Kladruby nad Labem
Kladruby nad Labem | |||
---|---|---|---|
Repubblika Ċeka | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Repubblika Ċeka | ||
Regions of the Czech Republic | Reġjun ta' Pardubice | ||
District of the Czech Republic | Distrett ta' Pardubice | ||
Isem uffiċjali | Kladruby nad Labem | ||
Kodiċi postali |
533 14, 533 16u 535 01 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 50°03′29″N 15°29′13″E / 50.058°N 15.487°EKoordinati: 50°03′29″N 15°29′13″E / 50.058°N 15.487°E | ||
Superfiċjenti | 23.81481 kilometru kwadru | ||
Għoli | 206 m | ||
Fruntieri ma' | Žiželice (en) , Klamoš (en) , Chlumec nad Cidlinou (en) , Trnávka (en) , Selmice (en) , Semín (en) , Újezd u Přelouče (en) , Strašov (en) , Řečany nad Labem (en) , Hlavečník (en) u Tetov (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 689 abitanti (1 Jannar 2024) | ||
kladrubynadlabem.cz |
Kladruby nad Labem (jew fil-qosor Kladruby) huwa villaġġ u muniċipalità fir-Reġjun ta’ Pardubice fir-Repubblika Ċeka, li jinsab madwar sitt kilometri fil-Majjistral ta’ Přelouč jew 22 km fil-Punent ta’ Pardubice, b’popolazzjoni ta’ madwar 600 ruħ.[1] Fl-2019 dan il-villaġġ tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]
Partijiet amministrattivi
[immodifika | immodifika s-sors]Kladruby nad Labem huwa magħmul minn tliet villaġġi oħra li huma partijiet amministrattivi tiegħu: Bílé Vchynice, Kolesa u Komárov.[4]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kladruby nad Labem issemma għall-ewwel darba fl-1295 bħala l-proprjetà tal-monasteru Premonstratensjan f’Litomyšl. Isem il-villaġġ x’aktarx li ġej mill-ewwel użu tiegħu li kien il-qtugħ tas-siġar għall-injam (biċ-Ċek klady rubaji).[5]
Kladruby kellu l-kundizzjonijiet ideali għat-tnissil taż-żwiemel, bis-saħħa tal-mergħat kbar tal-madwar li huma r-riżultat ta’ snin sħaħ ta’ qtugħ tas-siġar mill-foresti. Matul it-tieni nofs tas-seklu 14, sar parti mill-proprjetà tal-Abbazija Ċisterċensi ta’ Sedlec ħdejn Kutná Hora. Fi żmien Karlu IV, il-villaġġ ta’ ħassada tal-injam, nissiela taż-żwiemel u kummerċjanti, amministrat mill-monasteri għadda minn perjodu ta’ ġid u ġew stabbiliti presbiterju u knisja. Il-ħassada gradwalment saru proprjetarji sinjuruni tal-artijiet, u l-istemma araldika tagħhom mill-bidu tas-seklu 15 kienet turi nagħla. Minkejja dan, il-perjodu ta’ ġdid ġie fi tmiemu meta kemm il-presbiterju kif ukoll il-knisja nqerdu matul il-Gwerer Ħussiti.
