Aqbeż għall-kontentut

Deżert ta' Lut

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kastelli naturali tar-ramel f'Dasht-e Lut qrib Kerman, l-Iran.

Id-Deżert ta' Lut, magħruf ukoll bħala Dasht-e Lut (bil-Persjan: دشت لوت; li tfisser "Pjanura Vojta"), huwa deżert kbir tal-melħ li jinsab fil-provinċji ta' Kerman u ta' Sistan-Baluchestan, l-Iran. Huwa t-33 l-ikbar deżert fid-dinja u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-17 ta' Lulju 2016.[1] L-isem bil-Persjan huwa magħmul minn "Lut" li tfisser "għeri" jew "vojt", u "dasht" li tfisser "pjanura".[2][3][4][5][6] It-temperatura f'wiċċ ir-ramel tad-deżert tilħaq saħansitra 70.7 °C (159.3 °F),[7][8] u b'hekk id-deżert huwa wieħed mill-iżjed postijiet nexfin u sħan fid-dinja.[9]

L-Iran klimatikament huwa parti mill-medda Afro-Asjatika ta' deżerti, estiża mill-Mauritanja sal-Mongolja. B'mod parallel mal-katina muntanjuża, hemm roqgħa twila u b'kulur ċar, li hija l-iżjed lag niexef fit-Tramuntana tad-deżert, estiż lejn in-Nofsinhar għal 300 kilometru (190 mil).

Il-ġeografija tal-Iran tikkonsisti minn promontorju mdawwar bil-muntanji u maqsum f'baċiri tad-drenaġġ. Dasht-e Lut huwa wieħed mill-ikbar fost dawn il-baċiri tad-deżert. Huwa twil 480 kilometru (300 mil) u wiesa' 320 kilometru (200 mil),[10] u jitqies bħala wieħed mill-iżjed postijiet nexfin fid-dinja.[11][12][13]

Formazzjonijiet tal-art, magħrufa bħala yardang, fid-Deżert ta' Lut, l-Iran.

L-erja tad-deżert hi madwar 51,800 kilometru kwadru (20,000 mil kwadru), l-ikbar fl-Iran wara Dasht-e Kavir. Matul l-istaġun tax-xita fir-rebbiegħa, l-ilma jinżel għal żmien qasir mill-muntanji ta' Kerman, iżda malajr jinxef, u jħalli warajh blat, ramel u melħ biss.[14]

Il-parti tal-Lvant ta' Dasht-e Lut hija promontorju baxx miksi minn meded ċatti tal-melħ bl-iżjed elevazzjonijiet baxxi, madwar 110 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar (30.398609 N, 58.493041 E). B'kuntrast ma' dan, iċ-ċentru ġie skolpit mir-riħ f'sensiela ta' rdumijiet u fniedaq paralleli, estiżi għal iktar minn 150 kilometru (93 mil) u li jilħqu għoli sa 75 metru (246 pied). Din iż-żona hija mimlija bix-xquq u bl-għerien taħt l-art bis-soqfa sfrundati. Fix-Xlokk hemm medda enormi tar-ramel, bħal meded bid-duni tas-Saħara, b'duni għoljin sa 300 metru (980 pied), fost l-ogħla fid-dinja.

Skont studju partikolari, iktar minn nofs is-superfiċe tad-deżert hu miksi bil-blat vulkaniku. Matul il-perjodi tal-eqqel sħana, wieħed jista' josserva d-depożiti minerali sedimentarji.

Għall-ħabta tal-2500 Q.K., fl-inħawi ffjorixxiet ċivilizzazzjoni. Il-belt antika ta' Shahdad kienet tinsab fit-tarf tal-Punent tad-Deżert ta' Lut. Fuq in-naħa tal-Lvant, kien hemm il-belt antika kbira ta' Shahr-i-Sokhta.

L-inħawi tad-Deżert ta' Lut huma reġjun importanti għall-arkeoloġija Iranjana. Dan l-aħħar twettaq stħarriġ arkeoloġiku estensiv man-naħa tal-Lvant tal-katina muntanjuża ta' Kerman u qrib it-tarf tal-Punent tad-Deżert ta' Lut. B'riżultat ta' dan, ġew identifikati 87 sit tal-qedem li jmorru lura għall-ħames millenju Q.K. sal-perjodu Iżlamiku Aħħari. 23 minn dawn is-siti ġew assenjati għall-perjodu Kalkolitiku u għal Żmien il-Bronż.[15]

L-iżjed wiċċ tal-art sħun fid-dinja

[immodifika | immodifika s-sors]
L-iżjed post sħun fid-dinja.

