Aqbeż għall-kontentut

Arkata Trijonfali ta' Orange

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Arkata Trijonfali monumentali ta' Orange

L-Arkata Trijonfali ta' Orange (bil-Franċiż: Arc de triomphe d'Orange) hija arkata trijonfali li tinsab fir-raħal ta' Orange fix-Xlokk ta' Franza. Ma hemmx qbil dwar meta nbniet l-arkata[1], iżda hemm riċerka attwali li taċċetta l-kitba mnaqqxa bħala evidenza ta' data matul ir-renju tal-Imperatur Awgustu (27 Q.K.-14 W.K.).[2][3] Inbniet fl-eks via Agrippa sabiex tagħti ġieħ lill-veterani tal-Gwerer Galliċi u lil-Legio II Augusta. Iktar 'il quddiem ġiet rikostruwita mill-Imperatur Tiberju biex jiċċelebra r-rebħiet ta' Germanicus kontra t-tribujiet Ġermaniżi fir-Rheinland.[4] L-arkata fiha kitba mnaqqxa ddedikata lill-Imperatur Tiberju fis-27 W.K.[5] Flimkien mat-Teatru Ruman ta' Orange, l-Arkata Trijonfali tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981 minħabba l-preservazzjoni eċċezzjonali tagħha.[6]

Pittura tal-Arkata Trijonfali fl-1842

L-arkata nbniet fis-swar tar-raħal matul il-Medju Evu sabiex tiddefendi l-punti ta' dħul tat-Tramuntana tar-raħal. L-arkitett Auguste Caristie studja l-arkata u wettaq xogħol ta' restawr fl-aħħar tas-snin 20 tas-seklu 19. Oriġinarjament l-arkata nbniet bl-użu ta' blokok kbar tal-ġebla tal-ġir mingħajr tkaħħil. Fiha tliet ħnejjiet, dik ċentrali ikbar mit-tnejn tal-ġnub. L-istruttura sħiħa hija twila 19.57-il metru, wiesgħa 8.40 metri, u għolja 19.21-il metru. Kull faċċata għandha erba' kolonni Korinzji. L-arkata hija l-eqdem eżempju eżistenti ta' disinn li ntuża iktar 'il quddiem f'Ruma stess, għall-Arkata ta' Septimius Severus u għall-Arkata ta' Kostantinu. It-toqob viżibbli x'aktarx tħallew mill-prattika tas-suldati Medjevali bil-qaws u l-vleġeġ, bi ftit apprezzament għall-arti jew għall-istorja.[7]

Fil-faċċata tat-Tramuntana (li tħares 'il barra), l-arċitravu u l-gwarniċ tal-arkata qegħdin iktar lura biex tħalli spazju għal kitba tal-bronż li ntilfet; tentattivi ta' rikostruzzjoni tat-test mit-tqegħid tal-grampuni għaż-żamma tal-ittri ma rnexxewx.[8] L-arkata hija mżejna b'diversi riljievi ta' temi militari, inkluż battalji navali, oġġetti misruqa fil-gwerra u r-Rumani fil-battalja kontra l-Ġermaniċi u l-Galli. Suldat Ruman b'tarka tal-Legio II Augusta ġie mnaqqax bħala parti mir-riljiev fin-naħa tal-faċċata tat-Tramuntana.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Dettall tat-tiżjin tal-Arkata Trijonfali

It-Teatru Ruman ta' Orange u l-inħawi tiegħu flimkien mal-Arkata Trijonfali ta' Orange ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981. Fl-2007 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[6]

  1. James C. Anderson, Jr., "Anachronism in the Roman Architecture of Gaul: The Date of the Maison Carrée at Nîmes" The Journal of the Society of Architectural Historians 60,1, p. 71.
  2. Pierre Gros, "Pour une chronologie des arcs de triomphe de Gaule narbonnaise", Gallia 37 (1979), pp. 55-83.
  3. Cleere, Henry (2001). Southern France: An Oxford Archaeological Guide. Oxford University Press. pp. 122–123. ISBN 0-19-288006-3.
  4. Cleere, Henry (May 14, 2001). Southern France: An Oxford Archaeological Guide. Oxford University Press. pp. 122–123. ISBN 0-19-288006-3.
  5. 1 2 Bromwich, James (1993). The Roman Remains of Southern France: A Guidebook. Routledge. pp. 183–186. ISBN 0-415-14358-6.
  6. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Roman Theatre and its Surroundings and the "Triumphal Arch" of Orange". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
  7. "Images of the Roman Triumphal Arch at Orange, France". homepages.bluffton.edu. Miġbur 2022-08-21.
  8. R. Amy, P.-M. Duval, J. Formigé, Ch. Picard, and A. Piganiol, L'Arc d'Orange (Pariġi, 1962).