Aqbeż għall-kontentut

Għerien ta’ Škocjan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Għerien ta’ Škocjan

L-Għerien ta’ Škocjan (pronunzjata [ˈʃkɔːtsjan]; bis-Sloven: Škocjanske jame, bit-Taljan: Grotte di San Canziano) huma sistema ta’ għerien fis-Slovenja.

Minħabba l-importanza eċċezzjonali tagħhom, l-Għerien ta’ Škocjan tniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala sit naturali u kulturali (sit imħallat) fl-1986.[1] L-għaqdiet xjentifiċi internazzjonali għaldaqstant irrikonoxxew l-importanza tal-għerien bħala wieħed mit-teżori naturali tad-dinja.

L-Għerien ta’ Škocjan jirrappreżentaw l-iktar fenomeni sinifikanti ta’ taħt l-art kemm fil-Pjanura Karstika tal-ġebla tal-ġir kif ukoll fis-Slovenja. Wara l-indipendenza mill-Jugoslavja fl-1991, is-Slovenja impenjat ruħha biex tipproteġi b’mod attiv iż-żona tal-Għerien ta’ Škocjan u stabbiliet il-Park Reġjonali tal-Għerien ta’ Škocjan u l-awtorità tal-ġestjoni tagħha, l-Aġenzija tas-Servizz Pubbliku tal-Park tal-Għerien ta’ Škocjan.[2]

Mappa tal-Għerien ta’ Škocjan

L-Għerien ta’ Škocjan jirrappreżentaw l-iktar fenomeni sinifikanti ta’ taħt l-art kemm fir-reġjun Karstiku kif ukoll fis-Slovenja. L-Għerien ta’ Škocjan iddaħħlu wkoll fil-Lista tar-Ramsar ta’ artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali fit-18 ta’ Mejju 1999. Flimkien man-nixxiegħa taħt l-art tax- xmara Reka, l-għerien jirrappreżentaw waħda mill-itwal artijiet mistagħdra karstiċi ta’ taħt l-art fl-Ewropa.[1]

It-tul esplorat tal-għerien jammonta għal 6,200 metru. L-Għerien ta’ Škocjan iffurmaw saff oħxon 300 metru tal-ġebla tal-ġir taż-Żmien Kretaċju u Paleoċen.

Ix-xmara Reka tisparixxi taħt l-art fil-Kavità l-Kbira (bis-Sloven: Velika Dolina) u l-fluss tagħha jibqa’ għaddej tul l-Għerien ta’ Škocjan għal 34 kilometru u terġa’ titfaċċa fil-beraħ qrib Monfalcone fejn tikkontribwixxi madwar terz tal-fluss tax-xmara Timavo, li tnixxi żewġ kilometri mill-Fawwara ta’ Timavo sal-Baħar Adrijatiku.[3] Il-veduta tax-xmara l-kbira fl-istaġun tax-xita, li tisparixxi taħt l-art fil-qiegħ tal-Kavità l-Kbira, 160 metru taħt l-art, hijaa maestuża u tal-biża’ fl-istess ħin.

Il-Kavità l-Kbira u l-Kavità ż-Żgħira tal-ġebla tal-ġir. Id-daħliet għall-Għerien ta’ Škocjan jinsabu fil-qiegħ taż-żewġ kavitajiet.

Il-volum eċċezzjonali tal-kanjon ta’ taħt l-art jiddistingwi l-Għerien ta’ Škocjan minn għerien oħra u jagħmilhom tant

