Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' Kuressaare

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Kuressaare fix-xitwa.

Il-Kastell ta' Kuressaare (bl-Estonjan: Kuressaare linnus; bil-Ġermaniż: Schloss Arensburg), magħruf ukoll bħala l-Kastell Episkopali ta' Kuressaare (bl-Estonjan: Kuressaare piiskopilinnus), huwa kastell f'Kuressaare fil-gżira ta' Saaremaa, fil-Punent tal-Estonja.

L-iżjed tismija bikrija rreġistrata tal-Kastell ta' Kuressaare tmur lura għas-snin 80 tas-seklu 14, meta l-Ordni Tewtonika bdiet il-kostruzzjoni tiegħu għall-isqfijiet ta' Ösel-Wieck.[1] Xi sorsi jsostnu li l-ewwel kastell inbena bl-injam.[2][3] Filwaqt li l-abitanti ta' Saaremaa wettqu reżistenza soda kontra l-isforzi barranin ta' Kristjanizzazzjoni, bla dubju l-kastell inbena bħala sforz usa' mill-ġellieda tal-Kruċjati biex jiksbu l-kontroll tal-gżira. Mill-bidu nett, il-kastell kien fortizza tal-isqof ta' Saare-Lääne (bil-Ġermaniż: Ösel-Wiek) u baqa' wieħed mill-iżjed kastelli importanti tal-Veskovat sax-xoljiment tiegħu matul il-Gwerra Livonjana.[4]

A plan of Kuressaare castle and fortress in 1710.
Pjanta tal-Kastell ta' Kuressaare u tal-fortifikazzjonijiet tiegħu fl-1710.

Fl-1559, id-Danimarka u n-Norveġja flimkien ħatfu l-kontroll ta' Saaremaa u tal-Kastell ta' Kuressaare. Matul dan iż-żmien, il-fortifikazzjonijiet ġew immodernizzati. Wara t-Trattat ta' Paċi ta' Brömsebro, li temm il-gwerra tal-1643-1645 bejn l-Iżvezja, id-Danimarka u n-Norveġja, Saaremaa għaddiet f'idejn l-Iżvediżi. L-Iżvediżi komplew bl-immodernizzar tal-fortizza sal-1706. Wara l-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, Saaremaa u l-Kastell ta' Kuressaare saru parti mill-Imperu Russu.

Meta l-fruntieri tal-Imperu Russu gradwalment tressqu iktar lejn il-Punent, il-Kastell ta' Kuressaare tilef il-valur strateġiku tiegħu. Speċjalment wara l-Gwerra Finlandiża u t-Tielet Diviżjoni tal-Polonja, l-enfasi militari twarrbet mill-Estonja. Fl-1836, wara l-kostruzzjoni tal-fortizza ta' Bomarsund f'Åland, il-gwarniġjon Russu fil-Kastell ta' Kuressaare rtira. Il-fatt li l-Kastell ta' Kuressaare ma ntużax mill-armati li ġġieldu l-Gwerra tal-Krimea huwa indikattiv ukoll ta' kemm kien tilef l-importanza strateġika tiegħu. Fis-seklu 19, il-kastell intuża bħala binja għall-foqra.

Fl-1904–1912, il-kastell ġie rrestawrat mill-arkitetti Karl Rudolf Hermann Seuberlich u Wilhelm Neumann.

Fl-1941, il-kastell intuża bħala fortizza fl-okkupazzjoni tal-forzi Sovjetiċi, li ġustizzjaw 90 persuna ċivili fil-bitħa tal-kastell. L-invażjoni u l-okkupazzjoni Nażista sussegwenti wasslet għall-qtil ta' 300 persuna fl-artijiet tal-kastell.[5][6][7][8]

Il-kastell sarlu restawr ieħor fl-1968, din id-darba mmexxi mill-arkitett Kalvi Aluve.[9]

Illum il-ġurnata, il-kastell jospita l-Mużew ta' Saaremaa.

The northern bastion at Kuressaare castle.
Il-bastjun tat-Tramuntana.

Il-Kastell ta' Kuressaare jitqies bħala waħda mill-aqwa fortifikazzjonijiet Medjevali ppreservati fl-Estonja.

