Elf Lejla u Lejla
Elf Lejla u Lejla (bl-Għarbi: كتاب ألف ليلة وليلة Kitāb Alf Lajla wa-Lajla, bil-Persjan: هزار و یک شب Hazār-o Jak Šab) hija ġabra ta’ ħrejjef miġburin matul eluf ta’ snin minn ħafna awturi, tradutturi u studjużi. Dawn il-ħrejjef, li hawnhekk nirreferu għalihom bħala L-Iljieli, għandhom għeruq qodma ġejjin mill-Indja antika, il-Persja antika (l-iktar is-Sassanjan Hazār Afsān, litt. Elf Ħrafa), l-Eġittu antik, il-Mitoloġija tal-Mesopotamja u l-istejjer tradizzjonali Għarab tal-Medjuevu miż-żminijiet tal-Kalifat. Għalkemm qatt ma nstab manuskritt oriġinali bosta verżjonijiet ġejjin miż-żmien meta bdiet il-ġabra bejn it-800 u d-900 AD.
L-edizzjonijiet kollha ta’ L-Iljieli jibdew bir-rakkont tas-sultan Xerijar u martu Xerażad u kollha għandhom il-forma ta’ rakkont ġo rakkont matul il-ħrejjef stess. L-istejjer joħorġu mill-ħrafa oriġinali; xi wħud qegħdin ġo rakkont ta’ ħrejjef oħra, waqt li oħrajn jibdew u jintemmu waħidhom. Xi edizzjonijiet fihom xi ftit mijiet ta’ stejjer u oħrajn fihom 1001 jew iżjed.
Fost l-iżjed stejjer magħrufin f' L-Iljieli hemm Aladin, Ali Baba u l-Erbgħin Ħalliel, u Is-Seba’ Vjaġġi ta’ Sinbad il-Baħri.
L-Iljieli ispiraw lil kompożitur Russu Nikolai Rimski-Korsakov li fl-1888 ikkompona is-suite sinfonika Xerażad, Op. 35. Din fiha erba’ movimenti bbażati fuq erba’ ħrejjef minn L-Iljieli: "Il-baħar u x-xini ta’ Sinbad" "Ir-rakkont tal-prinċep Kalender," "Il-prinċep u l-prinċipessa żagħżagħ" u "Festa f’Bagdad".
Ta’ min isemmi wkoll il-film ta’ Pier Paolo Pasolini, ibbażat fuq L-Iljieli, bl-isem ta’ Il fiore delle mille e una notte li ħareġ fl-1974.
Fil-Qosor
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-rakkont ewlieni hu fuq is-sultan Persjan u l-għarusa tiegħu. Ir-re, Xerijar, meta nduna li martu kienet qed tmur ma' rġiel oħra, ikkundannaha għall-mewt u sar konvint li l-ebda mara m’hi fidila lejn żewġha. Għalhekk beda jiżżewweġ xebba verġni kuljum u jibgħatha għall-mewt l-għada filgħodu. Fl-aħħar il-viżier ma setax isib tfajliet verġni iżjed. It-tifla tal-viżier, Xerażad, offriet li tkun hi l-għarusa li jmiss u missierha kontra qalbu kellu jaqbel. Fil-lejl tat-tieġ, Xerażad, bdiet tirrakkonta storja lir-re imma ma spiċċathiex. Għalhekk is-sultan kellu jżommha ħajja biex ikun jaf kif sejra tintemm il-ħrafa. Il-lejl tal-għada kif spiċċat l-istorja, bdiet oħra imma reġgħet ma temmithiex. U baqgħet sejra hekk għal elf lejl u wieħed.
Il-ħrejjef ivarjaw ħafna: hemm stejjer storiċi, stejjer tal-imħabba, traġedji, kummiedji, poeżija, burlesk u leġġendi reliġjużi Misilmin. Fost l-istejjer irrakkontati minn Xerażad l-iżjed famużi fit-traduzzjonijiet Ewropej huma "Il-Lampa ta’ Aladin", "Sinbad il-Baħri" u l-ħrafa ta’ "Ali Baba u l-Erbgħin Ħalliel". Numru kbir mill-istejjer jiddeskrivu ġinn[1], sħaħar u pajjiżi leġġendarji spiss imħalltin ma’ nies li eżistew veru u ġeografija korretta; il-Kalif storiku Ħarun al-Raxid hu wieħed mill-eroj li jidhru sikwit, kif ukoll dak li suppost kien il-poeta tal-qorti tiegħu, Abu Nuwas, u l-viżier tiegħu, Ġagħfar al-Barmaki. Kultant karattru fi storja ta’ Xerażad jibda jirrakkonta ħrafa lill-karattri oħra hu stess, u dik l-istorja jista’ jkollha oħra fiha. Hekk dan il-metodu ta’ saf fuq saf jagħti struttura narrattiva għanja.
