Berthe Morisot

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Berthe Morisot, pittura ta' Édouard Manet, 1872

Berthe Morisot (14 ta' Jannar 14, 1841 – 2 ta' Marzu 2, 1895) kienet pittriċi u membru taċ-ċirku ta' pitturi f'Pariġi li saru magħrufin bħala l-Impressjonisti. Għal seklu sħiħ ma tantx kienet stmata, forsi għax kienet mara, imma issa saret meqjusa waħda mill-aħjar pitturi Impressjonisti.

Fl-1864, esibiet il-pitturi tagħha għall-ewwel darba, fis-Salon de Paris, li dak iż-żmien kien stmat ħafna. Is-Salon, li kellu l-appoġġ tal-gvern, kien il-wirja uffiċjali ta' kull sena tal-Académie des beaux-arts f'Parġi u l-pitturi murijin fih kienu qabel jiġu ġġudikati mill-akademiċi. Xogħolha ntgħażel għal wirja tas-Salon sitt darbiet war xulxin[1] sa meta fl-1874, ingħaqdet mal-Impressjonisti irrefjutati fl-ewwel esibizzjoni tagħhom li inkludiet, Paul Cézanne, Edgar Degas, Claude Monet, Morisot, Camille Pissarro, Pierre-Auguste Renoir, u Alfred Sisley. Din saret fl-istudju tal-fotografu Nadar.

Édouard Manet kien il-ħabib u l-kollega tagħha u żżewwġet lil ħuħ Eugène.

Edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Berthe Morisot, Il-benniena, 1872, Musée d'Orsay

Morisot twieldet f'Bourges, Cher, Franza minn familja tal-borgeżija tat-tajjeb. Hi u oħta, Edma Morisot, it-tnejn għażlu li jsiru pittriċi. Meta Berthe Morisot kienet iddeċidiet li ssir artista, il-familja tagħha ma għamlulhiex intoppi.

Twieldet minn familja li skont it-tradizzjoni, kellha fostha wieħed mill-pitturi tar-Rokokò l-iżjed prolifiċi, Fragonard[2], li kif kien juża l-kulur, u l-metodu espressiv u żgur li bih kien juża l-pinzell influwenzaw il-pitturi li ġew warajh. Meta għalqet għoxrin sena kienet diġà ltaqgħet u saret ħabiba ta' Camille Corot, pittur importanti tal-veduti tal-Iskola Barbizon, li kellu ħafna sengħa wkoll fil-pittura tal-figura.

Dan il-pittur għallem il-pittura lil Berthe u 'l oħtha u introduċihom ma' pitturi u għalliema oħra. Taħt l-influwenza ta' Corot, Morisot adotat il-metodu ta' plein air fix-xogħol tagħha. Bħala studenti tal-arti, Berthe u Edma kienu jaħdmu fil-qrib flimkien sakemm Edma żżewwġet u kellha t-tfal u ma kellhiex żmien biex tpinġi bl-istess intensità daqs Berthe. L-ittri bejniethom juru li l-aħwa kienu jinħabbu u jenfasizzaw in-niket ta' Berthe dwar il-bogħod bejniethom u l-fatt li Edma kienet telqgħet il-pittura. Edma appoġġat bil-qalb kollha x-xogħol li kienet qiegħda tkompli Berthe u l-familji taż-żewġ aħwa dejjem baqgħu jinġiebu.

Manet u l-impressjoniżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Berthe Morisot, Għalqa bil-qamħ, Musée d'Orsay

Morisot uriet ix-xogħol tagħha fis-Salon de Paris għall-ewwel darba meta kellha tlieta u għoxrin sena fl-1864, meta aċċettawlha żewġ veduti. Baqgħet turi x-xogħol tagħha fis-Salon regolarment, ġeneralment b'reċensjoniet favorevoli, sal-1873, is-sena qabel l-ewwel wirja Impressjonista.

Berthe Morisot, Tifla bil-fardal aħmar, skiċċ

Sadattant, fl-1868 Morisot saret taf lil Édouard Manet. Hu kien iġibha ħafna, kif jidher ċar mill-affett li bih pinġa bosta ritratti tagħha. Fosthom hemm wieħed impressjonanti ta' Morisot liebsa velu iswed (muri fil-bidu tal-artiklu), meta kienet bil-vistu għall-missierha. Il-korrispondenza bejniethom ukoll turi kemm kienu jinġiebu. Darba taha kavallett bħala rigal tal-Milied. Darba oħra għamel xi tibdiliet f'waħda mill-pitturi li kienet issottomettiet għas-Salon meta kien qiegħed jirranġa l-ġarr tagħha. Morisot ma ħaditx pjaċir imma Manet kien għamel hekk għax fehem il-kritika li semagħha tagħmel kontra tagħha stess bħala stedina biex iżid xi korrezzjonijiet hu.

