Aqbeż għall-kontentut

4′33″

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn 4'33")
Il-qoxra tal-manuskritt oriġinali 'Woodstock' maħruġ fl-1952

4′33″ (pronunzjata 'four thirty-three' bl-Ingliż[1], jew 'erba' u tlieta u tletin bil-Malti) hija kompożizzjoni mużikali[2][3] fi tliet movimenti mill-kompożitur esperimentali Amerikan John Cage. Inkitbet fl-1952 għal kwalunkwe strument (jew taħlita ta' strumenti), u l-partitura tidderieġi lill-mużiċist biex tul it-tliet movimenti ma jdoqq xejn. Il-kompożizzjoni tikkonsisti mill-ħsejjes ambjentali li s-semmiegħ jisma' waqt l-eżekuzzjoni[4], għalkemm ta' spiss tiġi meqjusa bħala "erba' minuti u tlieta u tletin sekonda ta' silenzju".[5][6] It-titlu 4'33" jirreferi għat-tul tal-kompożizzjoni f'minuti u sekondi – erba' minuti u tlieta u tletin sekonda.[7]

Kienet konċepita madwar l-1947 jew l-1948, waqt li Cage kien qed jaħdem fuq Sonatas and Interludes[2]. Hija riflessjoni fuq l-influwenza tal-Buddiżmu Żen, li huwa kien studja mill-erbgħinijiet tas-seklu għoxrin.[8] F'intervista fl-1982, u f'diversi okkażżjonijiet oħra, Cage stqarr li 4'33" kienet l-aktar xogħol importanti tiegħu.[9] In-New Grove Dictionary of Music and Musicians tiddeskrivi l-kompożizzjoni bħala "l-aktar biċċa xogħol magħrufa u kontroversjali ta' Cage".[2]

Minħabba li hija magħmula biss minn silenzju, 4'33" tisfida l-idea ta' kompożizzjoni, li tipikament tirreferi għal xogħol mużikali. Filwaqt li wħud isostnu li l-assenza ta' ħoss hija anatema għall-kunċett ta' mużika, Cage xtaq iwassal il-messaġġ li kwalunkwe esperjenza udittiva tista' tintqies bħala mużika[10] u li s-silenzju assolut ma jeżistix, peress li l-ħsejjes ambjentali jistgħu jħallu impatt fuq din l-esperjenza.

L-irwol tas-silenzju fix-xogħol ta' Cage

[immodifika | immodifika s-sors]
John Cage fl-1988

Is-silenzju kellu sehem konsiderevoli fix-xogħlijiet passati ta' Cage. Id-Duet for Two Flutes (1934), komposta meta kellu 22 sena, tiftaħ b'silenzju; barra minn hekk, is-silenzju kien element strutturali importanti fi wħud mis-Sonatas and Interludes (1946-48), Music of Changes (1951) u Two Past Pastorales (1951). Il-Concerto for prepared piano and orchestra (1951) tagħlaq b'silenzju estiż, u Waiting (1952), kompożizzjoni tal-pjanu maħruġa ftit xhur qabel 4'33", tikkonsisti minn perjodi ta' silenzju twal li jiffurmaw frażi waħda t'ostinato. Fid-diski tiegħu The Wonderful Widow of Eighteen Springs (1942) u A Flower (1950), il-pjanist għandu jdoqq 'istrument magħluq', li tinferixxi silenzju.[11]

L-ewwel darba li Cage semma' l-idea ta' kompożizzjoni li tikkonsisti biss minn silenzju kienet waqt lekċer fl-1947 (jew fl-1948) fil-Kulleġġ ta' Vassar, fejn qal lill-udjenza li kellu "bosta ħajriet ġodda"; waħda minnhom kienet:[12]

biex nikkomponi xogħol ta' silenzju assolut u nbigħu lil Muzak Co. Se jkun twil tliet u erba' minuti u nofs – it-tul standard tal- mużika "canned" – u se jkun imsemmi 'Silent Prayer'. Se jiftaħ b'idea waħda u se nipprova nagħmilha seduttiva bħall-kulur, il-forma u l-fwieħa ta' fjura. It-tmiem kważi kważi mhux se jkun jista' jingħaraf.