Il-verżjonijiet differenti ivarjaw fid-dettalji tat-tmiem (f’xi wħud Xerażad titlob maħfra, f’xi wħud is-sultan jara t-tfal u jiddeċiedi li ma jibgħatx 'il-mara għall-mewt, u f’oħrajn jiġru xi affarijiet oħra li r-re jinsa) imma kollha jispiċċaw billi r-re jaħfer lill-mara u jħalliha tgħix.
L-idea ta’ suspens tidher li kienet usa’ minn dik tal-letteratura moderna. Waqt li ħafna drabi l-istorja tieqaf meta l-eroj ikun ħa jitlef ħajtu jew f’periklu serju ieħor, f’xi partijiet tat-test komplut, Xerażad tieqaf mir-rakkont f’nofs diskussjoni ta’ xi prinċipju filosofiku astratt jew xi punt kompless tal-filosofija Iżlamika, u f’każ wieħed f’deskrizzjoni dettaljata tal-anatomija umana skont Galen— u fil-każi kollha kellha raġun meta ħasbet li l-kurżità tar-re fuq li jkun imiss ħa tegħlbu u jagħtiha jum ieħor ħajja.
Storja u edizzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Influwenzi tal-bidu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħrejjef nistgħu insibu t-traċċi tagħhom fit-tradizzjonijiet antiki tar-rakkonti tal-Indjani, il-Persjani u l-Għarab.[2] Ħafna stejjer mill-folklor tal-Indja u l-Persja jimxu id f'id mal-ħrejjef [3] kif ukoll xi stejjer Lhudin.[4]
Dawn il-ħrejjef aktarx kienu jiċċirkulaw qabel ma nġabru u ġew kodifikati f’kollezzjoni waħda. Dan ix-xogħol imbagħad għaġnuh iżjed il-kopisti, narraturi u studjużi u sas-seklu 15 kien evolva fi tliet saffi ta’ rakkonti :[2]
1) Ħrejjef Persjani influwenzati mill-folklor Indjan u maqlubin għall-Għarbi sas-seklu 10.[2]
2) Stejjer dokumentati f’Bagdad matul is-seklu 10.[2]
3) Folklor Eġizzjan medjovali.[2]
Il-folklor Indjan jidħol bħala ċerti stejjer tal-annimali, li jirriflettu l-influwenza tal-ħrejjef antiki bis-Sanskrit, l-iżjed l-influwenza tal-ġabriet ta’ Bajtal Paċisi.[5] Ġataka hi kollezzjoni ta’ 547 storja, li l-biċċa l-kbira huma ħrejjef morali b’għan etiku. Il-Ħrafa tal-Gendus u l-Ħmar u Il-Ħrafa tal-Merkant u Martu jinstabu fl-storja ewlenija tal-Ġakata u ta’ L-iLjieli.[6]
L-influwenza tal-folklor ta’ Bagdad titfaċċa fil-ħrejjef tal-kalifi Abbasid; l-influwenza Kajrija tidher fil-Maruf l-iskarpan. Stejjer bħal Iram tal-kolonni huma imsejsin fuq leġġendi pre-Iżlamiċi tal-peniżola Għarbija; jintużaw temi mill-ħrafa antika mill-Mesopotamja ta’ Gilgamex. Jista' jkun ukoll li hemm xi influwenzi Griegi.[7]
Verżjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel verżjoni Ewropeja tal-Ktieb ta’ Elf Lejla u Lejla kienet it-traduzzoni għall-Franċiż ta’ Antoine Galland minn test Għarbi u sorsi oħra.[3] Dan il-kieb fi 12-il volum, Les Mille et une nuits, contes arabes traduits en français ("Elf Lejla u Lejla, Ħrejjef Għarbin maqlubin għall-Franċiż"), kien fih stejjer li ma kinux fil-manuskritt oriġinali Għarbi. "Il-Lampa ta’ Aladin" u "Ali Baba u l-Erbgħin Ħalliel" jidhru għall-ewwel darba fit-traduzzjoni ta’ Galland u ma jinstabu fl-ebda manuskritt oriġinali. Hu qal li semagħhom minn “Hanna”, narratur Sirjan Nisrani, studjuż Maronit minn Aleppo. Il-verżjoni ta’ Galland ta’ L-Iljieli kellhom popolartità kbira mal-Ewropa kollha u l-verżjonjiet ta’ wara nkitbu mill-edituri ta’ Galland mingħajr il-premess tiegħu.