Fl-1500, il-villaġġ sar proprjetà ta’ William II tal-familja Pernštejn, li diġà kien is-sid ta’ partijiet kbar tar-reġjun ta’ Pardubice. Il-familja Pernštejn żammet it-tradizzjoni lokali tat-tnissil taż-żwiemel u stabbiliet santwarju taż-żwiemel skont kif ġie ddokumentat fl-1522, fejn iż-żwiemel li kienu jitnisslu kienu nofshom selvaġġi, jiġifieri mhux imnisslin minn żwiemel immansati għalkollox. L-istorja tar-razez Spanjoli u Taljani antiki taż-żwiemel f’Kladruby li għadha teżisti sa llum bdiet fl-1552, meta Jaroslav tal-familja Pernštejn, biex iżomm mad-drawwa ta’ żminijietu, ġab l-ewwel żwiemel tar-razza Spanjoli fis-santwarju.[6] Kladruby baqa’ jappartjeni għall-familja Pernštejn sal-1560, meta nxtara mill-Imperatur Ferdinandu I tal-Imperu Ruman Sagru minn Jaroslav tal-familja Pernštejn li kien jeħodlu ħsieb iż-żwiemel tiegħu. Is-sena 1579 hija sena importanti għal Kladruby għaliex fiha, permezz tad-digriet tal-Imperatur Rodolfu II, ġiet stabbilita l-Iskuderija Imperjali tat-Tnissil taż-Żwiemel fis-santwarju, li minnha kienu jitnisslu ż-żwiemel għal skopijiet ċerimonjali miż-żwiemel tar-razza Spanjoli.[7]
Wara l-waqgħa tal-monarkija Awstro-Ungarika fl-1918, l-iskuderija tat-tnissil taż-żwiemel f’Kladruby spiċċat taħt l-amministrazzjoni tal-istat.[6][7]
Tnissil taż-żwiemel
[immodifika | immodifika s-sors]Kladruby nad Labem huwa rinomat bħala l-post minn fejn jitnisslu ż-żwiemel tar-razza Kladruber.
Madwar 250 żiemel abjad tar-razza Kladruber jitnisslu fl-unika skuderija nazzjonali tat-tnissil taż-żwiemel taċ-Ċekja li tinsab f’Kladruby nad Labem. Iż-żwiemel suwed tar-razza Kladruber jitnisslu fi stalel sekondarji fil-qrib fi Slatinany. L-ewwel dokumentazzjoni dwar iż-żwiemel tar-razza Kladruby tmur lura għas-seklu 12. Dak iż-żmien, iż-żwiemel kienu jitnisslu f’kompartiment magħluq fil-beraħ u mhux fi stalel. Wara li Enriku tal-familja Pernštejn kien imġiegħel ibigħ il-proprjetà tiegħu biex iħallas għad-dejn li kellu, dawn saru proprjetà tal-Imperatur Massimiljanu II tal-Asburgi, u mbagħad fl-1579 l-Imperatur Rodolfu II stabbilixxa l-Iskuderija Imperjali tat-Tnissil taż-Żwiemel bi stalel minflok il-kompartiment magħluq fil-beraħ.[5]
Iż-żwiemel tar-razza Kladruber oriġinarjament kienu jitnisslu f’diversi kuluri iżda llum baqa’ biss żewġ varjetajiet. Iż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber kienu jintużaw b’mod predominanti għall-ħtiġijiet imperjali ċerimonjali, filwaqt li ż-żwiemel is-suwed tar-razza Kladruber kienu jitnisslu primarjament għad-dinjitarji tal-knisja.
