Anfiteatru ta' El Jem
L-Anfiteatru ta' El Jem (bl-Għarbi: قصر الجم, b'ittri Rumani: Qaṣr al-Jamm) huwa anfiteatru ovali fil-belt moderna ta' El Jem (magħrufa wkoll bħala El Djem), it-Tuneżija, li qabel kienet magħrufa bħala Thysdrus fil-provinċja Rumana tal-Afrika. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-anfiteatru nbena għall-ħabta tal-238 W.K. f'Thysdrus, fil-provinċja Rumana tal-Africa Proconsularis li llum il-ġurnata hija El Djem moderna, it-Tuneżija. Huwa wieħed mill-iżjed monumenti Rumani tal-ġebel ippreservati fid-dinja, u huwa uniku fl-Afrika. Bħal anfiteatri oħra fl-Imperu Ruman, inbena għal avvenimenti bl-ispettaturi, u huwa wieħed mill-ikbar anfiteatri fid-dinja. Huwa stmat li kien jesa' 35,000 ruħ, u d-daqsijiet tal-assi kbar u żgħar tiegħu huma 148 metru (486 pied) u 122 metru (400 pied) rispettivament. L-anfiteatru huwa mibni bi blokok tal-ġebel fuq art ċatta u ġie kkonservat b'mod eċċezzjonali.
L-Anfiteatru ta' El Jem huwa t-tielet anfiteatru li nbena fl-istess post. Jingħad li nbena mill-prokonslu lokali Gordjan, li sar l-Imperatur Gordjan II. Fil-Medju Evu, intuża bħala fortizza, u l-popolazzjoni marret tistkenn fih matul l-attakki tal-Vandali fl-430 u tal-Għarab fis-647. Fl-1695, matul ir-Rivoluzzjonijiet ta' Tuneż, Mohamed Bey El Mouradi għamel fetħa f'wieħed mill-ħitan tal-anfiteatru biex iwaqqaf ir-reżistenza tas-segwaċi ta' ħuh Ali Bey al-Muradi li nġabru fl-anfiteatru.
Huwa maħsub li l-anfiteatru kien jintuża għall-manifattura tan-nitrat tal-potassju fl-aħħar tas-seklu 18 u fis-seklu 19. Għall-ħabta tal-1850, il-fetħa fil-ħitan tal-anfiteatru twessgħet minn Ahmad I ibn Mustafa sa bejn wieħed u ieħor 30 metru (98 pied). Fit-tieni nofs tas-seklu 19, l-istruttura ntużat għall-ħwienet, għall-abitazzjonijiet u għall-ħżin tal-qmuħ.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Anfiteatru ta' El Jem ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Fil-kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]L-anfiteatru deher f'films bħal Monty Python's Life of Brian u f'sensiliet televiżivi bħal Long Way Down.
Il-kumpanija Amerikana tal-ħwejjeġ sportivi Nike użat dan is-sit fl-1996 biex taħdem reklami kummerċjali msejjaħ "It-Tajjeb kontra l-Ħażin", fejn intweriet logħba tal-futbol bi stil tal-gladjaturi fl-anfiteatru Ruman. Plejers tal-futbol minn madwar id-dinja, fosthom Eric Cantona, Ronaldo, Paolo Maldini, Luís Figo, Patrick Kluivert u Jorge Campos jiddefendu "l-logħba sabiħa" kontra tim ta' ġellieda mhux sportivi qishom xjaten, u l-logħba tintemm b'Cantona li jirċievi l-ballun mingħand Ronaldo, jgħolli l-għonq tal-flokk kif kien jagħmel tul il-karriera tiegħu, u jgħid "Au Revoir", qabel ma jixxuttja l-ballun fix-xibka tal-lasta mħarsa mill-gowler tat-tim tax-xjaten.
Ir-raba' episodju ta' The Amazing Race 1 intemm fl-anfiteatru.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Amphitheatre of El Jem". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-03.