Il-kastell għandu stil Gotiku aħħari u huwa kkaratterizzat mis-sempliċità tal-għamla tiegħu. Il-binja ċentrali tiegħu, hekk imsejħa bħala l-binja tal-kunvent, hija binja kwadra madwar bitħa ċentrali. L-hekk imsejjaħ torri tad-difiża, fil-kantuniera tat-Tramuntana, huwa għoli 37 metru (121 pied). Gallerija tad-difiża bis-swar tul in-naħa ta' fuq tal-binja ġiet irrestawrata fis-snin 80 tas-seklu 20. Id-daħla bil-grilja u sistemi ta' difiża oħrajn huma rikostruzzjonijiet. Fuq ġewwa, il-kastell huwa maqsum f'kantina li kienet tintuża bħala maħżen u mgħammar b'sistema sofistikata tat-tisħin, u s-sular prinċipali, li kien jospita l-iżjed kmamar importanti tal-kastell. Hemmhekk hemm kjostru madwar il-bitħa li jikkollega l-kmamar prinċipali kollha. L-iktar notevoli fosthom huma r-refettorju, id-dormitorju, il-kappella u l-kwartieri residenzjali tal-isqof. F'dawn tal-aħħar, hemm imnaqqxa ħdax-il epitaffju Barokk tan-nobbli minn Saaremaa.[10]

Fl-aħħar tas-seklu 14 u fil-bidu tas-seklu 15, inbena ħajt twil 625 metru (2,051 pied) madwar il-kastell. Minħabba t-titjib fl-armi tan-nar, bejn is-sekli 16 u 17 żdiedu elementi difensivi addizzjonali. Erik Dahlbergh iddisinja l-fortizza bil-bastjuni u bir-rivellini bi stil qisu ta' Vauban, u dawn għadhom kważi intatti. Meta l-gwarniġjon Russu telaq mill-fortizza fl-1711 wara l-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, dan sploda apposta l-biċċa l-kbira tal-fortifikazzjonijiet u l-kastell, iżda iktar 'il quddiem irrestawra xi partijiet minnhom. Fl-1861, il-konverżjoni tal-bastjuni f'park bdiet taħt is-superviżjoni tal-arkitett minn Riga, H. Göggingen.[11]

  1. Viirand, Tiiu (2004). Estonia. Cultural Tourism. Kunst Publishers. pp. 176–178. ISBN 9949-407-18-4.
  2. O'Connor, Kevin (2006). Culture And Customs of the Baltic States. Greenwood Publishing Group. p. 207. ISBN 978-0-313-33125-1.
  3. Jarvis, Howard; Ochser, Tim (2 May 2011). DK Eyewitness Travel Guide: Estonia, Latvia & Lithuania. Dorling Kindersley. p. 32. ISBN 978-1-4053-6063-0.
  4. Taylor, Neil (2010). Estonia (6 ed.). Bradt Travel Guides Ltd. p. 254. ISBN 978-1-84162-320-7.
  5. Dragicevich, Peter; Ragozin, Leonid (2016). Lonely Planet Estonia, Latvia & Lithuania. Lonely Planet Global Limited. ISBN 9781760341442.
  6. "1941 EXECUTIONS IN KURESSAARE CASTLE. Singing Revolution. Saarte Hääl Newspaper ("Voice of the Islands")" (PDF). 1988. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-08-29. Miġbur 2024-05-29.
  7. "Kuressaare Castle, Kuressaare, Estonia - SpottingHistory.com". web.archive.org. 2016-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-10. Miġbur 2024-05-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. "Kuressaare Episcopal Castle | Western Estonia & the Islands, Estonia | Attractions". Lonely Planet. Miġbur 2024-05-29.
  9. Lang, V.; Laneman, Margot (2006). Archaeological research in Estonia, 1865-2005. Tartu University Press. p. 185.
  10. Tvauri, Andres (2009). "Late medieval hypocausts with heat storage in Estonia". Baltic Journal of Art History. Institute of History and Archaeology of the University of Tartu: 52.
  11. "Kuressaare Castle Park - credit cards". doczz.net. Miġbur 2024-05-29.