Għar Dalam

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Għar Dalam hu magħmul prinċipalment minn passaġġ ewlieni u wiesa' forma ta' tubu.

Għar Dalam ([aːr 'dalam]) jinsab f'Wied Dalam, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, u jintlaħaq hekk kif wieħed jinżel it-triq priniċipali li tgħaddi mit-Triq tal-Barrani, iż-Żejtun.[1] Dan l-għar tħaffer u tkabbar bl-errużjoni tal-ilma li għal ħafna eluf ta' snin kien jgħaddi minnu u li biż-żmien ħaffer u wessgħu aktar. Fl-istess ħin, xmara li kienet tgħaddi minn Wied Dalam, li kienet taqsam minn fuqu, ippenetrat l-għar minn fuq u qasmitu fi tnejn. B'hekk, parti mill-passaġġ tal-għar jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-wied u parti minnu hu l-għar li wieħed jista' jżur u li sar magħruf bħala Għar Dalam. L-għar hu twil mal-144 metru. Hawn instabu fdalijiet tal-għadam ta’ annimali li għexu fuq il-Gżejjer Maltin eluf kbar ta' snin ilu meta Malta kienet għadha magħquda ma' Sqallija kif ukoll għal bosta snin wara meta din inqatgħet u saret arċipelagu fin-Nofs tal-Mediterran. F'dan l-ambjent iżolat u mdawwar bil-baħar dawn l-annimali ċkienu fil-kobor tagħhom u finalment anki spiċċaw biex saru estinti f'perjodi differenti taż-Żmien Glaċjali u Interglaċjali.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-preżenza uman f'Malta, l-eqdem fażi tal-preistorja dik taż-Żmien Neolitiku, hi mogħtija l-isem “il-Fażi Għar Dalam” għax l-eqdem fdalijiet ta' fuħħar li qatt instab f'Malta ġew skoperti f'dan l-għar. Il-fdalijiet tal-fuħħar li nstab f'dan l-għar għandhom disinji fuqhom li jixbhu fdalijiet simili tal-kultura ta’ Stentinello fi Sqallija, ta' daqs 7,000 sena ilu

Fid-depożiti aktar baxxi tal-għar instab għadam tal-iljunfanti nani (l-ispeċijiet estinti Palaeoloxodon falconeri u Palaeoloxodon mnaidriensis), tal-ippopotami nani (l-ispeċi estinta Hippopotamus melitensis), taċ-ċinji ġganti, taċ-ċriev u tal-orsijiet. L-ippopotami nani x'aktarx għebu daqs 10,000 sena ilu,fl-aħħar fażi tal-epoka glaċjali, filwaqt li ċ-ċriev baqgħu jgħixu hawn sa ħafna snin wara, anki sal-miġja tal-ewwel abitanti tal-gżejjer Maltin, daqs 6,000 - 5,000 sena ilu.

L-ewwel 50 metru tal-għar huma aċċessibbli għall-viżitaturi. L-għar jitqies bħala wieħed mill-aktar siti arkeoloġiċi importanti tal-gżejjer Maltin.[2]

L-iskavi tal-għar u l-bini tal-mużew[immodifika | immodifika s-sors]

Skeletru ta' iljunfant żgħir modern li jirrappreżenta speċi ta' iljunfanti nani li l-għadam tagħhom instab f'Għar Dalam.

L-għar ġie investigat għall-ewwel darba fl-1865, mill-paleontologu Taljan Arturo Issel.[1][3] Skavi oħra twettqu fl-1892 minn John H. Cooke. Il-qofol tal-materjal tal-iskavi nħażen f’Malta, filwaqt li ġabra komparattiva ntbagħtet lill-British Museum f’Londra.[1] Dan il-materjal ġie studjat minn Charles Forsyth Major fl-1902, li iżola speċi ġdida ta’ ippopotamu nanu, Hippopotamus melitensis, abbażi ta’ dawn il-fdalijiet.

L-għar ġie inkluż fil-Lista ta’ Antikitajiet fl-1925[4], iżda ma nfetaħx għall-pubbliku qabel Marzu 1933.[5] Il-kuratur tal-Istorja Naturali ta’ dak iż-żmien, Joseph Baldacchino, stabbilixxa mużew apposta qrib is-sit arkeoloġiku. Fi żmien sena mill-ħatra tiegħu bħala kuratur fl-1935, Baldacchino ppubblika ktejjeb fuq Għar Dalam, fejn enfasizza l-iskavi u l-investigazzjonijiet prinċipali tal-għar. Bil-mod il-mod, il-mużew ġie mmodernizzat, b’sistema ta’ klassifikazzjoni u separazzjoni tal-fdalijiet.[5]

F'sala minnhom, il-vetrini tal-ħitan huma mimlija bi fdalijiet tal-għadam u snien ta' ippopotami, ċriev u iljunfanti li nstabu fl-għar. Il-vetrini tan-nofs ta' din is-sala fihom skeletri sħaħ biss moderni, għax fl-għar qatt ma nstabu skeletri sħaħ, u għalhekk dawn qed jirrappreżentaw dawk l-ispeċi ta' annimali li nstabu fl-għar. Dawn l-iskeletri moderni huma ta’ ċerva, iljunfant nanu, ippopotamu nanu, ors, volpi u lupu.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Għar Dalam intuża bħala fuel depot mill-militar. Fl-1980, kienu nsterqu mill-mużew erba’ nejbiet tal-avorju tal-iljunfanti nani u l-kranju ta’ tifel jew tifla li għexu fi Żmien il-Bronż.

