Aqbeż għall-kontentut

Che Guevara

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Ernesto "Che" Guevara)
  Ernesto "Che" Guevara  

Che Guevara, waqt is-servizz ta' memorja għall-La Coubre.

Meħud minn Alberto Korda nhar il-5 ta' Marzu, 1960

Post tat-twelid: Rosario, Arġentina
Data tal-mewt: 9 ta' Ottubru, 1967 (39 sena)
Post tal-mewt: La Higuera, Bolivja
Organizzazzjonijiet maġġuri: Moviment 26 ta' Lulju, Partit Maqgħud tar-Rivoluzzjoni Soċjalista Kubana [1], Armata għall-Ħelsien Nazzjonali (Bolivja)

Ernesto Guevara magħruf aħjar bħala Ernesto Che Guevara, Che Guevara jew sempliċiment, iċ-Che (Rosario, 14 ta' Ġunju,[2] 1928 – La Higuera, 9 ta' Ottubru, 1967) kien rivoluzzjonarju u gwerillier Arġentin.

Il-laqam "Che" ingħatalu mill-ġellieda Kubani sħabu fil-Messiku, u ġej mill-fatt li huwa, bħall-Arġentini kollha, ilissen ta' spiss il-lokuzjoni "che". Il-kelma ġejja mil-lingwa Mapuche u tfisser "raġel", "perusna", u din daħlet fl-Ispanjol mitkellem fl-Arġentina u l-Urugwaj biex tiġbed l-attenzjoni ta' interlokutur, jew ġeneralment, bħala mod ta' esklamazzjoni simili għal "ej!". Guevara kien membru tal-Moviment 26 ta' Luju li, wara s-suċċess tar-Rivoluzzjoni Kubana, ġie maħtur bħala l-gvern il-ġdid, u kien l-iktar persuna b'saħħitha wara Fidel Castro. Wara l-1965, telaq minn Kuba sabiex "jesporta r-rivoluzzjoni", l-ewwel fl-eks Kongo Belga (illum ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo), u iktar tard il-Bolivja. Fit-8 ta' Ottubru, 1967 ġie ferut u maqbud minn grupp anti-gwerilla tal-eżerċtu Bolivjan - assistit mill-forzi speċjali Statunitensi tas-CIA - f'La Higuera, fil-provinċja ta' Vallegrande (dipartiment ta' Santa Cruz). L-għada, ġie maqtul fi skola tal-villaġġ. Il-kadavru tiegħu - wara li kien espost għall-pubbliku f'Vallegrande - indifen f'post sigriet u ġie misjub minn missjoni ta' antropoloġi forensiċi Arġentini u Kubani, awtorizzati mill-Gvern Bolivjan ta' Sanchez de Lozada, fl-1997. Minn dakinhar, il-fdalijiet tiegħu tpoġġew fil-Mażolew ta' Santa Clara ta' Kuba.

Noti u referenzi

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ Partido Unido de la Revolución Socialista de Cuba, aka PURSC
  2. ^ Id-data tat-twelid hekk kif imniżżla fiċ-ċetifikat tat-twelid tiegħu hija dik tal-14 ta' Ġunju, 1928, għalkemm fonti oħra, (Julia Constenla, ikkwotata minn Jon Lee Anderson), jisħqu li iċ-Che propjament twieled nhar l-14 ta' Mejju tal-istess sena. Constenla tallega li hi ġiet imnebbħa minn astrologu mhux identifikat li omm iċ-Che, Celia de la Serna, kienet diġà tqila meta hi u Ernesto Guevara Lynch żżewwġu u li d-data fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta' binhom ġiet falsifikata biex jiġi evitat xi skandlu. Għaldaqstant id-data tat-twelid tmexxiet b'xahar 'il quddiem. (Anderson 1997, pp. 3, 769.)