Opossum ta' denbu sufi
Opossum ta' denbu sufi | |
---|---|
Stat ta' konservazzjoni | |
Riskju minimu (IUCN 3.1) | |
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Phylum | Chordata |
Klassi | Mammalia |
Ordni | Didelphimorphia |
Familja | Didelphidae |
Ġeneru | Glironia |
speċi | Glironia venusta ,
|
Distribuzzjoni ġeografika | |
Informazzjoni ġenerali | |
Ħabitat | Ekwador |
L-opossum ta' denbu sufi, magħruf xjentifikament bħala Glironia venusta, huwa mammiferu marsupjal notturn, tal-familja Didelphidae, fl-ordni Didelphimorphia nattiv tal-kontinent tal-Amerika t'Isfel.
Dan huwa speċi ta' opossum b'morfoloġija addatata għal ħajja fis-siġar u dejjem insab jgħix f'abitat ta' foresti tax-xita (jew pluvjali) f'elevazzjonijiet ta' bejn 300 u 1000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-Opossum ta' denbu sufi għandu l-pil kannella fl-oranġo, b'żewġ linji suwed fuq rasu madwar l-għajnejn għal fuq l-imnieħer li jiffurmaw maskra u linja oħra griża tifred lil dawn it-tnejn minn fuq l-imnieħer sal-widnejn bla pil lewn kannella skur fl-iswed. Glironia venusta adult jikber bejn 16 u 20.5 ċentimetri eskluż id-denb li jkun ġeneralment itwal mil-ġisem b'tul ta' bejn 19.5 u 20.5 ċentimetri. Uniku fost l-opossumi dan il-marsupjal għandu denb sufi u peluż ħafna kważi mat-tul kollu tiegħu, kemm man-naħa ta' fuq kif ukoll mal-ġnub u dan il-fattizz partikolari jintuża fl-isem komuni ta' din l-ispeċi.
Dan l-opossum huwa annimal omnivoru u d-dieta prinċipali tikkonsisti minn frott, nettari, insetti, bajd u annimali vertebrati u invertebrati żgħar oħrajn.
Distribuzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Minn dan l-opossum rari inqabdu disa' eżemplari biss u l-aħħar wieħed kien maqbud fl-1989 (Tarifa u Anderson, 1997). Dan għandu distribuzzjoni ristretta u l-eżemplari kollha inqabdu fil-foresta tax-xita (jew pluvjali) tal-Amażonja fil-Bolivja, il-Brażil, l-Ekwador u l-Peru.
Riproduzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Ftit li xejn hemm informazzjoni dwar ir-riproduzzjoni ta' Glironia venusta, ħlief li l-organi riproduttivi huma simili tal-opossumi tal-ġeneru Caluromys. Il-mara għandha 4 mammae (sidra jew żejżiet) u dan juri li l-botna huma anqas numerużi minn dawk tal-biċċa l-kbira tal-possumi tas-sottofamilja Didelphinae. L-Opossum ta' denbu sufi mhuwiex mgħammar b'marsupju u dan jindika li l-frieħ sakemm jiżviluppaw dawn jinżammu imqabdin mal-pil fuq in-naħa taż-żaqq tal-omm.
Klassifikazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-ġeneru huwa monotipiku (jiġifieri huwa rappreżentat bi speċi waħda biss) u l-klassifikazzjoni tiegħu mhijiex mija fil-mija. Meta jkun ikklassifikat fil-familja Didelphidae, f'uħud mil-klassifikazzjonijiet ikun għalih waħdu fis-sottofamilja Glironiinae:
- Ordni Didelphimorphia
- Superfamilja Didelphoidea
- Familja Didelphidae
- Sottofamilja Glironiinae
- Ġeneru Glironia
- Opossum ta' denbu sufi, Glironia venusta
- Ġeneru Glironia
- Sottofamilja Glironiinae
- Familja Didelphidae
- Superfamilja Didelphoidea
Fi klassifikazzjonijiet oħrajn ikun parti mis-sottofamilja Caluromyinae flimkien mal-opossumi sufin:
- Ordni Didelphimorphia
- Superfamilja Didelphoidea
- Familja Didelphidae
- Sottofamilja Caluromyinae
- Ġeneru Glironia
- Opossum ta' denbu sufi, Glironia venusta
- Ġeneru Glironia
- Sottofamilja Caluromyinae
- Familja Didelphidae
- Superfamilja Didelphoidea
Fi skemi oħrajn kemm-il darba jiġi kklassifikat fil-familja Caluromyidae (is-sottofamilja Caluromyinae elevata f'livell ta' familja):
- Ordni Didelphimorphia
- Superfamilja Didelphoidea
- Familja Caluromyidae
- Ġeneru Glironia
- Opossum ta' denbu sufi, Glironia venusta
- Ġeneru Glironia
- Familja Caluromyidae
- Superfamilja Didelphoidea
Fil-familja Glironiidae (is-sottofamilja Glironiinae elevata f'livell ta' familja) jinsab għalih waħdu:
- Ordni Didelphimorphia
- Superfamilja Didelphoidea
- Familja Glironiidae
- Ġeneru Glironia
- Opossum ta' denbu sufi, Glironia venusta
- Ġeneru Glironia
- Familja Glironiidae
- Superfamilja Didelphoidea
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- Wilson, D. E.; Reeder, D. M. Mammal Species of the World, 3rd edition, Johns Hopkins University Press, ISBN 0-8018-8221-4
- Eisenberg, John F.; Kent H. Redford (2000). Mammals of Neotropics: Ecuador, Bolivia and Brazil.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Glironia venusta fuq il-Lista Ħamra tal-IUCN 2006
- Id-Databażi Palebijoloġika
- Glironia venusta fuq is-sit tal-Mużew taż-Żooloġija tal-Università ta' Michigan