Kien hemm traduzzjoni għall-Ingliż magħrufa ħafna minn Sir Richard Francis Burton, imsemmija The Book of the Thousand Nights and a Night (1885). Kontra l-edizzjonijiet ta’ qabel din it-traduzzjoni f’għaxar volumi ma tnaddfitx. Għalkemm ħarget fiż-żmien ir-Reġina Vittoria żammet it-tonijiet erotiċi tal-materjal oriġinali mimli immaġini sesswali u allużjonijiet pederasti miżjudin bħala appendiċi għall-istorja prinċipali minn Burton. Dan skappa l-liġijiet stretti Vittorjani fuq materja oxxena billi ippublika edizzjoni privata għall-abbonati biss minflok ktieb għall-pubbliku. Wara l-ewwel għaxar volumi oriġinali ħareġ sitta oħra bit-titlu The Supplemental Nights to the Thousand Nights and a Night, li dehru bejn l-1886 u l-1888.
Fost il-verżjonijiet riċenti ta’ L-Iljieli hemm dik tat-tabib Franċiż, J. C. Mardrusu, u, ta’ min jinnotha, edizzjoni kritika bl-Għarbi minn Muhsin Mahdi bbażata fuq il-manuskritt Sirjan tas-seklu 14 li jinstab fil-Bibliothèque Nationale, Pariġi.
Fl-2005, l-studjuż Brażiljan, Mamede Mustafa Jarouche, beda jippubblika bil-Portugiż traduzzjoni preċiża tax-xogħol, ibbażata fuq analisi komparattiva ta’ sensiela ta’ bosta manuskritti Għarbin. L-ewwel żewġ volumi mill-ħamsa jew sitta ppjanati, diġà ħarġu. Dawn huma ibbażati fuq il-fergħa Sirjana tal-ktieb. Il-bqija tal-volumi sejrin ikunu traduzzjoni tal-fergħa ta’ iżjed tard Eġizzjana.[8]
Kronoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-istudjużi ġabru kronoloġija tal-istorja tal-publikazzjoni ta’ L-Iljieli: [9][10]
- L-eqdem manuskritti Għarbin (ftit paġni miktubin bl-idejn) mis-Sirja ġejjin mill-bidu tas-seklu 9 misjubin mill-istudjuż Nabia Abbott fl-1948.
- Is-seklu 10 — It-tieni l-eqdem referenza għal L-Iljieli f’ Muruġ Al-Dhahab (Marġ tad-Deheb) minn Al-Masudi.
- Is-seklu 11 — Issemma l-isem oriġinali Persjan ta’ Elf Lejla u Lejla minn Qatran Tabriżi f’dan id-distiku bil-Persjan:
هزار ره صفت هفت خوان و رويين دژ
فرو شنيدم و خواندم من از "هزار افسان
Elf darba stejjer fuq Rujin Dezh u Haft Khān
Smajt u qrajt fil-Hezār Afsān (litterament: Elf Ħrafa).
- Is-seklu 14 — Inkiteb il-manuskritt Sirjan li qiegħed fil-Bibliothèque Nationale, Pariġi (fih xi 300 ħrafa).
- 1704 — It-traduzzjoni Franċiża ta’ Antoine Galland hi l-ewwel verżjoni Ewropea ta’ L-Iljieli. Ħarġu volumi oħra taħt l-isem ta’ Galland imma l-istejjer inkitbu minn nies mhux magħrufa bit-talba tal-edituri li riedu li jagħmlu kapital mill-popolarità tal-kollezzjoni.
- 1706 — Verżjoni anonima bl-Ingliż tidher fl-Ewropa mlaqqma l-verżjoni ta’ "Grub Street".
