray bdiet tintuża sew mir-rgħajja u mill-bdiewa għat-trasport tan-nagħaġ u tal-bhejjem tal-ifrat lejn il-kolonja tan-Nofsinhar tal-Awstralja li kienet ġiet stabbilita fl-1836, okkupanti tal-artijiet li kienu ħerqana li jiksbu artijiet ġodda segwew is-servejers u l-esploraturi tal-gvern u okkupaw reġjuni ġodda. L-ewwel stazzjon pastorali fir-reġjun t'isfel tax-xmara Darling kien dak li ttieħed minn George Hobler fl-1845 fuq ix-xmara Lachlan, u semmieh Paika.

L-insedjament fir-reġjun bejn ix-xmajjar Murrumbidgee u Darling ġie rikonoxxut uffiċjalment fl-4 ta' Diċembru 1847 meta ġie pproklamat id-Distrett Pastorali ta' Darling.

In-navigazzjoni tax-xmara Murray u tat-tributarji tagħha min-Nofsinhar tal-Awstralja kienu jiswew midqlu deheb u wasslu għall-okkupazzjoni pastorali tax-xmara Darling u tar-reġjun ta' wara. Francis Cadell u William Randell kienu pijunieri fin-navigazzjoni tax-xmara fl-1853 u fi żmien sitt xhur mill-ewwel vjaġġ tagħhom fuq ix-xmara Darling, il-valur tal-proprjetajiet ta' max-xmara rdoppjaw.

Inżul ix-xemx fil-Lagi ta' Willandra

L-iżjed okkupazzjoni pastorali bikrija tar-reġjun kienet dik ta' George Lee għat-twellija ta' Turlee fit-28 ta' Frar 1850. L-offerta ta' George Mory għal Boomiaricool ġiet aċċettata f'Diċembru 1853, segwita minn dik ta' James Scott għal Arumpo f'Ottubru 1859. Minħabba kemm kienu remoti dawn iż-żoni u n-nuqqas ta' ilma tal-pjan naturali, il-kundizzjonijiet tal-għajxien kien diffiċli ħafna.

Ir-reġjuni ta' wara x-xmajjar ma setgħux jinħadmu bi qligħ sakemm ma sarx titjib għali fl-istabbiliment ta' ċnut ta' diviżjoni u fil-provvista ta' faċilitajiet tat-tisqija. Il-kostruzzjoni ta' tankijiet u ta' bjar ta' suċċess kien jiswa ħafna flus u kien kemxejn ta' lotterija. F'Gol Gol bejn Marzu 1875 u Settembru 1881, tliet u tmenin xaft ta' prova tħaffru u swew 1,260 pound.

Il-pastoralisti xorta waħda kellhom attitudni ottimista fir-rigward tar-reġjun u kienu konvinti li b'biżżejjed kapital, kienu se jagħmlu l-qligħ. Damu xi ftit biex japprezzaw in-natura fraġli tal-ambjent u li d-distrett ma setax jiflaħ għall-ammont ta' bhejjem inizjali (li ttieħdu iktar lejn il-Lvant) u li l-istaġuni tajbin kienu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.

Il-Kummissjonijiet Irjali fl-1900 malajr fehmu "li kienet ittieħdet viżjoni ottimista żżejjed rigward il-kapaċità tal-pajjiż...Milli jidher, wara bosta snin biss il-pastoralisti fetħu għajnejhom għas-sogri serji li kienu qed jieħdu meta kienu qed iħallu l-bhejjem tagħhom jieklu l-arbuxxelli li jittieklu, bil-ħsieb li kienu se jerġgħu jikbru b'abbundanza wara kull darba li tinżel ix-xita".

F'ħafna każijiet ir-ragħa żejda ma kinitx ippjanata iżda kienet ir-riżultat ta' xita mistennija li ma niżlitx. It-trasport tal-bhejjem f'inħawi oħra kif ifisser telf ta' qligħ u possibbilment żieda fl-ispejjeż. Bosta pastoralisti nqabdu fuq sieq waħda b'dan il-mod, iżda ħafna oħrajn kienu jkunu għassa għal kif setgħu jagħmlu qligħ ta' malajr. J.H. Patterson li ħa f'idejh lil Gol Gol fl-1875, bigħha fl-1882, iżda ġie mġiegħel jerġa' jeħodha fl-1886 wara li Everitt u White sfaw irvinati.

