Aqbeż għall-kontentut

Kumpless tal-Oqbra ta' Koguryo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Qabar tar-Re Tongmyong.

Il-Kumpless tal-Oqbra ta' Koguryo (jew ta' Goguryeo) (bil-Korean: 고구려 고분군) fih għadd ta' oqbra li f'Lulju 2004 tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji fil-Korea ta' Fuq.[1] Is-sit jikkonsisti minn 30 qabar individwali mill-aħħar renju ta' Goguryeo, wieħed mit-Tliet Renji tal-Korea, li jinsabu fil-bliet ta' P'yŏngyang u ta' Namp'o.[2] Ir-Renju ta' Goguryeo kien wieħed mill-iżjed renji Koreani setgħana tal-qedem fit-Tramuntana u fil-partijiet ċentrali tal-Peniżola Koreana u fin-Nofsinhar u fil-partijiet ċentrali tal-Manċurja.[3][4][5][6][7] Ir-renju ġie stabbilit fl-inħawi li llum il-ġurnata jagħmlu parti mill-Korea ta' Fuq, u parti mill-Manċurja għall-ħabta tas-37 Q.K., u li belt kapitali ġiet ittrasferita lejn P'yŏngyang fl-427 W.K.

Ħafna mill-oqbra, bħall-Qabar Nru 3 ta' Anak, fihom l-affreski mal-ħitan tagħhom. L-oqbra huma kważi dak kollu li fadal mill-kultura ta' Goguryeo. B'kollox hemm iktar minn 10,000 qabar tar-Renju ta' Goguryeo, iżda madwar 90 biss mill-oqbra skavati fiċ-Ċina u fil-Korea fihom l-affreski mal-ħitan. Il-Kumpless tal-Oqbra ta' Koguryo li tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fih il-maġġoranza ta' dawn l-oqbra bl-affreski. Huwa maħsub li l-kumpless kien jintuża bħala post tad-dfin għar-rejiet, għall-irġejjen u għal membri oħra tal-familja rjali. Il-pitturi li nstabu fl-oqbra joffru ħjiel uniku fil-ħajja ta' kuljum fi żmien ir-Renju ta' Goguryeo. Il-kumpless jinkludi l-Qabar tar-Re Tongmyong.

L-affreski fihom bosta kuluri u juru l-ħajja ta' kuljum u l-mitoloġija ta' dak iż-żmien. Sal-2005 instabu 70 affresk, l-iktar fil-baċir tax-xmara Taedong qrib Pyongyang, fl-inħawi ta' Anak fil-provinċja tan-Nofsinhar ta' Hwanghae, u fil-provinċja ta' Jilin f'Ji'an fiċ-Ċina.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless tal-Oqbra ta' Koguryo tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

L-affreski mal-ħitan tal-oqbra huma kapulavuri ta' żmien ir-Renju ta' Goguryeo. L-oqbra stess jirriflettu l-kapaċitajiet inġenjużi tal-inġinerija ta' dak iż-żmien. Is-sit jagħti ħjiel uniku tal-kultura ta' Goguryeo, kemm tal-ħajja ta' kuljum kif ukoll tat-tradizzjonijiet funebri. L-oqbra tar-Renju ta' Goguryeo huma eżempju importanti tat-tipoloġija ta' tradizzjonijiet funebri ta' dak iż-żmien.[1]

F'Mejju 2006, 2,360 qabar individwali ġew skoperti fis-sit tar-Renju ta' Goguryeo tal-qedem matul xi xogħlijiet fil-Ġibjun ta' Yunfeng. Ġew skoperti wkoll il-fdalijiet ta' belt antika. Fost il-fdalijiet kien hemm swar tal-belt għoljin 1.5 metru u wesgħin 4 metri. Instabet ukoll evidenza li tissuġġerixxi l-preżenza ta' ħandaq. Xi tużżana oqbra nstabu fi ħdan din il-belt.

  1. ^ a b ċ d "Complex of Koguryo Tombs - UNESCO".
  2. ^ "日本の古墳壁画に影響を与えた!?北朝鮮初の世界遺産「高句麗古墳群」 - 北朝鮮ニュース | KWT". web.archive.org. 2021-01-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-01-29. Miġbur 2025-01-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Koguryo (ancient kingdom, Korea) -- Encyclopedia Britannica". web.archive.org. 2013-10-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-10-27. Miġbur 2025-01-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Barnes, Gina (2013). State Formation in Korea: Emerging Elites.
  5. ^ Byington, Mark (2016). The History and Archaeology of the Koguryo Kingdom.
  6. ^ Li, Narangoa; Cribb, Robert (2014). Historical Atlas of Northeast Asia.
  7. ^ Gardiner, Kenneth (1964). The origin and rise of the Korean kingdom of Koguryo, from the 1st century to A.D. 313 (PhD). L-Università ta' Londra.