L-Iskuderija tat-Tnissil taż-Żwiemel ta’ Kladruby effettivament hija magħmula minn tliet faċilitajiet. L-ikbar faċilità, tinsab proprju f’Kladruby nad Labem, bl-istalel tal-istalluni tat-tnissil, tad-debbiet tat-tnissil bil-moħrien tagħhom, u taż-żwiemel ta’ età żgħira. It-tieni faċilità hija dik tal-istalel ta’ Josefov, xi nofs kilometru ’l bogħod, fejn joqogħdu d-debbiet mingħajr moħrien jew li jkunu għadhom fl-ewwel stadji tal-ġestazzjoni (it-tqala) tagħhom. It-tielet faċilità hija dik tal-istalel ta’ Frantiskov, fejn joqogħdu l-moħrien miftuma f’Selmice, li hija kkollegata mal-binja ewlenija tal-iskuderija tat-tnissil taż-żwiemel bi triq twila 3.5 km bis-siġar tax-xkomp fuq iż-żewġ naħat tagħha. L-iskuderija tat-tnissil taż-żwiemel ta’ Kladruby tinkludi xi 1,200 ettaru ta’ artijiet ċatti, fosthom għelieqi, imraġ, mergħat, park Ingliż u foresta.[4]
Malli jagħlqu tliet snin, il-moħrien jiġu mħarrġa f’Kladruby għalkemm l-istalel tagħhom jinsabu fi Frantiskov. Dawn jirċievu taħriġ għal 11-il xahar fejn primarjament jidraw l-użu tas-sruġ u tat-testieri (xedd ir-ras taż-żwiemel) bil-brilja u bir-riedni. L-ewwel darba li żiemel ta’ età żgħira jitlibbes is-sarġ u t-testiera bil-brilja u bir-riedni, dejjem ikun akkumpanjat minn żiemel ta’ età ikbar li jagħmilha tal-għalliem tiegħu. Fl-aħħar tat-taħriġ jitwettqu testijiet tal-prestazzjoni u ż-żwiemel iridu juru li draw jintrikbu bis-sarġ u bit-testiera bil-brilja u bir-riedni.
Iż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber ikollhom sfumaturi ta’ abjad li jvarjaw. Dan għaliex bħaż-żwiemel tar-razza Lipazzaner, iż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber maż-żmien isiru gradwalment iktar bojod. Il-perjodu tal-ġestazzjoni tad-debbiet idum 11-il xahar u 90 % tat-twelid iseħħ billejl. Il-moħrien miż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber meta jitwieldu jkunu kannella skur jew suwed u mbagħad gradwalment isiru bojod iktar ma jikbru, u jsiru bojod għalkollox meta jkollhom bejn tmien snin u għaxar snin.[5]
L-istalel taż-żwiemel tal-kompetizzjoni jieħdu ħsiebhom l-istudenti tal-Iskola Sekondarja tat-Tnissil u tal-Irkib taż-Żwiemel ta’ Kladruby bħala parti mill-istudji prattiċi tagħhom. L-istalel tal-istalluni u tad-debbiet bojod tar-razza Kladruber huma maqsuma skont l-linji tar-razza tagħkom, fosthom il-linji Generale, Generalissimo, Favory, Sacramoso u Rudolfo. Il-linja tar-razza magħrufa sew ta’ Napoleone m’għadhiex teżisti. Maġenb l-istalel taż-żwiemel tal-kompetizzjoni hemm ukoll sala interna tal-irkib taż-żwiemel b’art apposta miksija minn ramel tal-ħġieġ u ġeotessuti li tippermetti li ż-żwiemel jitħarrġu s-sena kollha, ikun xi jkun it-temp barra.[5]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-6 ta’ Lulju 2019, il-Pajsaġġ għat-Tnissil u għat-Taħriġ taż-Żwiemel tal-Karozzini Ċerimonjali f’Kladruby nad Labem ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[8]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, u l-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”.[8]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Kladruby nad Labem (bl-Ingliż). 2021-01-22. Miġbur 2021-04-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Two new UNESCO World Heritage Sites named in the Czech Republic". news.expats.cz (bl-Ingliż). 2019-07-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-12-26. Miġbur 2021-04-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-01.
- ^ a b "Obec Kladruby nad Labem - Oficiální stránky obce Kladruby nad Labem". www.kladrubynadlabem.cz. Miġbur 2021-04-01.
- ^ a b ċ d Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 164–167. ISBN 978-80-7339-067-9.
- ^ a b "Historie obcí - Oficiální stránky obce Kladruby nad Labem". www.kladrubynadlabem.cz. Miġbur 2021-04-01.
- ^ a b "Kladruby National Stud - breeding unique Old Kladruber horses for over 400 years". Radio Prague International (bl-Ingliż). 2006-07-12. Miġbur 2021-04-01.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Landscape for Breeding and Training of Ceremonial Carriage Horses at Kladruby nad Labem". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-01.