Facebook

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Facebook, Inc.
Tip Privata
Fundazzjoni Cambridge, Massachusetts, Stati Uniti
Fundatur Steve Chen
Chad Hurley
Jawed Karim
Kwartieri ġenerali Palo Alto, Kalifornja
Dublin, Irlanda (kwartieri ġenerali għall-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani)
Seoul, Korea t'Isfel (kwartieri ġenerali għall-Asja)
Nies importanti Mark Zuckerberg, Fundatur u CEO
Dustin Moskovitz, Ko-fundatur
Sheryl Sandberg, COO
Matt Cohler, VP tal-Ġestjoni tal-Prodott
Chris Hughes, Ko-fundatur
Introjtu 300 miljun USD (stima tal-2008)[1]
Impjegati 900+[2]
Sit elettroniku www.facebook.com
Pożizzjoni fuq Alexa 2[3]
Tip ta' sit Netwerk soċjali
Reġistrazzjoni Bżonnjuża
Lingwi disponibbli 14-il lingwa
Stat attwali Attiva

Facebook huwa sit elettroniku li jipprovdi servizz ta' midja soċjali mmexxi minn kumpanija bbażata f'Menlo Park, California. Is-sit tnieda fl-4 ta' Frar 2004 minn Mark Zuckerberg flimkien ma' sħabu fl-Università ta' Harvard. F'dan is-sit, l-utenti jistgħu jirreġistraw, joħolqu profil personali tagħhom, iżidu utenti oħra bħala "ħbieb" u jaqsmu magħhom messaġġi, ritratti, vidjows u ħoloq. L-utenti jistgħu wkoll jissiebħu f'paġni ta' interess u gruppi.

Għall-bidu l-fundaturi llimitaw is-sħubija fis-sit għall-istudenti ta' Harvard biss. Aktar tard bdew jiġu nklużi skejjel u universitajiet oħra, sakemm fl-aħħar infetħet għal kulħadd 'il fuq minn 13-il sena. Fi Frar tal-2012, Facebook tqiegħed fis-suq permezz ta' Offerta Pubblika Inizjali (IPO) u beda jbiegħ stokks lill-pubbliku tliet xhur wara, fejn laħaq kapital rekord ta' $104 miljun. Il-maġġoranza tad-dħul tal-kumpanija ġej mir-reklami li jidher fis-sit.

Sa Ġunju tal-2017, 'il fuq minn 2 biljun utent jaċċessaw is-sit fix-xahar. Din il-popularità wassal għall-istampa sabiex tkopri l-impatt ta' dan is-sit, fosthom fuq l-iskrutinju dwar il-privatezza u l-effetti psikoloġiċi tal-utenti tagħha. Fis-snin riċenti, il-kumpanija affaċċjat kritika fuq l-ammont ta' aħbarijiet foloz, diskors ta' mibegħda u xeni ta' vjolenza.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Facebook ġie fundat fl-4 ta' Frar 2004 minn Mark Zuckerberg, fi żmien meta kien għadu student ta' dsatax-il sena fl-Università ta' Harvard, bl-għajnuna ta' Andrew McCollum u Eduardo Saverin. Fi tmiem l-istess xahar, iktar minn nofs il-popolazzjoni universitarja ta' Harvard kienu reġistrati ma' dan is-servizz. Dak iż-żmien, Zuckerberg kien ġie megħjun minn Dustin Moskovitz u Chris Hughes għall-promozzjoni tas-sit u l-Facebook kiber għall-Università ta' Stanford, għall-Università ta' Kolumbja u għall-Università ta' Yale. Dan il-kobor kompla f'April tal-2004 meta ġie estiż għall-kumplament tal-Ivy League, għall-MIT, għall-Università ta' Boston u għall-Kulleġġ ta' Boston. Fi tmiem is-sena skolastika, Zuckerberg u Moskovitz ittrasferixxew lejn Palo Alto f'Kalifornja ma' McCollum. Hemmhekk huma krew dar qrib l-Università ta' Stanford fejn magħhom ingħaqdu wkoll Adam D'Angelo u Sean Parker.

