Aqbeż għall-kontentut

Għar ta' Optymistychna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla tal-Għar ta' Optymistychna.

L-Għar ta' Optymistychna (bl-Ukren: Оптимістична; li tfisser "Għar tal-Ottimiżmu"; magħruf ukoll bħala Peschtschera Optimistitscheskaya*)[1] huwa għar tal-ġipsum li jinsab qrib il-villaġġ Ukren ta' Korolivka, fid-distrett ta' Chortkiv, fl-Oblast ta' Ternopil.[2] Fi ħdan l-għar ġew immappjati madwar 264 kilometru (164 mil) ta' passaġġi. Għaldaqstant, dan huwa l-itwal għar fl-Ewropa u s-seba' l-itwal għar fid-dinja, wara l-Għar tal-Mammut, is-Sistema ta' Sac Actun, l-Għar Ġojjell, Shuanghedong u s-Sistema ta' Ox Bel Ha. Barra minn hekk, dan huwa l-itwal għar tal-ġipsum fid-dinja.[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless tal-għar ġie skopert mill-ispeleologi tal-klabb speleoloġiku ta' Lviv magħruf bħala "Cyclope" fl-1966. Qabel dik id-data ħadd ma kien jaf bih. Minn dak iż-żmien saru iktar minn 50 spedizzjoni, iżda l-esplorazzjoni majnat b'mod sinifikanti dan l-aħħar, u attwalment ma tantx qed isir wisq stħarriġ. L-għar jinsab qrib ħafna tal-Grotta tal-Qassis jew l-Għar ta' Ozerna, il-ħdax-il itwal għar fid-dinja b'tul ta' 130.4 kilometru (81.0 mil), iżda għadu ma nstabx li ż-żewġ għerien huma kkollegati ma' xulxin.

Fl-2008 l-għar ġie rikonoxxut bħala sit naturali tal-għaġeb tal-Ukrajna.

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Speleotemi fl-Għar ta' Optymistychna.

L-għar kollu jinsab f'erja ta' 2 kilometri kwadri f'saff tal-ġipsum tal-perjodu Neoġen, bi ħxuna ta' inqas minn 30 metru (98 pied). Il-passaġġi tal-għar spiss huma pjuttost żgħar, b'wisgħa ta' mhux iktar minn 3 metri (10 piedi) u b'għoli l-iktar ta' 1.5 metru (5 piedi), għalkemm f'xi intersezzjonijiet l-għoli jaf ikun sa 10 metri (33 pied). Fil-biċċa l-kbira l-passaġġi jkunu mimlijin tajn. Il-passaġġi huma magħmula minn network kumpless fuq diversi livelli, u b'hekk l-Għar ta' Optymistychna xi kultant huwa magħruf bħala l-"għar-labirint".

Fuq is-saff tal-qiegħ tal-ġipsum tal-Għar ta' Optymistychna hemm saff tal-ġebla tal-ġir, li skula fl-għar minħabba l-erożjoni u fforma speleotemi tal-kalċit. F'postijiet oħra, il-ġipsum ifforma kristalli, spiss bi sfumaturi ta' għadd ta' kuluri mill-imluħa minerali. F'xi postijiet fi ħdan l-għar iffurmaw għamliet kbar qishom ward tal-ġipsum, ta' lewn iswed minħabba l-ossidu tal-manganiż.[4]

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. *^ Din it-trażlitterazzjoni ntużat matul l-era Sovjetika u ma għadhiex tintuża iktar.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Herb, Jan Conn (1977). The Jewel Cave Adventure: Fifty Miles of Discovery under South Dakota. p. 230. ISBN 0-914264-20-6.
  2. ^ White, William Blaine; Culver, David C. (2012). Encyclopedia of Caves. Academic Press. p. 830. ISBN 9780123838322.
  3. ^ "สล็อตเว็บตรง FAFA678 เว็บสล็อต ระบบดี บริการครบวงจรที่สุด". www.caverbob.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-15.
  4. ^ Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. pp. 282. ISBN 0-89577-087-3.