Stratigrafija ta’ Għar Dalam

Il-mużew, illum sar għandu sala oħra li fiha hemm serje ta' vetrini li jispjegaw fid-dettall l-istorja ta' Żmien is-Silġ fl-Ewropa u kif din wasslet biex dawn l-annimali li nstabu fl-għar ġew Malta. Apparti minn hekk il-vetrini huma mimlija bil-fossili, disinji, ritratti u spjegazzjoni estensiva dwar il-ġeoloġija tal-għar u l-ispeċijiet tal-annimali li nstabu fih. Fost affarijiet oħra hemm ukoll dras tal-bniedem preistoriku li jaħsbu li hu tal-ispeċi Neanerthal.

Heritage Malta jieħu ħsieb il-mużew u s-sit ta’ Għar Dalam.

Stratigrafija[immodifika | immodifika s-sors]

L-għar fih sitt saffi[6]: minn fuq għal isfel f'dawn is-saffi nstabu:

  1. Materjal bħal fuħħar, żbandoli eċċ., li juri li l-bniedem għex hemm minn żmien Puniku sas-seklu għoxrin. Instabu fdalijiet ta' annimali domestiċi (xi 60 cm).
  2. Materjal bħal fuħħar, żbandoli, ponot ta' vleġeġ magħmula mill-ossidjana, amuleti u oġġetti oħra li juru l-ewwel abitanti ta' Malta kienu jgħixu f'għerien bħal dan. (0.60 - 70 cm).
  3. Saff ta' materjal stalagmitiku. (1.65 m) Hawn instabu għadam u snin taċ-ċriev (Cervus elaphus), nejbiet tal-iljunfanti u xi ippopotami, għadd żgħir ta’ karnivori, fosthom l-ors (Ursus arctus), il-volpi u l-lupu, u fdalijiet ta’ ċinji kbar aktar minn dawk tal-lum, fkieren tal-baħar kbar u speċi ta’ fenek tal-Indì.
  4. Tajn ħamrani - ċagħaq - ġebel mikul mill-ilma ġieri - għadam tal-iljunfanti u ippopotami kif ukoll snien u nejbiet tal-istess annimali. (0.45 cm).
  5. L-akbar kwantità massiċċa ta' għadam tal-ippopotami nstabet f'dan is-saff. (1.20 m.) Daqs 75 % mill-materjal ġie ddepożitat hawn mill-ilmijiet tax-xmara li kienet tgħaddi mill-wied. Hawn hu mifhum li nstabu d-dras hekk msejħa Taurodontiċi li jagħtu wieħed x'jifhem li f'Malta għex il-bniedem Neanderthal fl-istess żmien meta għexu l-annimali l-kbar bħall-iljunfanti u l-ippopotami.
  6. Saff tat-tafal fin li fih ma nstabet l-ebda għadma (xi 125 cm). Instabu biss xi marki magħmula minn pjanti.

Bibliografija[immodifika | immodifika s-sors]

Adams Leith, On the Osteology of the Maltese Fossil Elephants. Located at Bibliotheca Malta.

Adams Leith, Concluding Report on  the Maltese Fossil Elephant. Loc. Bibliotheca, Malta.

Attenborough David, The First Eden - The Mediterranean and Man. Fontana / Collins. 1987.

Cooke J. Har Dalam Cavern. Loc. Bibliotheca Malta. (1982).

Fabri Nadia, Għar Dalam: The Cave, the Museum, and the Garden: Birżebbuġa. Malta: Heritage Books. 2007.

Imrie Palmer J. & K. The Ice Ages.

Issel Arturo, Note Sur Une Caverne a Ossements de Malte.

John Brian S., The Ice Age, Past and Present. (1977).

John Brian S., Winters of the World.

Keith Arthur, Neanderthal Man in Malta.

Kurten Bjorn, The Age of Mammals. (1971).

Morana Martin, Għar Dalam - Cave of Darkness. Printwell. 1987.

Savona Ventura Charles, Ed. Facets of Prehistoric Malta, Prehistoric Society of Malta. 1999.

Trump David, Skorba - Reports of the Research Committee  of the Society of Antiquaries of London No. XXII. Excvations carried out on behalf of the National Museum of Malta 1961 - 1963. Oxford University Press. London (1966).

Trump, David, Malta an Archaeological Guide. Faber & Faber, London. 1972.

Trump David, Malta - Prehistory and Temples. Midsea Books Ltd. 2002.

Zammit Maempel George, Għar Dalam Cave and Deposits. 1989.

Museum Annual Reports 1925 & 1935-36.

Nature, Volum II. History of the Mediterreanean Salinity Crisis.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Van der Geer, Alexandra; Lyras, George; de Vos, John; Dermitzakis, Michael (2010). Evolution of island mammals: Adaptation and extinction of placental mammals on islands. Wiley-Blackwell. pp. 92–102. ISBN 9781405190091.
  2. ^ Nadia, Fabri (2007). Għar Dalam: The Cave, the Museum, and the Garden: Birżebbuġa. Malta: Heritage Books. ISBN 978-9993271444.
  3. ^ "Ghar Dalam museum". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
  4. ^ "PROTECTION OF ANTIQUITIES _g S.L.445.01 1"Arkivjat 20-04-2016.
  5. ^ a b Sagona, Claudia; Vella Gregory, Isabelle; Bugeja, Anton (2006). Punic Antiquities of Malta and Other Ancient Artefacts Held in Ecclesiastic and Private Collections. 2. Peeters Publishers. pp. 27–28. ISBN 9042917032.
  6. ^ George Zammit Maempel, 1989. Għar Dalam Cave and Deposits.