Aqbeż għall-kontentut

Qerda tal-innoċenti

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Il-qerda tal-innoċenti)
Massakru tal-innoċenti, affresk ta' Giotto di Bondone, fil-kappella Scrovegni ta' Padova.

Il-qerda tal-Innoċenti hu l-isem mogħti lil episodju rrakontat fl-Evangelju skont Mattew fl-istess ħin mal-Ħarba fl-Eġittu : il-qtil tat-trabi kollha ta' taħt sentejn fl-età fl-inħawi ta' Betlehem, ordnat minn Erodi ftit wara t-twelid ta' Ġesù. Il-knejjes iqimuhom bħala martri.

Festa : it-28 ta' Diċembru fil-Punent u id-29 ta' Diċembru fil-Lvant.

Spiss kien hemm dubju dwar l-istoriċità ta' dan l-episodju.

It-test tal-Evanġelju

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Evanġelju skont Mattew, Kap. 2, versi 16-18 :

Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, nkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f'Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta' minn sentejn 'l isfel, skond iż-żmien li sar jaf minn għand il-maġi. Mbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal, "F'Rama nstama' leħen, biki u lfiq kbir: Rakel tibki lil uliedha u ma tridx min ifarraġha, għax ma għadhomx iżjed."
Il-qerda tal-innoċenti, detal min Xena mill-ħajja ta' Marija', żejt fuq l-injam ta' Hans Memling, 1480

Dan l-epdisodju ma jissemmiex fl-evanġelji kanoniċi l-oħra u fl-ewwel evanġelji apokrifi. Lanqas ma jisemma mill-istoriku Lhudi Flavius Josephus. Jerġa jidher għall-ewwel darba fil-Protevanġelju ta' Ġakbu.

L-istoriku pagan Macrobius (c. 395-436) isemmi massakru tat-trabi minn Erodi:

Meta (l-Imperatur Awgustu) sama' li fost it-trabi tas-Sirja ta' taħt sentejn li Erodi r-Re tal-Lhud ikkmanda li jinqatlu kien hemm ibnu stess, qal li aħjar tkun il-ħanżir ta' Erodi milli ibnu.[1].

Diffiċli nkunu nafu jekk kienx hemm ġrajja tassew storika bħala l-bażi ta' din l-istorja. Voltaire fl-artiklu "Innocents" fid-Dictionnaire philosophique tiegħu kien diġà ddiskuta l-istoriċità ta' dan il-massakru [2].

L-istoriku Amerikan, Paul L. Maier, ma jaħsibx li din il-ġrajja kellha bażi storika[3], imma pjuttost kienet parti mill-aġjografija ta' Ġesù.

It-teologu protestant Franċiż, André Gounelle, jgħid li r-rakkont ta' Mattew tat-tfulija ta' Ġesù hu parallel ma' dak tat-twelid ta' Mosè fit-Testment il-Qadim (fost dawn il-paralleli, il-qerda tal-Innoċenti tfakkarna fit-tagħriq tat-trabi Lhud subien, fil-bidu tal-Eżodu) fi sforz allegoriku biex juri li Ġesù hu l-Mosè l-ġdid : "Il-paralleliżmu hu kbir wisq biex ma kienx maħluq, jekk mhux kollu, mill-imqas ħafna minnu." Madankollu, iqis li m'għandniex "... n'akkużaw l-evanġelisti bi frodi jew diżonestà. Jużaw il-metodu tal-kitba u l-kompożizzjoni ta' żmienhom li kien aċċettat."[4]

L-istoriku Gilbert Picard jfakkarna li nsibu l-istess storja fil-kitba tal-istoriku Rumanan Swetonju rigward it-twelid ta' Oktavju Awgustu[5].

Imma skont l-storiku Franċiż, speċjalista fuq Ruma antika, Paul Veyne, ix-xhieda tal-pagan Macrobius tikkonferma l-istoriċità ta' massakru tat-tfal, anki jekk stess "il-memorja tiegħu serviet bħala motivazzjoni għat-twelid leġendaru, f'Betlehem, ta' Ġesù."[6]

Il-qerda tal-Innoċenti fit-tradizzjoni Nisranija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qerda tal-innoċenti, inċiżjoni ta' Marcantonio Raimondi (d'après Raffaello), madwar 1509

Għall-Insara, l-Imqaddsin Innoċenti huma t-tfal ta' taħt xahrejn maqtulin minn Erodi f'Betlehem: għall-Kattoliċi, qabel it-tieni Konċilju tal-Vatikan, it-teoloġija kienet tħalli 'l min jaħseb li Alla ppermetta il-Qerda tal-Imqaddsin Innoċenti biex jagħmel minnhom is-sinjal tal-miġja tal-fidwa ta' Ġesù Kristu. Il-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum tal-1965 fil-paragrafu 12 (Kif ninterpretaw il-Kitba Mqaddsa) tgħid li jeħtieġ li noqogħdu attenti għall-ġeneri letterarji, u li dan iż-żmien m'għadux possibbli li l-massakru kien minħabba r-rieda ta' Alla.