Madankollu, dak iż-żmien, Cage ħass li idea bħal din ma tinftiehemx f' "kuntest Oċċidentali" u ma riedx jiktibha: "Ma xtaqtx nagħmilha tidher, anke għalija nnifsi, bħala biċċa xogħol faċli jew ċajta. Xtaqt nagħmilha mill-qalb u nħossni komdu biha".[13] Il-pittur Alfred Leslie innota li, darba, Cage kien ippreżenta "diskors ta' minuta ta' silenzju" quddiem tieqa lejn l-aħħar tal-erbgħinijiet tas-seklu għoxrin waqt li żar Studjo 35 tal-Università ta' New York.[14]

Filwaqt li kien pijunier tal-mużika silenzjuża, Cage ma kienx l-ewwel biex jikkomponiha. Oħrajn, speċjalment fl-ewwel parti tas-seklu għoxrin, kienu diġà ħarġu xogħol simili, li possibilment influwenza 'l Cage. Eżempju huwa il-Funeral March for the Obsequies of a Deaf Man (1897) t'Alphonse Allais, li tikkonsisti minn 24 unitajiet vojta.[15] Allais kien ħabib tal-kompożitur Erik Satie[16], u, peress li Cage kien jammira lil Satie, il-Funeral March jaf ħajritu biex jikkomponi 4'33", imma Cage qal li ma kienx konxju t'Allais dak iż-żmien.[17] Kompożizzjonijiet silenzjużi tas-seklu għoxrin – qabel dik ta' Cage – jinkludu l-moviment 'In futurum' mill-Fünf Pittoresken (1919) t'Erwin Schulhoff, magħmula biss minn waqfiet[18] u l-Monotone-Silence Symphony (1949) t'Yves Klein, fejn it-tieni u r-raba' movimenti huma perjodu t'għoxrin minuta ta' skiet.[16]

Influwenzi-motivazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1951, Cage żar il-kamra anekojka tal-Università ta' Harvard. Huwa stenna li se jisma' skiet perfett; minflok, sema' "żewġ ħsejjes: wieħed għoli u l-ieħor baxx. Meta ddeskrivejthom lill-inġinier li kien qed jieħu ħsieb il-post, informani li l-ħoss għoli kien ġej mis-sistema nervuża tiegħi, u dak baxx mid-demm tiegħi jiċċirkola".[19] Cage innota li żar post fejn stenna s-silenzju, imma xorta waħda sema' xi ħaġa: "Sakemm immut se jkun hemm il-ħsejjes. U se jkomplu għaddejjin wara li mmut. Wieħed m'għandux jinkwieta dwar il-futur tal-mużika".[20] Ir-realizzazzjoni, kif raha hu, tal-impossibilità tas-silenzju waslitu biex jikkomponi 4'33".

Influwenza oħra ċitata[13] kienet dik tal-arti viżwali. Fl-1951, Robert Rauschenberg, ħabib ta' Cage, ipproduċa serje ta' tpinġijiet bojod (White Painting). Minkejja li dehru qishom kanvasi vojta (fil-fatt, dawn kienu miżbugħin b'żebgħa bajda), il-kulur tagħhom kien jinbidel skont il-kundizzjonijiet tad-dawl tal-inħawi, id-dellijiet tan-nies, et cetera. Dan ispira lil Cage biex jimplimenta kunċett simili: "Dak li verament ħajjarni [biex nikkomponi 4'33"...] kien l-eżempju ta' Robert Rauschenberg. It-tpinġijiet bojod tiegħu... meta rajthom, għidt 'Iva, għandi bżonn. Inkella naqa' lura, inkella l-mużika taqa' lura'".[21] F'introduzzjoni t'artiklu jismu 'On Robert Rauschenberg, Artist, and His Works', Cage jikteb: "Lil min hu kkonċernat: It-tpinġijiet bojod ġew l-ewwel; ix-xogħol silenzjuż tiegħi ġie wara".[22]

Il-kompożizzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

[Il-membri tal-udjenza] ma fehmux il-punt. M'hemmx ħaġa li tissejjaħ 'silenzju'. Dak li ħasbu li kien silenzju, għax ma kinux jafu kif għandhom jisimgħu, kien mimli b'ħsejjes inċidentali. Stajt tisma' r-riħ ivenven waqt l-ewwel moviment, waqt it-tieni, qtar tax-xita iteptpu mas-saqaf, u waqt it-tielet, in-nies stess għamlu kull tip ta' ħoss interessanti għax tkellmu jew telqu 'l barra. (referenza nru. 9)

– John Cage fuq l-ewwel wirja ta' 4'33"