L-Ispettroradjometru tal-Immaġnijiet b'Riżoluzzjoni Moderata li ġie installat fuq is-satellita Aqua tan-NASA rreġistra li mill-2003 sal-2010 l-iżjed wiċċ tal-art sħun fid-dinja kien dak ta' Dasht-e Lut, b'temperaturi f'wiċċ l-art li jilħqu saħansitra 70.7 °C (159.3 °F), għalkemm it-temperatura tal-ajru hija inqas sħuna.[16][17] Il-preċiżjoni tal-kejliet tvarja bejn 0.5 K u 1 K.[18][19] Madankollu, fl-1972, it-temperatura ta' wiċċ l-art fil-Qala tal-Forn (bl-Ingliż: Furnace Creek) fil-Wied tal-Mewt (bl-Ingliż: Death Valley), California, l-Istati Uniti laħqet 201 °F (94 °C).

L-iżjed parti sħuna ta' Dasht-e Lut hi Gandom Beryan, promontorju kbir miksi bil-lava skura, b'erja ta' madwar 480 kilometru kwadru (190 mil kwadru). Skont leġġenda lokali, l-isem (bil-Persjan: گندم بریان; li tfisser "qamħ mixwi") oriġina minn aċċident fejn qatta qamħ tħalla fid-deżert u fi żmien ftit jiem inxtewa bis-sħana.[20]

Veduta tar-reġjun ta' Namak-Zar f'Dasht-e-Lut, mill-ispazju.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Deżert ta' Lut ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Lut Desert". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-28.
  2. ^ "معنی لوت | فرهنگ فارسی معین | واژه‌یاب". واژه یاب (bil-Persjan). Miġbur 2023-12-28.
  3. ^ "معنی لوت 2 | لغت‌نامه دهخدا | واژه‌یاب". واژه یاب (bil-Persjan). Miġbur 2023-12-28.
  4. ^ "معنی لوت 4 | لغت‌نامه دهخدا | واژه‌یاب". واژه یاب (bil-Persjan). Miġbur 2023-12-28.
  5. ^ "کویر لوت - معنی در دیکشنری آبادیس". abadis.ir. Miġbur 2023-12-28.
  6. ^ "لوت - معنی در دیکشنری آبادیس". abadis.ir. Miġbur 2023-12-28.
  7. ^ Mildrexler, D.; M. Zhao; S. W. Running (October 2006). "Where Are the Hottest Spots on Earth?". EOS. 87 (43): 461, 467.
  8. ^ Mildrexler, D.; M. Zhao; S. W. Running (2011). "Satellite Finds Highest Land Skin Temperatures on Earth". Bull. Amer. Meteor. Soc. 92 (7): 850–860.
  9. ^ Sand-boarding.com (2022-06-13). "The hottest desert in the world is Iran's Dasht-e Lut". Surf the Sand (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-28.
  10. ^ Scheffel, Richard L.; Allen, Oliver E.; Reader's Digest Association, ed. (1980). Reader's Digest natural wonders of the world. Pleasantville, N.Y: Reader's Digest Association.
  11. ^ "Satellites seek global hot spots". Christian Science Monitor.
  12. ^ Williams, Matt (2015-09-17). "Planet Earth" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-28.
  13. ^ "Images Of The Day - Hottest Spot on Earth - Earth Images - redOrbit". web.archive.org. 2008-12-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-01. Miġbur 2023-12-28.
  14. ^ Wright, John W., ed. (2006). The New York Times Almanac (2007 ed.). New York, NY: Penguin Books. p. 456. ISBN 978-0-14-303820-7.
  15. ^ Eskandari, N., Mollasalehi, H. (2017). Prehistoric Settlement Trends on the West of Lut Desert, Southeastern Iran. Journal of Archaeological Studies, 8(2), 1-15.
  16. ^ "The Hottest Spot on Earth". earthobservatory.nasa.gov (bl-Ingliż). 2006-11-24. Miġbur 2023-12-28.
  17. ^ "Iran Meteorological Organization". web.archive.org. 2004-12-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-12-13. Miġbur 2023-12-28.
  18. ^ "MODIS Web". modis.gsfc.nasa.gov. Miġbur 2023-12-28.
  19. ^ "Zhengming Wan (April 1999) MODIS Land-Surface Temperature Algorithm Theoretical Basis Document" (PDF).
  20. ^ "A Journey To Earth's Hottest Point". www.iranreview.org.