Aqbeż għall-kontentut

Fenek ta' denbu qotni tad-deżert

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fenek ta' denbu qotni tad-deżert
Fenek ta' denbu qotni tad-deżert jew Denb qotni tad-deżert, Sylvilagus insonus
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Klassi: Mammalia
Sottoklassi: Theria
Infraklassi: Eutheria
Superordni: Euarchontoglires
Ordni: Lagomorpha
Familja: Leporidae
Ġeneru: Sylvilagus
Speċi: S. audubonii
Isem binominali
Sylvilagus audubonii
Baird, 1858
Sottoġeneru


Il-Fenek ta' denbu qotni tad-deżert Sylvilagus audubonii jew kif jissejaħ ukoll Denb qotni tad-deżert (l-ispeċi kollha tal-ġeneru Sylvilagus kollha, minflok Fenek ħafna drabi jissejħu denb qotni), huwa mammiferu plaċentat erbivoru membru tal-familja Leporidae, fl-ordni Lagomrpha, tad-Dinja l-Ġdida (il-kontinenti Amerikani). Din l-ispeċi għalkemm ħafna drabi tiġi msieħbha ma' ambjent xott u abitat ta' kważi deżert jew deżert fil-Lbiċ tal-kontinent Amerikan tan-naħa ta' fuq, tgħix ukoll f'ambjenti anqas xotti bħal foresti tal-pinu-ġunipru.

Il-Fenek ta' denbu qotni tad-deżert huwa simili ħafna fl-apparenza tal-Fenek Ewropew, biss dan għandu widnejn akbar u normalment iżommhom aktar wieqfa. Dan id-denb qotni huwa ħafn' anqas soċjali mill-Fenek Ewropew u jagħmel anqas użu ta' bejtiet taħt l-art ukoll.

Bħall-Fniek ta' denbhom qotni kollha l-oħra, il-Fenek ta' denbu qotni tad-deżert għandu denbu ġej fit-tond bil-pil abjad fuq in-naħa ta' taħt li jidher sew meta jkun qiegħed jaħrab (fenek ta' din l-ispeċi kapaċi jiġri b'veloċita ta' 30 kilometru fis-siegħa). Dan huwa fenek ta' lewn ċar ta' kulur griż fil-kannella, li jsir kważi totalment abjad fuq in-naħa ta' taħt taż-żaqq. Denb qotni tad-deżert adult għandu tul ta' bejn 33 u 43 ċentimetru u jiżen sa 1.5 kilogrammi. Il-widnejn twal normalment ikunu bejn 8 u 10 ċentimetri u s-saqajn kbar ta' wara jilħqu s-7.5 ċentimetri. Bejn is-sessi m' hemmx dimorfismu sesswali kbir, iżda in-nisa għandhom tendenza li jkunu ftit akbar mill-irġiel, biss waqt li l-arja territorjali tan-nisa tkun ta' bejn wieħed u ieħor 4,000 m², tal-irġiel kapaċi tlaħħaq 'il fuq minn 60,000 m².

Il-Fenek ta' denbu qotni tad-deżert għalkemm huwa fenek dijurnu jew attiv matul il-ġurnata jiskarta is-sigħat sħan ta' nofs il-jum. Il-biċċa l-kbira tad-dieta tikkonsisti minn ħaxix iżda jiekol ħafna varjetà ta' pjanti ukoll, saħansitra kaktus. Dan id-denb qotni rarament jixrob għax il-likwidi kollha li għandu bżonn isibhom fil-pjanti li jiekol.

Dan id-denb qotni fejn l-abbundanza ta' ikel u l-klima jippermettu dawn jipproduċu kemm il-boton fis-sena. Iż-żrameġ għalkemm jitwieldu għomja u bla pil, l-omm tpoġġihom f'ħofra xejn fonda jew f'bejta qalb il-ħaxix mal-art u ma jitilqux minn hemm qabel 3 ġimgħat. Il-Fenek ta' denbu qotni tad-deżert għalkemm ma jiffurmax u ma jaqsamx bejtiet soċjali taħt l-art ma' individwi oħra, meta mqabbel ma' speċi ta' leporidi oħra huwa relativament tolleranti lejn membri tal-istess speċi li jkunu fil-qrib.

Distribuzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fenek ta' denbu qotni tad-deżert jgħix fiċ-ċentru tal-Istati Uniti mil-Lvant tal-Montana sa fil-Punent tat-Texas u fit-Tramuntana tal-Messiku. Lejn il-Punent jinsab jgħix fiċ-ċentru ta' Nevada u fin-Nofs in-nhar ta' California u Baja California. Dan id-denb qotni jgħix sa ogħli ta' 'l fuq minn 2000 metru.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]