L-ewwel wirja

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel wirja tat-tliet movimenti ta' 4'33" saret minn David Tudor fid-29 t'Awwissu 1952 fil-Maverick Concert Hall f'Woodstock, New York bħala parti minn esibizzjoni tal-mużika tal-pjanu kontemporanja. L-udjenza ratu jpoġġi mal-pjanu u, biex jindika l-bidu tal-kompożizzjoni, jagħlaq il-latu tal-pjanu. Wara ftit, fetħu biex itemm l-ewwel moviment. Dan seħħ ukoll għat-tieni u t-tielet movimenti. Il-mużiċist esperimentali Paul Hegarty stqarr li 4'33" kellha sehem sħiħ fl-iżvilupp tal-mużika 'noise'[23], u jinnota li s-silenzju stess iħalli impatt: "Is-silenzju tal-pjanist ta' 4'33" jista' jinftiehem bħala s-skiet tradizzjonali tal-udjenza sabiex tapprezza aktar il-mużika li qiegħda tindaqq. Il-mużika nnifisha hija sagrifikata, sagrifikata għall-mużikalità tad-dinja".[24]

Analiżi mużikali

[immodifika | immodifika s-sors]
Eżempju ta' tpinġija awtomatika

Il-mużikologu Richard Taruskin sostna li 4′33″ hija eżempju t'awtomatiżmu surreali. Minn żmien l-Era Romantika, kompożituri ppruvaw jipproduċu mużika li tista' tinfired minn rabtiet soċjali, li tittraxxendi l-limiti tal-ħin u l-ispazju. Fl-awtomatiżmu, kompożituri u artisti jixtiequ jeliminaw l-irwol tagħhom fil-kreazzjoni tax-xogħol, motivat mill-ħsieb li l-awtoespressjoni tinvolvi l-infiltrazzjoni tal-influwenza tal-istandards soċjali – li l-bniedem (inkluż l-artist) ssuġġettat lejhom minn twelidu – fil-verità artistika (il-messaġġ li jixtieq iwassal l-artist). B'hekk, l-uniku mod li s-semmiegħ jista' jikseb il-verità artistika huwa billi l-artist ikun separat mill-kreazzjoni tax-xogħol. F'4′33″, il-kompożitur m'għandux impatt fix-xogħol, għax Cage ma jkunx jista' jikkontrolla l-ħsejjes tal-ambjent li tisma' l-udjenza. Għalhekk, il-kompożizzjoni hija awtomatika peress li l-artist m'għandux sehem fuq kif is-semmiegħ jinterpretaha.[25][26]

4'33" tisfida – anzi, tutilizza għall-estrem – ir-reġimenti soċjali tal-etikett moderna; tesperimenta fuq dawk li jattendu l-kunċert biex twassal punt importanti bla ma jkunu jafu. L-ewwelnett, l-għażla ta' post prestiġġjuż u l-istatus soċjali tal-kompożitur u l-mużiċisti oħra awtomatikament ittella' l-istennija tal-udjenza għal kunċert ta' kwalità. B'hekk, dak li jattendi jkun aktar iffukat, li tagħti l-kompożizzjoni ta' Cage l-istess ammont t'attenzjoni daqs id-Disa' Sinfonija ta' Beethoven.[27] Anke qabel ma jibda l-kunċert, ir-riċeviment tiegħu jkun determinat minn qabel minħabba l-'qagħda' soċjali tiegħu. Barra minn hekk, l-aġir tal-udjenza huwa limitat mir-regoli tal-post u l-etikett; huwa ċert li se tibqa' bilqiegħda u tisma' l-kompożizzjoni, anke jekk din tkun biss ħames minuti ta' skiet totali.

It-tieni punt imwassal minn 4'33" jikkonċerna d-dewmien, li – skont Cage – huwa l-bażi tal-mużika. Dan jissaħħaħ mill-fatt li d-dewmien huwa l-uniku element komuni bejn il-ħoss u s-silenzju. B'hekk, l-istruttura ta' kull xogħol mużikali hija biss sekwenza ta' perjodi ("bramel") tal-ħin.[28] Dawn jistgħu jikkonsistu minn silenzju jew ħoss, u l-għażla bejn liem wieħed minnhom biex jimlew il-bramel tal-ħin ma tagħmilx differenza sabiex ix-xogħol ikun komplut. 4'33" tesibixxi dan il-kunċett b'mod radikali għall-aħħar; Cage isaqsi lill-udjenza: jekk il-bramel tal-ħin huma l-uniċi partijiet tal-kompożizzjoni, xi jżomm lill-kompożitur biex jimlihom kollha b'silenzju?[26]

It-tielet punt huwa li x-xogħol mużikali huwa assessjat u definit mhux biss mill-kontenut, imma wkoll mir-reazzjoni tal-udjenza.[27] Pereżempju, ir-Rit tar-Rebbiegħa t'Igor' Stravinskij tikkonsisti minn skuntentizza kbira li waslet għal irvell.[29] Fil-każ ta' 4'33", l-udjenza ħassitha mqarrqa peress li ma semgħatx ħsejjes komposti minn Cage. Xorta waħda, hija kkontribwiet biex tifforma l-maġġor' parti tal-materjal; peress li l-kompożizzjoni hija bażikament il-ħoss tal-ambjent, l-aġir tal-udjenza – minn ċaqliq għal tpespis – timla l-bramel tal-ħin msemmija qabel.[30]

