Gustavo Gutiérrez
Gustavo Gutiérrez (Lima, Peru, 8 ta’ Ġunju 1928) huwa teologu Peruvjan u patri Dumnikan, u huwa sinonimu mat-Teoloġija tal-Liberazzjoni, li hija l-fergħa mill-aktar sinjifikanti ta’ ħsieb Kattoliku li ħarġet mill-Konċilju Vatikan II mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor ’l hawn. Huwa jitqies bħala l-fundatur ta’ din it-teoloġija.
Tfulija u Studji
[immodifika | immodifika s-sors]Gustavo Gutiérrez, li ġej minn nisel imħallat bejn indiġeni u Spanjoli, twieled nhar it-8 ta’ Ġunju 1928 f’Lima, il-belt kapitali tal-Perù. F’żgħożitu beda jbati bl-osteomelite, marda fl-għadam u kien iqatta’ ħafna żmien fis-sodda. Minn meta kellu 12-il sena sakemm għalaq 18, Gutiérrez kien ikollu juża siġġu tar-roti. Meta l-kundizzjoni ta’ saħħtu tjiebet beda jistudja l-mediċina u l-humanities filwaqt li beda jaħdem fl-Azzjoni Kattolika fejn beda jiżviluppa l-ewwel riflessjonijiet teoloġiċi tiegħu. Ir-rabta tiegħu mar-realtajiet ta’ pajjiżu ġegħluh japprofondixxi iktar l-għarfien tiegħu ta’ Alla. Fil-bidu xtaq isir psikjatra u studja fl-Università Nazzjonali ta’ San Marcos fil-Peru imma mbagħad irrealizza li kien imsejjaħ għall-ħajja reliġjuża. Kien ordnat saċerdot fl-1959 meta kellu 31 sena.
Wara li studja l-mediċina u l-letteratura fl-Università ta’ San Marcos, kompla jistudja l-psikoloġija u l-filosofija fl-Università ta’ Louvain fil-Belġju, imbagħad it-teoloġija fl-Università Kattolika ta’ Lyons fejn ġab id-dottorat mill-Institut Pastoral d'Etudes Religieuses (IPER). Bħala għalliema tat-teoloġija kellu lill-kbar Henri de Lubac, Yves Congar, Marie-Dominique Chenu u Christian Ducoq. Ġie f’kuntatt ukoll ma’ ħafna mit-teoloġi moderni tal-Konċilju Edward Schillebeeckx, Karl Rahner, Hans Küng u Jean Baptista Metz. Kien ukoll fi djalogu mat-teoloġija Protestanta u studja sew ix-xogħlijiet ta’ Karl Barth u kellu interess f’teologi bħal Jürgen Moltmann u Dietrich Bonhoeffer u xjenzati soċjali bħal François Perroux.
Karigi u Rikonoxximenti
[immodifika | immodifika s-sors]Sal-lum, ingħata mal-25 grad akkademiku onorarju ieħor minn universitajiet mifruxa madwar id-dinja kollha.
Gutiérrez illum huwa Professur tat-Teoloġija fl-Università ta’ Notre Dame, fl-Istati Uniti. Huwa kien il-professur ewlieni fl-Università Pontifiċja tal-Perù, u jżur ukoll ħafna universitajiet ewlenin fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa. Huwa membru ta’ l-Akkademja Peruvjana tal-Lingwa, u fl-1993 ingħata l-Leġjun tal-Unur mill-gvern Franċiż għall-ħidma kbira tiegħu favur id-dinjità umana u l-ħajja, u kontra l-oppressjoni, speċjalment fl-Amerika Latina u t-Tielet Dinja. Fl-2002 Gutiérrez kien elett fl-American Academy of Arts and Sciences u fl-2003 ingħata l-premju prestiġjuż Príncipe de Asturias.
L-aktar xogħol famuż ta’ Gutiérrez, fost il-ħafna li għandu (anki maqlubin f’ħafna ilsna tad-dinja) huwa Teoloġija tal-Liberazzjoni: Storja, Politika, Salvazzjoni (1971). Huwa ktieb ta’ importanza storika monumentali fil-Knisja Kattolika, u meqjusa minn ħafna bħala l-aktar kontribuzzjoni teoloġika sinifikanti mill-Konċilju Vatikan it-Tieni ’l hawn.
2014 Premio Capri San Michele [1]
L-Għazla Preferenzjali għall-Fqar
[immodifika | immodifika s-sors]L-“għazla preferenzjali għall-fqar” (optión por los pobres) hi l-qalba ta’ dak li Gutiérrez u sħabu kollha fl-Amerika Latina pproponew lill-Kattoliċizmu u lid-dinja fis-snin snin. Xi kummentaturi jgħidu li din l-għajta kienet l-aktar waħda rilevanti u rivoluzzjonarja fil-Knisja Kattolika minn wara l-għajta l-oħra ta’ Martin Luteru “Sola Fides” (Bil-Fidi Biss) fis-seklu 16. L-għajta tesprimi viżjoni, missjoni u strateġija pastorali u umana. Hi moviment ta’ ħsieb u azzjoni li, fi ftit kliem, ifittex li jeqred il-kawżi ta’ kull tip ta’ faqar fid-dinja. Aktar minn hekk, hi interpretazzjoni ġdida tal-Evangelju u tat-tagħlim tal-Knisja.
Dawk li jissejħu l-“fqar”, aħna aktarx insejħulhom ż-“żgħar”. Xi wħud isejhulhom ukoll l-“esklużi”. Kollha jirreferu għall-istess kundizzjoni umana ta’ nies imwarrba, sfruttati, oppressi, imtarrfa; nies li t-twarrib tagħhom faqqarhom b’kull mod immaġinabbli. Bit-Teoloġija tal-Liberazzjoni, Gutiérrez u sħabu laqgħu s-sejħa tal-Koncilju Vatikan, u tal-Papiet Ġwanni XXIII u Pawlu VI, u qraw l-Evanġelju mill-perspettiva ta’ ħelsien u liberazzjoni li Alla fassal għal kull bniedem.