Ir-remotezza kienet tfisser li t-trasport tal-provvisti u tas-suf minn stazzjon għall-ieħor kien għali. Spiss kien diffiċli li wieħed jikseb il-provvisti peress li t-trasportaturi xi kultant ma kinux jittrasportaw il-provvisti lejn l-istazzjonijiet l-iktar remoti. Barra minn hekk, il-bhejjem spiss kellhom jintbagħtu lejn is-suq iktar milli jinbigħu fl-istazzjon.

Il-fniek komplu jiggravaw il-problemi tal-pastoralisti. Kienu jikkompetu direttament man-nagħaġ fl-ambjent fraġli. Il-gvern għaraf il-problema u fl-1883 għadda l-Att dwar il-Fastidju tal-Fniek li, fost affarijiet oħra, offra bonusijiet lin-nassaba professjonali għal kull fenek maqtul. Sat-tixrid tal-miksomatożi fis-snin 50 tas-seklu 20, il-gwerra kontra l-fniek kienet parti mill-ħajja aċċettata fl-istazzjonijiet tar-reġjun.

Impjant tal-ġeżż

Spiss il-pastoralisti kienu jilmentaw minħabba n-nuqqas ta' xogħol adegwat għall-istazzjonijiet remoti tagħhom. Il-popolazzjoni Aboriġena saret parti importanti mill-industrija pastorali meta kien hemm in-nuqqas ta' forza tax-xogħol fis-snin 60 tas-seklu 19. Madankollu, bl-użu estensiv tad-diviżjoni tal-artijiet bil-wajer f'nofs is-snin 70 tas-seklu 19 u bl-użu ta' ċnut għall-bhejjem, ma kienx hemm bżonn iktar tar-rgħajja Aboriġeni. Bla dubju li ċ-Ċiniżi ħadmu fid-distrett għalkemm ma tantx hemm evidenza ta' dan. Waħda mill-ftit referenzi hija dik ta' Ah Tin li ġie impjegat għat-tħaffir ta' bir fl-Istazzjon ta' Gol Gol. Sal-1883 kien hemm kamp f'Narrandera bi 303 Ċiniżi li fittxew għal xogħol.

Matul is-snin 90 tas-seklu 19, il-problemi tan-nixfa, tal-fniek, tar-remotezza u tan-nuqqas ta' xogħol iggravaw minħabba r-reċessjoni tal-Awstralja kollha. Il-pastoralisti l-iktar makakki u b'sigurtà finanzjarja biss irnexxielhom ikampaw. In-nixfa baqgħet għaddejja mill-1895 sal-1903.

Il-Kummissarji Rjali tal-1901 ħarsu b'simpatija lejn il-pastoralisti tad-Diviżjoni tal-Punent u rrakkomandaw trattament ugwali mill-Gvern. Kważi mill-ewwel tfasslet leġiżlazzjoni ġdida u fi żmien tliet xhur mill-approvazzjoni tar-rapport dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida, il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1901. Il-Bord tal-Artijiet tal-Punent ingħata l-kontroll tad-Diviżjoni tal-Punent u r-responsabbiltà li jifformula iktar politiki u kundizzjonijiet xierqa għall-Punent. It-twellijiet ġew estiżi wkoll għal tnejn u erbgħin sena oħra u b'hekk dan wassal għal iktar sigurtà. Il-leġiżlazzjoni tal-1901 irregolat il-pastoraliżmu fir-reġjun matul is-seklu 20.

It-teknoloġija ġabet magħha bidla kbira fid-distrett kollu. Waħda mill-ewwel bidliet li kellha impatt kienet l-introduzzjoni tal-ġeżż mekkaniku tan-nagħaġ. Għaxar makkinarji ġew introdotti f'Gol Gol u f'Mungo u kellhom l-effett immedjat tal-ħtieġa għal iktar makkinarji. Teknoloġija oħra kienet tinkludi l-ammont ta' xogħol imwettaq minn tagħmir mekkaniku bħat-tratturi. It-telefon ġie introdott fl-1924 biex jikkollega lil Arumpo, Pan Ban u Mulurulu u naqqas ferm is-sens ta' iżolament fir-reġjun.