Wistin ta' Ippona iddeskriva x-xena hekk :

L-ommijiet iqattgħu xagħarhom; riedu jaħbu l-uliedhom ċkejknin, imma dawn il-ħlejjaq ħelwin kixfu lilhom infishom; ma kienux jafu jisktu, għax kienu għadhom ma tgħallmux jibżgħu. Kienet ġlieda bejn l-omm u l-bojja; wieħed jaħtaf il-preda bil-qawwa, l-oħra tiġbdu kemm tiflaħ. L-omm tgħid lill-bojja "Jien, intik ibni! Ġufi tah il-ħajja, u int trid issabbtu mal-art!" Omm oħra tgħajjat "Kattiv, jekk hemm min hu ħati, dak jien! Jew eħles lil ibni, jew oqtolni miegħu!" Leħen jinstema' jgħid "X'qegħdin tfittxu? Qegħdin toqtlu qabda tfal biex teħilsu minn wieħed, u Dan li qegħdin tfittxu ħarbilkom!" U waqt li l-għajjat tan-nisa għamel storbju mħawwad, is-sagrifiċċju tat-tfal ċkejknin ġie aċċettat fis-Sema.


Ġwanni ta' Patmos, fl-Apokalissi, juri l-Imqaddsa Innoċenti madwar it-tron tal-Ħaruf għaliex huma safja, u jsegwuh kull fejn imur. "Staqsu ruħkom", jgħid Bernard ta' Clairvaux, "għal liema mertu dawn it-tfal ġew inkurunati minn id Alla? Staqsu mbagħad lil Erodi, għal liema delitti ġew maqtula b'dik il-krudeltà. It-tieba tal-Feddej intrebħet bil-barbarità ta' Erodi? Dan ir-re ħażin seta' jitfa' għall-mewt tfal innoċenti u Ġesù Kristu ma setax jagħti l-ħajja eterna lil dawk li mietu għalieH? Għajnejn il-bniedem jew tal-anġli ma jsibu l-ebda mertu f'dawn il-ħlejjaq ċkejknin; imma l-grazzja divina għoġobha tgħanihom."

Il-Knisja waqfet il-festa tagħhom fit-tieni seklu.

Il-qerda tal-innoċenti, pittura ta' Nicolas Poussin

Il-qerda tal-Innoċenti hu suġġett li sfruttawh ħafna artisti, bħala skuża biex ipinġu kompożizzjonijiet sofistikati li juru iġsma mħabblin f'azzjonijiet vjolenti.

Xi pitturi tar-Rinaxximent kienu mnebbħin mill-bassirilievi rumani tal-battalja bejn il-Lapiti u ċ-Ċentawri biex jirrappreżentaw persunaġġi għarwiena bħal fil-Qerda tal-Innoċenti ta' Amico Aspertini. Il-qerda tal-innoċenti ta' Guido Reni, impinġija f-1611 f'forma wieqfa mhux tas-soltu qiegħda Bolonja.

Bosta pitturi ta' Peter Paul Rubens juru din it-tema. Waħda minnhom, li issa qiegħda Munich, għamel inċiżjoni tagħha Paulus Pontius fl-1643 u din tispjega għaliex jinstabu reproduzzjonijiet f'pajjiżi 'l bogħod ħafna bħall-Perù.

Is-suġġett deher ukoll f' Guernica ta' Picasso (1937). Din il-pittura tieħu xi motivi mill-pittura ta' Nicolas Poussin tal-qerda tal-innoċenti

Bibljografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Richard T. France, Herod and the Children of Bethlehem, f' Novum Testamentum, Vol. 21, Faxx. 2, 1979, pp. 98-120 [3]
  • Paul L. Maier, Herod and the Infants of Bethlehem, f' Chronos, Kairos, Christos II : Chronology, Nativity, and Religious Studies in Memory of Ray Summers, Mercer University Press, 1998, pp. 169–190 [4]

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]

Noti u referenzi

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ Macrobius Saturnalia, II, 11
    Cum audisset inter pueros quos in Syria Herodes rex Iudaeorum intra bimatum iussit interfici filium quoque eius occisum, ait: Melius est Herodis porcum esse quam filium.
  2. ^ Ara [1]
  3. ^ "Herod and the Infants of Bethlehem", f'Chronos, Kairos, Christos II, Mercer University Press (1998), p. 170
  4. ^ Ara L'historicité de Jésus tat-teologu André Gounelle
  5. ^ Gilbert Picard, La date de naissance de Jésus du point de vue romain, Comptes-rendus des séances de l'année… - Académie des inscriptions et belles-lettres, 139e année, N. 3, 1995. pp. 799-807.
  6. ^ Paul Veyne Païens et chrétiens devant la gladiature Mélanges de l'Ecole française de Rome. Antiquité, 1999, 111-2 p. 895 [2]- il renvoie aussi à Perowne Stewart Hérode le Grand et son époque, Hachette, 1958