Aqbeż għall-kontentut

Kungress Ewkaristiku 1913

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

L-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali tal-1913 kien sar Malta. Dan kien wieħed mill-akbar jew mhux l-akbar laqgħa internazzjonali li qatt saret Malta, u għamel l-isem ta' Malta magħruf mad-dinja kollha Kattolika. Il-Kungress kien mifrux fuq ħafna ġranet u madwar Malta u Għawdex kollha u laħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar ġimgħa ta' April. Kienu ġew ħafna kardinali u dinjitarji oħra, b'kollox madwar 3,000. Kienet okkażjoni li għamlet unur lill-poplu Malti u li fiha l-Maltin pparteċipaw bi ħġarhom.

Il-Kungress Ewkaristiċi huma laqgħat kbar tal-Kattoliċi biex jippromwovu d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija mad-dinja kollha. Għall-Kattoliċi il-preżenza reali ta' Ġesù Kristu fl-Ewkaristija hija waħda mid-dommi ewlenin tagħhom għax hija l-iktar teżor prezzjuż li Kristu ħalla lill-Knisja tiegħu. Ħafna jagħtu mertu lil dawn il-Kungressi għal kemm żdied it-tqarbin ta' kuljum f'ħafna pajjiżi.

Id-Delegat tal-Papa

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kardinal Domenico Ferrata, Delegat tal-Papa, wasal fuq il-vapur tan-Navy Ingliża, il-Hussar fl-4pm tat-22 ta' April 1913. Dakinhar eluf ta' nies ħonqu l-Belt. Ferrata miet sena wara li kien ġie Malta fl-età ta' 67 sena, ftit ġranet wara li l-Papa Benedittu XV kien ħatru Segretarju tal-Istat.

Id-Duka u d-Dukessa ta' Norfolk

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Duka u d-Dukessa ta' Norfolk waslu Malta mal-Kardinal Bourne fuq il-vapur Franċiż Carthage. Huwa kien milqut mill-ospitalità tal-Maltin. Henry Fitzalan-Howard kien magħruf għall-filantropija kbira tiegħu. Huwa miet erba' snin wara li ġie Malta li kellu xewqa kbira li jżurha.

It-Tberik tal-Port

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-26 ta' April saret ċerimonja tat-tberik tal-Port mill-Isqof Thomas Heylen, President tal-Kumitat tal-Kungressi. Għalih tħejjiet tribuna fil-Barrakka ta' Fuq. Kien hemm mijiet ta' dgħajjes b'eluf ta' Maltin fihom u n-nies tal-Kottonera laqgħu l-barka għarkupptejhom.

Innu Ewkaristiku (T’Adoriam Ostia Divina)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fost il-bosta innijiet reliġjużi li kiteb Dun Karm, wieħed li sar popolari anke barra minn Malta kien: “T’Adoriam Ostia Divina” jew “Nadurawk ja Ħobż tas-Sema”. Is-Surmast Ġużeppi Caruana kien talbu jikteb innu għall-okkażjoni ta' dan il-Kungress Ewkaristiku tal-1913. L-innu tant intgħoġob mill-isqfijiet preżenti għall-Kungress li ħaduh magħhom u xerrduh mad-dinja kollha, tant li llum dan l-innu huwa maqlub f’diversi lingwi. Inqaleb għall-Malti mill-istess poeta fl-1924.

L-Istatwa ta' Kristu Re

[immodifika | immodifika s-sors]

Eventwalment, bħala tifkira, kienet saret l-istatwa maestuża ta' Kristu Re tal-iskultur Malti ta' fama internazzjonali, Antonio Sciortino. Din inkixfet fis-17 ta' Diċembru 1917 fil-Furjana. F'riġel Kristu Re hemm figura femminili li tirrapreżenta lil Malta.