Waqt li tradizzjonalment Manet kien meqjus bħala l-imgħallem u Morisot d-dixxiplu, hemm xhieda li r-relazzjoni bejniethom kienet ta' tnejn indaqs[3]. Morisot kienet żviluppat l-istil artistiku karattereistiku tagħha. Manet kien japprova u japprezza xi deċiżjonijiet ta' stil u kompożizzjoni li ħadet u infatti inkorpora xi wħud minnhom fil-pitturi tiegħu.

Berthe Morisot, Tifla qalb il-ward marbutin mal-qasab, 1881, Wallraf-Richartz Museum, Kolonja

Kienet Morisot li kkonvinċiet lil Manet li jipprova jpinġi fil-beraħ (plein air), kif kienet ilha tagħmel hi minn mindu Corot kien ħajjarha tagħmel hekk[4]. Barra minn hekk daħħlet lil Manet fiċ-ċirku ta' pitturi li ftit wara saru jissejħu Impressjonisti. Fl-1874, Morisot żżewwġet lil Eugene, ħu Manet u kellhom tifla waħda, Julie. Julie Manet kienet is-suġgett ta' ħafna mill-pitturi t'ommha u ktieb bit-tifkiriet tagħha Trobbija mal-Impressjonisti: Id-Djarju ta' Julie Manet, ġie ppublikat fl-1987.

Bħala Impressjonista dommatika u anki membru tal-haute bourgeoisie, Morisot pinġiet l-esperjenzi tagħha tal-ħajja ta' kuljum. Il-pitturi tagħha jirriflettu r-restrizzjonijiet tas-seklu 19 fuq il-klassi u s-sess tagħha. Evitat il-veduti tat-toroq u l-bliet kif ukoll il-figuri għarwenin u, bħall-mara impressjonista l-oħra Mary Cassatt, ikkonċentrat fuq il-ħajja tad-dar u r-riratti li għalihom setgħet tuża l-familja u l-ħbieb personali bħala mudelli. Pitturi bħal Il-Benniena (1872), li fihom naraw il-moda ta' dak iż-żmien fl-għamara tal-kmamar tat-tfal, jirriflettu kemm kienet tgħati każ il-moda u r-riklami, kif kienu jindunaw mill-ewwel il-membri femminili tal-pubbliku. Fix-xogħol tagħha ma nsibux biss veduti, ritratti, ġonna u xeni ta' dgħajjes, imma wkoll suġġetti li juru l-kumdità u l-intimità tal-ħajja tal-familja u d-dar, kif naraw fix-xogħlijiet tal-kollegi tagħha, Pierre-Auguste Renoir u Mary Cassatt.

Berthe Morisot mietet fit-2 ta' Marzu, 1895 f'Pariġi u ndifnet fis-Cimetière de Passy.

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Denvir, 2000, pp. 29-79
  2. ^ Higonnet, p. 5
  3. ^ Turner, 2000, p. 319
  4. ^ [1] Berthe Morisot (1841-1895), Paul van Rensburg Gallery of Art

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Denvir, B. (2000). The Chronicle of Impressionism: An Intimate Diary of the Lives and World of the Great Artists, (Il-Kronaka tal-Impressjoniżmu: Djarju Intimu tal-Ħajjiet u d-Dinja tal-Artisti l-Kbar). Londra: Thames & Hudson. OCLC 43339405
  • Higonnet, Anne (1995). Berthe Morisot. Berkeley: University of California Press. ISBN 0-520-20156-6
  • Turner, J. (2000). From Monet to Cézanne: late 19th-century French artists, (Minn Monet għal Cézanne: Artisti Franċiżi ta' tard fis-Seklu 19). Grove Art. New York: St Martin's Press. ISBN 0-312-22971-2
  • Manet, Julie, Rosalind de Boland Roberts, and Jane Roberts. Growing Up with the Impressionists: The Diary of Julie Manet, (Trobbija mal-Impressjonisti: Id-Djarju ta' Julie Manet). Londra: Sotheby's Publications, 1987

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]