Carmel Bonavia

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Carmel Bonavia
Ħajja
Twelid Ħaż-Żabbar, 17 Lulju 1929
Nazzjonalità Malta
Mewt 4 Novembru 2017
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni storiku
għalliem
kuratur
kittieb

Carmel Bonavia (Żabbar, 17 ta' Lulju 1929 – 4 ta' Novembru 2017) kien storiku.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li attenda l-Liċeo kompla l-istudji tiegħu f’St Michael’s Training College minn fejn iggradwa bħala għalliem tal-Istorja. Huwa ssokta l-istudji tiegħu fl-Università Rjali ta’ Malta minn fejn kiseb diploma fis-Soċjoloġija u ċertifikat fl-Istudji Biblijotekarji.

Għalliem[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1948 beda jgħallem il-Malti u l-Istorja fl-iskejjel sekondarji (1959-1991). Karmenu Bonavia okkupa diversi karigi fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u wara l-ħatra tiegħu bħala kap ta’ skola kien ukoll Kap tad-Dipartiment tal-Istorja kif ukoll taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Istudji Soċjali (1975-1986).

Storiku[immodifika | immodifika s-sors]

Karmenu kiteb bosta studji dwar l-istorja u l-iżvilupp tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja u tas-Santwarju tagħha f’Ħaż-Żabbar. Waqqaf l-ewwel Wirja Dokumentarja dwar Mikiel Anton Vassalli f’Ħaż-Żebbuġ (1979). Organizza wirja oħra fil-Biblijoteka Nazzjonali b’dokumenti oriġinali (1993) u oħra fil-Biblijoteka tal-Università ta’ Malta fl-2004 mat-tnedija ta’ Dawl ġdid fuq Vassalli (ed. Dr Olvin Vella).

Fl-1979 ħa ħsieb wirja dwar l-istorja tat-textbooks f’Malta li tagħha wkoll xandar Bibliography of Maltese Textbooks 1651-1979. Wirjiet oħra taħt il-kura ta’ Karmenu kienu fuq Dun Karm, l-Indipendenza, Malta Matul iż-Żminijiet, Ġ.P.F. Agius de Soldanis u Mons. Arthur Bonnici. Huwa magħruf ukoll għar-riċerka estensiva b’rabta ma’ raħal twelidu u l-istorja tal-posta u ppubblika għadd sabiħ ta’ artikli fil-ġurnali lokali dwarhom.

Għal bosta snin fittex bir-reqqa f’diversi arkivji Maltin tal-Istat u tal-Knisja u ta’ barra biex xandar għadd ta’ artikli storiċi dwar Vassalli fosthom: F’għeluq il-200 sena mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli (1964), M.A. Vassalli’s Commercial Activities (1988), Mikiel Anton Vassalli: A Pictorial Bibliography (1993), M.A. Vassalli: An Unfortunate Patriot (1994), Mikiel Anton Vassalli: The Sick Prisoner (1994), With Vassalli’s Compliments? A finely bound ‘Mylsen’ at the National Library (2004), Ix-Xhieda ta’ Vassalli fil-Wirjiet (2004), How Vassalli lost his Library (2006).

Karmenu Bonavia kien il-kuratur tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar u membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), tal-Malta Historical Society kif ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni tal-Libreriji. Huwa kien membru onorarju tal-Akkademja tal-Malti. Fost il-pubblikazzjonijiet tiegħu nsibu (flimkien ma’ Joe Mallia) iċ-charts tal-Prehistory, The Phoenicians u The Romans in Malta u l-ktieb L-Avukat Giuseppe Elia Pace 1742-1820 – Ħabib ta’ M.A. Vassalli f’Ruma (KKM, 2014).