magħrufin madwar id-dinja. Ix-xmara li tgħaddi mill-kanjon taħt l-art iddur lejn il-Majjistral qabel il-Pont ta’ Cerkvenik u tkompli l-fluss tagħha tul il-Kanal ta’ Hanke (bis-Sloven: Hankejev kanal). Dan il-kanal ta’ taħt l-art huwa twil madwar 3.5 kilometri, huwa wiesa’ bejn 10 metri u 60 metru, u huwa għoli iżjed minn 140 metru. F’xi punti, tespandi f’kompartimenti enormi taħt l-art. L-ikbar wieħed fosthom huwa l-Kompartiment ta’ Martel b’volum ta’ 2.2 miljun metru kubiku u jitqies bħala l-ikbar kompartiment ta’ taħt l-art li qatt ġie skopert fl-Ewropa u wieħed mill-ikbar fid-dinja. Minkejja dan, il-kanjon b’dimensjonijiet daqstant kbar jispiċċa b’sifun relattivament żgħir: wieħed li sikwit ma jlaħħaqx mal-volum enormi ta’ ilma li jgħaddi mill-għerien speċjalment meta tinżel xita qliel, u dan jikkawża għargħar kbar, tant li ġieli ntlaħqu livelli tal-ilma sa iktar minn 100 metru.[4]

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xmara ta’ taħt l-art fl-Għerien ta’ Škocjan

L-Għerien ta’ Škocjan ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1] L-għerien huma eżempju tipiku ta’ ekosistema karstika ta’ sbuħija naturali b’valur estetiku kbir u fi ħdanhom hemm wieħed mill-ikbar kanjons magħrufa ta’ taħt l-art fid-dinja. Bis-saħħa tal-kundizzjonijiet mikroklimatiċi partikolari, żviluppat ekosistema speċjali fl-għerien. Iż-żona għandha importanza kulturali u storika kbira peress li kienet abitata minn żminijiet preistoriċi.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; u l-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”.[1]

Storja tal-esplorazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Għadajjar travertini mtarrġin fl-Għerien ta’ Škocjan

L-ewwel sorsi bil-miktub dwar l-Għerien ta’ Škocjan joriġinaw fl-era tal- antikità (is-seklu 2 Q.K.) minn Posidonju ta’ Apamea u l-għerien ġew mmarkati fuq l-eqdem mapep ippubblikati ta’ din il-parti tad-dinja; pereżempju l-mappa ta’ Lazius-Ortelius tal-1561 u n-Novator Atlas ta’ Mercator tal-1637. Il-fatt li fl-1782 il-pittur Franċiż Louis-François Cassas ġie kkummissjonat biex ipinġi xi opri tal-arti tal-pajsaġġi juri wkoll li fis-seklu 18 l-għerien kienu kkunsidrati bħala wieħed mill-iktar fenomeni naturali importanti fiż-żona ta’ Trieste. Il-pitturi tiegħu jixhdu li dak iż-żmien in-nies diġà kienu jżuru l-qiegħ tal-Kavità l-Kbira (bis-Sloven: Velika dolina). Fl-1689, l-istudjuż Karnijolan Johann Weikhard von Valvasor iddeskriva l-mod kif il-fluss tax-xmara Reka jisparixxi taħt l-art.[3]

Sabiex il-belt ta’ Trieste tiġi pprovduta bl-ilma tajjeb għax-xorb, sar tentattiv ta’ segwiment tal-fluss ta’ taħt l-art tax-xmara Reka. Ix-xaftijiet profondi Karstiċi ġew esplorati flimkien mal-Għerien ta’ Škocjan. L-esplorazzjoni sistematika tal-Għerien ta’ Škocjan bdiet bi spedizzjoni ta’ speleoloġija fl-1884. L-esploraturi laħqu x-xtut ta’ Mrtvo jezero (il-Lag Mejjet) fl-1890. L-aħħar kisba ewlenija kienet l-iskoperta tal-Għar tas-Silenzju (bis-Sloven: Tiha jama) fl-1904, meta xi rġiel lokali xxabbtu mal-ħajt ta’ sittin metru tal-kompartiment tal-għerien magħruf bħala l-ħajt ta’ Müller (bis-Sloven: Müllerjeva dvorana). L-avveniment importanti suċċessiv seħħ fl-1990, kważi 100 sena wara l-iskoperta tal-Lag Mejjet. Bugħaddasa Sloveni rnexxielhom jgħumu minn ġos-sifun imsejjaħ Ledeni dihnik u skoprew iktar minn 200 metru ta’ passaġġi ġodda tal-għerien.[3]

