Feria del Sol (Mérida)
Il-Feria Internacional del Sol, magħrufa wkoll bħala Carnival Taurino de America, huwa festival kulturali internazzjonali li jiżvolġi fil-belt ta' Mérida, fil-Veneżwela, matul ix-xahar ta' Frar. Il-festival jinvolvi kompetizzjonijiet ta' barrin, wirjiet kulturali, kummerċjali u żootekniċi, kunċerti, sfilati, diversi attivitajiet sportivi u l-ħatra ta' reġina tal-fiera (La Reina del Sol).
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-belt ta' Mérida, waħda mill-eqdem bliet tal-Veneżwela, ma kienux jsiru fieri bħalma kienu jsiru fil-bliet ta' San Cristóbal, Barquisimeto, Maracaibo u Táriba. Għal din ir-raġuni, grupp ta' residenti tal-post ġiethom l-idea li jibnu arena tal-barrin (Plaza de Toros), sabiex Mérida setgħet tidħol fpst l-aktar fieri importanti tal-pajjiż, liema fieri kellhom diġà prestiġju konsiderevoli fit-territorji nazzjonali kollha.
L-ewwel edizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-bidu l-fieri, li kienu jsiru fl-ewwel jiem ta' Diċembru, kellhom il-funzjoni li jiċċelebraw il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni; għalhekk, in-nies iffissaw id-data tal-fieri għad-9 u l-10 ta' Diċembru. Għal dan l-avveniment ġew imsejjħa toreri famuż bħal César Faraco, Manuel Benítez "El Cordobés", Francisco Rivera "Paquirri", Julio Aparicio, Curro Girón, Paco Camino u l-Messikan Juan Cañedo, u ġew użati barrin ta' Félix Rodríguez ("Achury Viejo" u "Ambaló"), ilkoll ġejjin mill-Kolombja.
L-ewwel ġlieda ma seħħitx minħabba li saret xita qawwija li wasslet sabiex l-inawgurazzjoni tal-avveniment tiġi posposta għal ġurnata oħra, u għalhekk iż-żewġ ġlidiet saru fit-tieni jum. Għal dik il-ġurnata ġiet stabbilita li ssir ġlieda filgħodu u l-oħra wara nofsinhar, b'din l-okkażjoni tkun l-ewwel waħda fejn saru żewġ ġlidiet fl-istess pjazza u fl-istess jum fil-Veneżwela.[1]
Edizzjonijiet suċċessivi
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1968, il-fiera ma saritx, imma fit-13 ta' April tal-istess sena saret corrida nhar Sibt il-Għid. F'dik l-okkażjoni, il-barrin Kolombjani ġew miġġielda minn Alfredo Leal, Curro Girón u Pepe Cáceres. Minħabba l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi tax-xahar ta' Diċembru, ftit li xejn xierqa għall-organizzazzjoni ta' fiera, ġie deċiż li l-fiera ssir matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival taħt l-isem ta' "Feria del Sol" (Fiera tax-Xemx). Fl-1969, saret l-ewwel fiera li kienet tinkludi tliet ġlidiet tal-barrin nhar il-15, 16 u 17 ta' Frar.
Minn dakinhar 'l hawn, il-fiera saret bil-mod il-mod waħda mill-aktar importanti fil-Veneżwela u fid-dinja tal-ġlidiet tal-barrin.
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- (IT) Guide EDT/Lonely Planet, Venezuela, EDT srl, 2007, ISBN 88-6040-157-7
- (EN) Susan Brushaber, Arnold Greenberg, Venezuela Alive, (Alive Guides Series, Hunter Travel Guides), Hunter Publishing, Inc, 1998 ISBN 1-55650-800-X