Bidla sinifikanti wara l-Ewwel Gwerra Dinjija kienet il-ħidma ta' sidien-okkupanti f'stazzjonijiet żgħar minflok maniġers bi twellija kbira. Il-ħajja kienet iebsa ħafna għal dawn il-lokatarji ġodda għaliex sabuha diffiċli li jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa. Ewan u Nagus Cameron li ħadu l-istazzjon ta' Mungo kellhom xortihom tajba għaliex akkwistaw binja rurali residenzjali, impjant tal-ġeżż u binjiet oħra fit-twellija tagħhom. Oħrajn kellhom jibnu dan kollu għas-spejjeż tagħhom.

Iż-żieda fl-għadd ta' familji fir-reġjun kienet tfisser li beda jkun hemm ftit iktar interazzjoni soċjali milli kien hemm deċennji qabel. Albert Barnes beda l-Mungo Gymkhana li wara tliet snin ġiet stabbilita fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-lag tal-istazzjon ta' Joulni.

Iż-żieda fl-użu tal-vetturi bil-mutur matul is-snin 30 tas-seklu 20 kienet tfisser li l-ivvjaġġar fir-reġjun kollu beda jsir b'mod iktar rapidu. Matul dan iż-żmien, il-ministri tar-reliġjon bdew iżuru r-reġjun b'mod regolari. Impatt kbir fuq ir-reġjun kien l-iżvilupp ta' Mildura li pprovda servizzi bħal sptar u kura medika.[3]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tar-Reġjun tal-Lagi ta' Willandra li turi l-konfini taż-żona ta' lqugħ tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Lagi ta' Willandra jinsabu fil-Lbiċ ta' New South Wales. Is-sistema tal-lagi, fdal tas-sistema ta' drenaġġ tax-xmara Lachlan, bejn wieħed u ieħor hija twila 150 kilometru u wiesgħa 40 kilometru f'direzzjoni ġeneralment mit-Tramuntana għan-Nofsinhar mil-Lag ta' Mulurulu fit-Tramuntana għal-Lag ta' Prungle fin-Nofsinhar. L-erja hija ta' madwar 600,000 ettaru. B'mod parallel max-xtut tal-Lvant, hemm għaram tar-ramel abjad u tat-tafal li jlaħħqu l-40 metru 'l fuq mill-pjanura, filwaqt li trinek fondi tħaffru fid-depożiti tax-xatt tal-lagi. Il-pajsaġġ madwar is-sistema ta' lagi huwa mimli formazzjonijiet baxxi paralleli ta' ramel aħmar fin.

Il-Lag ta' Mungo, l-iżjed lag magħruf fiż-żona, jinsab fiċ-ċentru tas-sistema tal-Lagi ta' Willandra, madwar 100 kilometru fil-Grigal ta' Mildura.

Veġetazzjoni u Karatteristiċi Ġeomorfoloġiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-baċiri tal-lagi nexfin isostnu komunitajiet ta' arbuxxelli linjotuberi tal-ewkaliptu u salmastri, filwaqt li l-għaram tar-ramel xi kultant ma jkollhomx veġetazzjoni, jew inkella jsostnu komunitajiet ta' linjotuberi jew ta' ħaxix xewki.

Iż-żona hija rappreżentattiva tal-lunetti jew tal-baċiri tal-lagi nexfin tax-Xlokk tal-Awstralja, b'għaram iffurmati bir-riħ fuq il-marġnijiet tal-Lvant tagħhom u b'artijiet ċatti li qabel kienu l-baċiri tal-lagi. Lunetta hija baċir bl-għaram b'għamla ta' nofs qamar li spiss tinsab fil-marġni tal-Lvant tal-baċiri tal-lagi baxxi fil-Lvant tal-Awstralja, u tiżviluppa bl-influwenza tar-riħ dominanti mill-Punent. Il-lunetti jipprovdu ż-żona b'kwalità xenika speċjali. L-għaram stabilizzati, b'għamla ta' nofs qamar fit-tarf tal-lagi, u fejn kien hemm l-effetti tal-erożjoni, it-trinek fondi, ħolqu minjatura ta' kanjons kbar tassew sbieħ, bħal dawk imlaqqma l-Ħitan taċ-Ċina, fejn ġew esposti s-saffi b'diversi kuluri tal-lunetta tal-Lag ta' Mungo.

Idroloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Lagi ta' Willandra huma passaġġ tal-ilma mimli fossili li żviluppa matul l-era ġeoloġika tal-Plejstoċen meta l-klima kienet iktar kiesħa u mxarrba b'mod konsiderevoli milli hi llum il-ġurnata. Tletin elf sena ilu, ix-xmara Lachlan kienet xmara ferm ikbar milli hi llum. Kienet maqsuma f'erba' jew f'ħames kanali maġġuri, li ffurmaw lagi kbar fl-għaram tar-ramel fil-Punent ta' Hillston. Dawn il-lagi kbar kienu mimlijin bl-ilma u kienu jkopru 1,088 kilometru kwadru, iżda issa jkollhom l-ilma biss wara xi maltempata jew għargħar f'daqqa.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona tal-Lagi ta' Willandra hija semiarida, b'bejn wieħed u ieħor 250 mm ta' xita fis-sena.[4]

Fawna[immodifika | immodifika s-sors]

Attwalment ġew irreġistrati għoxrin speċi ta' mammiferi fir-reġjun tal-Lagi ta' Willandra, u l-iżjed grupp fosthom b'diversità huwa dak tal-friefet il-lejl. Hemm ukoll xi 40 speċi ta' rettili u ta' anfibji. Ġew irreġistrati wkoll 137 speċi ta' għasafar, fosthom pappagalli, cockatoos u sponsuni.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Dragun tad-daqna, wieħed mill-bosta rettili fil-Lagi ta' Willandra

Ir-Reġjun tal-Lagi ta' Willandra ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981 bħala sit imħallat, jiġifieri bħala sit kulturali kif ukoll naturali.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Wirt Statali ta' New South Wales[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa bil-konfini tal-Lagi ta' Willandra bħala Wirt Statali ta' New South Wales.

Il-Lagi ta' Willandra ġew elenkati fir-Reġistru tal-Wirt Statali ta' New South Wales fit-2 ta' April 1999. Ir-reġistru arkeoloġiku tal-Lagi ta' Willandra juru li kien hemm okkupazzjoni umana kontinwa għal mill-inqas 40,000 sena. Ir-reġjun kien parti mill-istorja tal-esplorazzjoni fuq ġewwa tal-kontinent (l-ispedizzjoni ta' Burke u ta' Wills) u mill-iżvilupp tal-industrija pastorali fil-Punent ta' New South Wales. Iż-żona fiha relitti ta' sistema ta' lagi, fejn is-sedimenti, il-ġeomorfoloġija u l-ħamrija fihom reġistru straordinarju tal-pajsaġġ ta' altitudni baxxa u mhux glaċjali tal-Plejstoċen. Iż-żona fiha eżempji straordinarji ta' lunetti, fosthom il-Lunetta ta' Chibnalwood, l-ikbar lunetta tat-tafal fid-dinja.

L-għajxien fiż-żona joffri l-opportunità li wieħed jesperjenza l-ħruxija naturali u s-sbuħija tan-natura fl-istaġuni kollha. Il-poplu Aboriġenu affiljat b'mod tradizzjonali mal-Lagi ta' Willandra jidentifikaw lilhom infushom ma' din l-art bi kburija. Il-familji tas-sidien tal-art u tal-produtturi primarji taż-żona għandhom rabtiet mal-insedjament Ewropew tar-reġjun. Ir-remotezza taż-żona toħloq sens ta' komunità fejn il-ġirien jappoġġaw lil xulxin meta jkollhom bżonn, iżda fl-istess ħin l-iżolament jippromwovi l-awtosuffiċjenza. Ir-reġjun fih reġistru arkeoloġiku tal-Plejstoċen ta' valur straordinarju għall-preistorja dinjija u huwa sinifikanti għall-fehim tal-iżvilupp kulturali bikri f'dan ir-reġjun. Fiż-żona hemm is-sit tal-iskoperta tal-Eskursjoni Ġeomanjetika ta' Mungo, waħda mill-iżjed bidliet maġġuri reċenti fil-kamp manjetiku tad-Dinja. Iż-żona tħaddan tagħrif marbut mal-evoluzzjoni tal-klimi u tal-ambjenti fix-Xlokk tal-Awstralja. Hija importanti wkoll fil-fehim tal-inverżjoni tal-kamp manjetiku tad-Dinja.

Films[immodifika | immodifika s-sors]

  • 2003 – Journey of Man

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Willandra Lakes Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.
  2. ^ ""Determination regarding including World Heritage places in the National Heritage List" (PDF). Special government gazette (PDF). Department of the Environment and Water Resources, Commonwealth of Australia" (PDF).
  3. ^ Donavon & Associates 16-48.
  4. ^ Moore, D (1977). National Trust Classification Card – Willandra Lakes System.