Kaskata żgħira fl-Għerien ta’ Škocjan

Minn ewl id-dinja, ħafna nies ġew attirati lejn l-Għerien ta’ Škocjan, speċjalment fejn ix-xmara Reka tisparixxi taħt l-art kif ukoll id-daħliet tal-għerien. Il-fluss tax-xmara Reka ikompli għaddej taħt irdum tal-blat, li fil-quċċata tiegħu hemm il-villaġġ ta’ Škocjan li ta ismu lill-għerien. Il-Park Reġjonali tal-Għerien ta’ Škocjan huwa estremament rikk arkeoloġikament; kien abitat diġà minn għaxart elef sina ilu. Sejba arkeoloġika ta’ valur fl-Għar tad-Dubbiena (bis-Sloven: Mušja jama) tindika l-influwenza taċ-ċiviltà Griega, fejn kien hemm tempju fl-għar wara t-tmiem ta’ Żmien il-Bronż u fi Żmien il-Ħadid. Dan ir-reġjun kien ċertament wieħed mill-iktar siti ta’ pellegrinaġġ sinifikanti fl-Ewropa, 3,000 sena ilu, speċjalment fil-Mediterran, fejn kien ta’ importanza partikolari b’rabta mal-ħajja wara l-mewt u mal-komunikazzjoni mal-ispirti tal-antenati.[6]

Id-daħla tal-Għerien ta’ Škocjan

Huwa diffiċli li jiġi stabbilit meta t-turiżmu fl-Għerien ta’ Škocjan beda tassew. Skont xi sorsi, fl-1819 il-kunsillier tal-kontea Matej Tominc (l-Għar ta’ Tominc imsemmi għalih) ordna li jinbena taraġ sal-qiegħ tal-Kavità l-Kbira. Skont sorsi oħra, it-taraġ ġie rinnovat biss. Fl-1 ta’ Jannar 1819 ġie introdott ktieb tal-viżitaturi. Din id-data hija kkunsidrata bħala l-bidu tat-turiżmu modern fl-Għerien ta’ Škocjan.[7]

Fis-snin reċenti, l-Għerien ta’ Škocjan kellhom madwar 100,000 viżitatur fis-sena. L-ewwel parti tal-Għerien — l-Għar ta’ Marinič u l-Għar ta’ Mahorčič flimkien mal-Kavità ż-Żgħira (bis-Sloven: Mala Dolina) — infetħet għat-turisti mill-1933. Din ġarrbet ħsara kbira minħabba għargħar fl-1963. Fl-2011, ir-rotta turistika ġiet rinnovata u ġie miżjud pont tal-azzar ġdid. Il-viżitaturi jistgħu jaraw ukoll il-parti tal-kanjon taħt l-art bil-Kavità l-Kbira (bis-Sloven: Velika Dolina). Iż-żjarat turistiċi ggwidati tal-grotta jsiru bis-Sloven, bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Ġermaniż.[7]

  1. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Škocjan Caves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-12.
  2. "Škocjan Caves Park". web.archive.org. 2009-05-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-05-20. Miġbur 2021-05-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. 1 2 3 "LTER-Slovenia > Project Overview". lter.zrc-sazu.si. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-12-08. Miġbur 2021-05-12.
  4. Kranjc, Andrej (2002). "Zgodovinski pregled in opis jam" [A Historical Overview and Description of the Caves]. Park Škocjanske jame [The Škocjan Caves Park] (in Slovenian). Škocjan Caves Park. pp. 42–57.
  5. ""Nomination to the World Heritage List" (PDF). Whc.unesco.org" (PDF).
  6. Turk, Peter (2002). "Archaeology". In Peric, Borut (ed.). The Škocjan Caves Regional Park. Park Škocjanske jame. pp. 86–97. ISBN 9612381283.
  7. 1 2 "Mostovi kot znamenitost". Mladina.si. Miġbur 2021-05-12.