Id-dominju attwali, facebook.com, ġie reġistrat bejn April u Awwissu tal-2005 għal somma ta' $200,000,[4] u diversi universitajiet oħra ġew miżjuda fis-sena ta' wara. Maż-żmien, persuni li kellhom l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom b'dominju universitarju (per eżempju .edu, .ac.uk u oħrajn) minn istituzzjonijiet minn madwar id-dinja kisbu r-rekwiżiti sabiex jipparteċipaw. B'hekk, nhar is-27 ta' Frar 2006 Facebook estenda ruħu għall-iskejjel sekondarji u azjendi kbar.

Mis-26 ta' Settembru 2006, Facebook fetaħ għal dawk kollha li għandhom tlettax-il sena jew iktar u li għandhom indirizz elettroniku validu. F'Ottubru tal-2008, Facebook ħabbar li kien se jagħmel il-kwartieri ġenerali internazzjonali tiegħu ġewwa Dublin, fl-Irlanda.

Minn Settembru tal-2006 sa Settembru tal-2007, il-pożizzjoni fil-klassifiki tat-traffiku tal-websajts skont kif maħruġ minn Alexa, dan is-sit għamel qabża kbira mis-sittin post għas-seba' post. Minn Lulju tal-2007, daħal fil-klassifika tal-għaxar siti l-aktar viżitati fid-dinja.

Ġewwa Malta, skont rapport maħruġ minn Google Labs, in-numru ta' Maltin fuq dan is-sit matul l-2007 immultiplika ħafna drabi.[5] Matul l-2008 kien hemm splużjoni kbira ta' utenti fuq dan is-sit, fejn dan in-numru kiber biex sa Jannar 2010 hemm madwar 131,000 utent Malti. Barra minn hekk, il-Facebook f'Malta kellu fost l-ogħla rata ta' penetrazzjoni minn madwar id-dinja.[6] Skont Alexa, f'Malta, dan is-sit huwa t-tieni wieħed l-iktar viżitat, wara l-Google.[7]

Websajt[immodifika | immodifika s-sors]

Il-paġna prinċipali tal-Facebook turi formola biex utent li għandu diġà kont jagħmel il-login fuq in-naħa ta' fuq, u formola ta' reġistrazzjoni taħtha għal utenti ġodda.

L-utenti jistgħu joħolqu l-profili tagħhom b'ritratti, elenki ta' l-interessi tagħhom, u dettalji oħra personali. Komunikazzjoni bejn il-ħbieb u utenti oħra tista' ssir permezz ta' messaġġi kemmm dawk privati kif ukoll dawk pubbliċi, jew permezz tal-użu taċ-chat. L-utenti jistgħu joħolqu u jingħaqdu fi gruppi ta' interess partikulari jew ta' sosten, fejn xi ftit minnhom huma miżmuma minn organizzazzjonijiet għal skopijiet ta' reklamar. Biex tikkumbatti l-"ġlieda" fuq il-privatezza, il-Facebook tħalli lil kull min għandu profil li jagħżel min jista' jara l-profil tiegħu u liema parti jista' jara.

Dan is-sit huwa miftuħ għal kulħadd, huwa b'xejn għall-utenti u l-introjtu huwa ġenerat mir-reklamar.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ (Ingliż) By The Numbers: Billionaire Bachelors. Forbes. Aċċess tal-URL: 20-09-2008.
  2. ^ "Press Info", Facebook.
  3. ^ (Ingliż) facebook.com - Traffic Details from Alexa. Alexa Internet, Inc. Aċċess tal-URL: 17-10-2009.
  4. ^ Chris Williams. (Ingliż) Facebook wins Manx battle for face-book.com. 01-10-2007. Aċċess tal-URL: 13-06-2008.
  5. ^ Vella, Matthew. (Ingliż) Facebook – what made 2007 the year of viral networking. 02-01-2008. Aċċess tal-URL: 15-02-2010.
  6. ^ Facebook Statistics Malta, facebakers.com
  7. ^ Alexa - Top Sites in Malta

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]