- 1775 — Hermann Zotenberg ħareġ verżjoni Eġizzjana ta’ L-Iljieli b’200 ħrafa (ma’ baqgħet teżisti l-ebda edizzjoni).
- 1814 — Calcutta I, l-eqdem verżjoni Għarbija stampata li teżisti, ippubblikata mill-British East India Company. Volum ieħor ħareġ fl-1818. It-tnejn kellhom 100 ħrafa kull wieħed.
- 1825-1838 — Toħroġ l-edizzjoni bl-Għarbi ta’ Breslau/Habicht fi tmien volumi. Christian Maxmilian Habicht (mwieled Breslau, il-Ġermanja, 1775) ikkollabora mat-Tunisjan Murad Al-Naġġar biex joħloq 1001 storja. Bl-użu ta’ verżjonijiet ta’ L-Ilieli, ħrejjef minn Al-Naġġar, u stejjer oħra minn sorsi mhux magħrufa, Habicht ippubblika l-verżjoni tiegħu bl-Għarbi u l-Ġermaniż.
- 1842-1843 — Erba’ volumi oħra maħruġin minn Habicht.
- 1835 Il-verżjoni Bulaq — Dawn iż-żewġ volumi maħruġa mill-gvern Eġizzjan, huma l-eqdem verżjoni ta’ L-Iljieli ippubblikata (minn dar editorjali) barra l-Ewropa. Din għandha ftit jew wisq l-istess test ta' Hermann Zotenberg.
- 1839-1842 — Ippubblikata Calcutta II (4 volumi). Din tafferma li hi bbażata fuq manuskritti eqdem Eġizzjani (li qatt ma nstabu) u fiha elementi u stejjer mill-edizzjoni ta’ Habicht.
- 1838 — Verżjoni Torrens bl-Ingliż.
- 1838-1840 — Edward William Lane jippubblika traduzzjoni bl-Ingliż. Lane naddaf L-Iljieli minn dak kollu li hu ħaseb li kien "immorali" u ta noti antropoloġiċi fuq id-drawwiet Għarab.
- 1882-1884 — John Payne ippubblika verżjoni Ingliża tradotta kompletament minn Calcutta II, b’żieda ta’ xi ħrejjef minn Calcutta I u Breslau.
- 1885-1888 — Sir Richard Francis Burton jippubblika verżjoni Ingliża minn sorsi diversi. Il-verżjoni tiegħu enfasizzat is-sesswalità tal-istejjer vis-à-vis it-traduzzjoni mnaddfa ta’ Lane.
- 1889-1904 — J. C. Mardrus jippubblika verżjoni Franċiża ibbażata fuq l-edizzjonijiet Bulaq u Calcutta II.
- 1984 — Muhsin Mahdi jippubblika traduzzjoni bl-Għarbi u jsostni li mexa eżatt ħafna ma’ l-eqdem verżjonijiet Għarbin li baqa’.
Noti
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ plural ta' "ġinni"
- ^ a b ċ d e Zipes, Jack David; Burton, Richard Francis (1991). The Arabian Nights: The Marvels and Wonders of the Thousand and One Nights pġ 585. Signet Classic
- ^ a b Jacob W. Grimm (1982). Selected Tales pġ 19. Penguin Classics
- ^ Sorsi Lhudin
- ^ Burton, Richard F. (2002). Vikram u l-Vampir Jew il-Ħrejjef tax-Xjaten Induiżi pġ xi. Adamant Media Corporation
- ^ Irwin, Robert (2004). The Arabian Nights: A Companion pġ 65. Tauris Parke Paperbacks
- ^ Pinault, David (1992). Story-Telling Techniques in the Arabian Nights pġ 5. Brill Academic Publishers
- ^ (PT) Cristiane Capuchinho, Lançada a primeira tradução do árabe d'As Mil e Uma Noites, USP Online, Universidade de São Paulo, 6 ta' Mejju, 2005. Aċċess fuq l-internet, 12 ta’ Novembru, 2006.
- ^ Dwight Reynolds. "The Thousand and One Nights: A History of the Text and its Reception." The Cambridge History of Arabic Literature: Arabic Literature in the Post-Classical Period. Cambridge UP, 2006.
- ^ Irwin, Robert. The Arabian Nights: A Companion. Tauris Parke, 2004.