Bryggen

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bryggen f'Bergen, mibni wara l-1702.

Bryggen (li tfisser il-"moll"), magħruf ukoll bħala Tyskebryggen (bin-Norveġiż: [ˈtʏ̀skəˌbrʏɡːn̩], li tfisser il-"moll Ġermaniż"), huwa għadd ta' binjiet kummerċjali Anseatiċi maġenb xulxin fin-naħa tal-Lvant tal-port ta' Vågen fil-belt ta' Bergen, in-Norveġja. Bryggen tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.

Il-belt ta' Bergen ġiet stabbilita għall-ħabta tal-1070 fi ħdan il-konfini ta' Tyskebryggen. Għall-ħabta tal-1350, Kontor tal-Lega Anseatika ġie stabbilit hemmhekk, u Tyskebryggen sar iċ-ċentru tal-attivitajiet kummerċjali Anseatiċi fin-Norveġja. Illum il-ġurnata, Bryggen jospita mużewijiet, djar, ħwienet, ristoranti u bars.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Bergen ġiet stabbilita qabel l-1070 W.K.[1] Fil-Medju Evu, l-inħawi ta' Bryggen kienu jinkludu l-binjiet kollha bejn il-baħar u t-triq magħrufa bħala Stretet (Øvregaten), minn Holmen fit-Tramuntana sa Vågsbunnen fin-Nofsinhar. Skont is-Sagas, il-belt ġiet stabbilita fi ħdan dawn l-inħawi.[2]

Waħda mill-iżjed kostruzzjonijiet bikrin tal-moll ġiet datata li tmur lura għall-ħabta tal-1100, u l-binjiet eżistenti huma ta' data ferm iktar 'il quddiem, fejn Schøtstuene u xi binjiet oħra lejn Julehuset biss huma binjiet oriġinali mill-1702.[3]

Għall-ħabta tal-1350, f'Bryggen ġie stabbilit uffiċċju tal-Lega Anseatika. Filwaqt li r-raħal żviluppa f'ċentru kummerċjali importanti, il-moll ġie mtejjeb u l-binjiet ta' Bryggen b'mod gradwali ttieħdu mill-merkanti Anseatiċi. L-imħażen kienu jintużaw għall-ħżin tal-merkanzija, b'mod partikolari ħut imnixxef, immellaħ u affumikat mit-Tramuntana tan-Norveġja, u ċereali mill-Ewropa.

Fl-1702, il-binjiet tal-Lega Anseatika ġarrbu ħsarat minħabba nar li ħakimhom. Dawn ġew mibnija mill-ġdid, uħud minnhom twaqqgħu, u wħud minnhom inqerdu min-nar. Fl-1754, l-operazzjonijiet tal-uffiċċju f'Bryggen intemmu, meta l-proprjetajiet kollha ġew ittrasferiti liċ-ċittadini Norveġiżi.

Matul l-istorja, Bergen esperjenzat bosta nirien, peress li l-biċċa l-kbira tad-djar tradizzjonalment kienu jkunu tal-injam.[4] Dan kien il-każ ukoll għal Bryggen, fejn madwar kwart tal-bini eżistenti attwalment inbena wara l-1702, meta l-imħażen antiki tan-naħa tal-moll u l-binjiet amministrattiv inħarqu.[5] Il-kumplament tal-binjiet b'mod predominanti jikkonsistu minn strutturi li nbnew iktar tard, għalkemm hemm xi kantini tal-ġebel li jmorru lura għas-seklu 15.

Partijiet minn Bryggen reġgħu nqerdu bin-nirien fl-1955. Iktar 'il quddiem saru skavi arkeoloġiċi f'perjodu ta' tlettax-il sena, li żvelaw iskrizzjonijiet runiċi dwar ir-rutina ta' kuljum, magħruf bħala iskrizzjonijiet ta' Bryggen.[6] Il-Mużew ta' Bryggen inbena fl-1976 fuq parti mill-inħawi meqruda min-nirien.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika ta' Bryggen.

Bryggen ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[3] Bryggen fiha traċċi ta' organizzazzjoni soċjali u tesprimi l-użu tal-ispazju f'kwartier ta' merkanti Anseatiċi li jmorru lura għas-seklu 14. Huwa tip ta' fondaco tat-Tramuntana, uniku fid-dinja, fejn l-istrutturi baqgħu parti ewlenija mill-pajsaġġ urban u jkattru l-memorja ta' wieħed mill-ikbar portijiet kummerċjali antiki tat-Tramuntana tal-Ewropa.

Fost id-djar notevoli fi Bryggen jinkludu: Bellgården (binja ta' 300 sena)[7], Svensgården, Enhjørningsgården, Bredsgården, Bugården u Engelgården. L-eqdem u l-itwal binja tinsab fl-inħawi tal-Knisja ta' Santa Marija u waħda mit-toroq ewlenin hija Jacobsfjorden. Il-mużewijiet jinkludu l-Mużew ta' Bryggen, il-Mużew Anseatiku u Schøtstuene.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Thorsnæs, Geir (2022-08-27). Bergen – historie (bil-Bokmal Norveġiż). Miġbur 2022-09-22.
  2. ^ Herteig, Asbjørn E. (2020-08-19). Bryggen i Bergen (bil-Bokmal Norveġiż). Miġbur 2022-09-22.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Bryggen". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-22.
  4. ^ Holmboe, Haakon; Salvesen, Helge (2020-08-19). Det tyske kontor (bil-Bokmal Norveġiż). Miġbur 2022-09-22.
  5. ^ Holmboe, Haakon; Salvesen, Helge (2020-08-19). Det tyske kontor (bil-Bokmal Norveġiż). Miġbur 2022-09-22.
  6. ^ Aslak Liestol, The Runes of Bergen: Voices from the Middle Ages, Minnesota History, 40. 2 (1966), pp. 49-58.
  7. ^ Engen, Runa Victoria (2014-01-03). "Et 300 år gammelt puslespill". NRK (bil-Bokmal Norveġiż). Miġbur 2022-09-22.