Aqbeż għall-kontentut

Casco Viejo (Panama)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Casco Viejo, il-Panama)
Casca Viejo, il-Panama

Casco Viejo (li litteralment tfisser "Kwartier Antik" jew "Distrett Storiku"), magħruf ukoll bħala Casco Antiguo jew San Felipe, huwa distrett storiku tal-Belt tal-Panama, il-belt kapitali tal-Panama. Maħluq u insedjat fl-1673, id-distrett storiku nbena wara l-qerda kważi totali tal-Belt tal-Panama oriġinali, Panamá Viejo, fl-1671, meta din ġiet attakkata mill-pirati. Id-distrett tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Mappa tal-1789

Il-Belt tal-Panama ġiet stabbilita fil-15 ta' Awwissu 1519 u damet teżisti għal 152 sena. F'Jannar 1671, il-Gvernatur Juan Perez de Guzman taha n-nar, qabel l-attakk kontriha u s-serq tar-rikkezzi tagħha mill-furban Henry Morgan. Fl-1672, Antonio Fernández de Córdoba beda l-kostruzzjoni ta' belt ġdida, li mbagħad ġiet stabbilita fil-21 ta' Jannar 1673. Din il-belt inbniet fuq peniżola iżolata għalkollox mill-baħar u b'sistema difensiva ta' swar.[2] Illum il-ġurnata dan is-sit jippreserva l-ewwel istituzzjonijiet u binjiet tal-belt moderna ta' Panama u huwa magħruf bħala Casco Viejo.

F'dawn l-aħħar snin, Casco Viejo — permezz tal-ġentrifikazzjoni[3] — saret attrazzjoni turistika mimlija ristoranti, lukandi u nightclubs; filwaqt li ġew ippreservati wkoll il-bosta siti storiċi li għandha x'toffri.[4]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Pjazza tal-Indipendenza

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Panamá Viejo u d-Distrett Storiku ta' Casco Viejo ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997. Fl-2003 saru xi modifiki minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Il-Knisja ta' San Franġisk t'Assisi

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Katidral Metropolitan huwa l-knisja Kattolika prinċipali tal-Belt tal-Panama.
  • El Palacio de las Garzas huwa l-uffiċċju tal-gvern u r-residenza tal-President tal-Panama.
  • Il-Knisja u l-Kunvent ta' San Franġisk t'Assisi.
  • Il-Knisja ta' San José.
  • Il-Knisja ta' La Merced.
  • Il-Knisja u l-Kunvent ta' San Duminku: Arco Chato.
  • Il-Knisja u l-Kunvent tal-Ġiżwiti.
  • Il-Palazz Muniċipali li jmur lura għall-bidu tas-seklu 20.
  • Il-Palazz Nazzjonali.
  • It-Teatru Nazzjonali tal-Panama.
  • Il-Mużew tal-Kanal tal-Panama.
  • Il-Palazz Bolívar.
  • Id-Dar ta' Góngora.
  • Il-Pjazza Bolívar.
  • Il-Pjazza Herrera.
  • Il-Pjazza ta' Franza.
  • Il-Pjazza tal-Indipendenza.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Panamá Viejo and Historic District of Panamá". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
  2. ^ Castillero, Alfredo (2004). UNESCO Guides: Panamá la Vieja and Casco Viejo. UNESCO Publishing. ISBN 92-3-103923-7.
  3. ^ "The Gentrification of Casco Viejo, Panama – Salt Trails". salttrails.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-16. Miġbur 2022-08-21.
  4. ^ "Bienvenida!". web.archive.org. 2015-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-02-15. Miġbur 2022-08-21.