Arkitettura Mudéjar ta' Aragona
L-Arkitettura Mudéjar ta' Aragona hija xejra estetika bl-istil Mudéjar f'Aragona, Spanja, u fl-1986 ġiet rikonoxxuta f'għadd ta' binjiet rappreżentattivi bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kronoloġija tal-istil arkitettoniku tal-Mudéjar ta' Aragona tvarja mis-seklu 12 sas-seklu 17 u tinkludi iktar minn mitt monument arkitettoniku li jinsabu l-iktar fil-widien tax-xmajjar Ebro, Jalón u Jiloca.
L-ewwel manifestazzjonijiet tal-istil Mudéjar ta' Aragona għandhom żewġ oriġini: minn naħa, arkitettura ta' palazz marbuta mal-monarkija, li temenda u li testendi l-Palazz ta' Aljafería filwaqt li żżomm it-tradizzjoni ornamentali Iżlamika, u min-naħa l-oħra, tradizzjoni li tiżviluppa l-arkitettura Rumaneska bl-użu tal-brikks minflok il-ġebel u li spiss tinkludi tiżjin b'għeruq Ispaniċi. Eżempji ta' dan tal-aħħar joħorġu fid-dieher fil-knejjes ta' Daroca, li nbdew bil-ġebel u tlestew fis-seklu 13 b'panewijiet tal-brikks bl-istil Mudéjar.
Minn puntdivista strutturali, l-arkitettura Mudéjar ta' Aragona preferibbilment tadotta skemi funzjonali tal-Gotiku taċ-Ċisterċensi, iżda b'xi differenzi. Sikwit ir-riffieda mhumiex preżenti, speċjalment fl-apsidi li b'mod karatteristiku jkollhom pjanta ottagonali b'ħitan ħoxnin li jistgħu jifilħu l-piż mis-saqaf u li jipprovdu l-ispazju biex jispikkaw id-dekorazzjonijiet bil-brikks. Min-naħa l-oħra, ir-riffieda spiss huma karatteristika tan-navati, fejn jaf ikollhom turretti fuqhom, bħal ma joħroġ fid-dieher fl-istil tal-Bażilika tal-Madonna tal-Pilastru. Jaf ikun hemm kappelli laterali li ma jkunux ovvji minn barra. Il-knejjes fil-viċinati (bħal dik ta' San Pablo ta' Zaragoza) jew fl-irħula ż-żgħar normalment ma jkollhomx korsiji, iżda spazji għal artali addizzjonali permezz ta' kappelli bejn ir-riffieda tan-navati. F'dawn il-kappelli laterali spiss ikun hemm gallerija msaqqfa jew ándite (mogħdija għall-mixi), bi twieqi li jagħtu għal barra u fuq ġewwa tal-binja. Dan l-istil partikolari ġieli jwassal biex il-knejjes jissejħu knejjes-fortizzi. Eżempju ta' dan il-prototip hija l-knisja ta' Montalbán.
Tipikament it-torrijiet tal-kampnari jkollhom żvilupp ornamentali straordinarju. L-istruttura oriġinali tkun intirtet minn minaret Iżlamiku: kwadrangolari b'pilastru ċentrali bi spazju mimli b'garigor taraġ b'volti ta' approssimazzjoni, bħal fil-każ tal-minareti tal-Almoħadin. Fuq dan il-qafas, jintrifed it-torri, li normalment ikun poligonali, għalkemm hemm eżempji wkoll ta' torrijiet ottagonali.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Arkitettura Mudéjar ta' Aragona ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986. Inizjalment ġie ddeżinjat il-kumpless tal-arkitettura Mudéjar ta' Teruel biss, iżda mbagħad fl-2001 u fl-2016 is-sit ġie estiż biex jinkludi monumenti oħra tal-arkitettura Mudejar ta' Aragona.[1]
L-iżvilupp tal-arti Mudéjar f'Aragona fis-seklu 12 huwa konsegwenza tal-kundizzjonijiet politiċi, soċjali u kulturali prevalenti fi Spanja wara r-Reconquista. Din l-arti, influwenzata mit-tradizzjoni Iżlamika, tirrifletti wkoll diversi stili Ewropej kontemporanji, b'mod partikolari l-Gotiku. L-istil kien preżenti sal-bidu tas-seklu 17 u huwa kkaratterizzat mill-użu inġenjuż u estremament raffinat tal-brikks u tal-madum igglejżjat fl-arkitettura, speċjalment fit-torrijiet tal-kampnari u fil-koppli tal-knejjes.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Kodiċi | Isem | Post | Sena |
---|---|---|---|
378-001 | Torri, saqaf u koppla tal-Katidral ta' Santa Marija ta' Mediavilla | Teruel | 1986 |
378-002 | Torri u knisja ta' San Pedro | Teruel | 1986 |
378-003 | Torri u knisja ta' San Martín | Teruel | 1986 |
378-004 | Torri u knisja tas-Salvatur | Teruel | 1986 |
378-005 | Apsida, kjostru u torri tal-Colegiata de Santa María | Calatayud | 2001 |
378-006 | Knisja parrokkjali ta' Santa Tecla | Cervera de la Cañada | 2001 |
378-007 | Knisja ta' Santa Marija | Tobed | 2001 |
378-008 | Fdalijiet Mudéjar tal-Palazz ta' Aljafería | Zaragoza | 2001 |
378-009 | Torri u knisja parrokkjali ta' San Pablo | Zaragoza | 2001 |
378-010 | Apsida, koppla u knisja parrokkjali ta' La Seo | Zaragoza | 2001 |
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Gonzalo Borrás Gualis, Mudejar art in Teruel, Teruel Studies Institute, 1990. ISBN 84-86982-22-7.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Mudejar Architecture of Aragon". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-30.