F' 'TED Talk' tal-2013, il-psikologu Paul Bloom semma' 'l 4'33" bħala eżempju tal-influwenza tal-għarfien fuq l-oriġini ta' xi ħaġa fuq kif nibnu opinjoni fuqha. F'dan il-każ, wieħed jista' jqis il-ħames minuti ta' silenzju fil-kompożizzjoni ta' Cage bħala differenti mill-ħames minuti ta' silenzju f'librerija għax jaf minn fejn ġej dan is-silenzju, u għalhekk jista' jitħajjar iħallas biex jisma' 4'33", minkejja li verament mhijiex differenti minn ħames minuti ta' skiet.[31] Fl-istess sena, Dale Eisinger, editur tas-sit Complex, qies il-kompożizzjoni bħala t-tmien aqwa xogħol tal-arti 'performance' fl-elenku tiegħu.[32]

Verżjonijiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Tal-partitura

[immodifika | immodifika s-sors]

Bosta verżjonijiet tal-partitura jeżistu;[33] dawn l-erbgħa huma l-uniċi kampjuni li ġew identifikati:

  • Il-manuskritt oriġinali Woodstock (maħruġ f'Awwissu 1952): notazzjoni konvenzjonali, imfassla minn David Tudor. Attwalment, dan huwa mitluf, imma Tudor ipprova jikkrea l-partitura oriġinali mill-ġdid, li tidher fil-ktieb John Cage's Theatre Pieces: Notations and Performances ta' William Fetterman.[34]
  • Il-manuskritt Kremen (maħruġ fl-1953): notazzjoni grafika u proporzjonali, imfassla minn Irwin Kremen. Il-movimenti tal-kompożizzjoni huma rrapreżentati minn spazju bejn linji vertikali twal; indikazzjoni tat-tempo tingħata (60), u fit-tmiem ta' kull moviment, il-ħin huma indikat f'minuti u sekondi.[35]
  • Il-verżjoni msejħa l-Ewwel Edizzjoni Tacet: partitura tajpjata, li telenka t-tliet movimenti bl-użu tan-numerali Rumani, bil-kelma 'TACET' taħt kull wieħed. Nota miktuba minn Cage tiddeskrivi l-ewwel eżekuzzjoni tagħha u ssemmi li "x-xogħol jista' jiġi preżentat minn kwalunkwe istrumentalist, jew kumbinazzjoni t'istrumentalisti, u jdum għal kwalunkwe tul ta' ħin".[36]
  • Il-verżjoni msejħa t-Tieni Edizzjoni Tacet: l-istess bħall-ewwel edizzjoni, ħlief li hija printjata fil-kaligrafija ta' Cage stess, u n-nota ta' spjegazzjoni issemmi l-manuskritt Kremen. Barra minn hekk, faksimile mnaqqsa fid-daqs tal-manuskritt Kremen dehret f'Lulju tal-1967 fl-Ewwel Sors, nru. 2:46-54; l-Ewwel Edizzjoni Tacet hija deskritta fil-ktieb Experimental Music: Cage and Beyond ta' Michael Nyman, imma ma jinkludix kopja tal-oriġinali.[36]

Hemm xi diskrepanza fit-tul ta' mumenti individwali tal-ewwel wirja tal-kompożizzjoni, speċifikat f'verżjonijiet differenti tal-partitura; xi kkaġuna din id-differenza għadu ma nftiehemx. Il-manuskritti Woodstock u Kremen jindikaw it-tul: 30″, 2′23″ u 1′40″; però, l-Ewwel Edizzjoni Tacet isemmi t-tul: 33″, 2′40″ and 1′20″. It-Tieni Edizzjoni Tacet tgħid li wara l-ewwel wirja, kopja kienet magħula għal Irwin Kremen, li tindika t-tul: 30″, 2′23″ and 1′40″ għall-movimenti.[1]

Tal-kompożizzjoni stess

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1962, Cage ħareġ 0'00" – magħrufa wkoll bħala 4'33" nru. 2. Id-direzzjonijiet għall-mużiċisti oriġinarjament nġabru f'sentenza waħda biss: "F'xenarju b'amplifikazzjoni massima, għamel azzjoni dixxiplinata". Fit-tieni wirja tal-kompożizzjoni, erba' kwalifikazzjonijiet inżdiedu għad-direzzjonijiet: "l-istrumentalist għandu jippermetti kull interuzzjoni tal-azzjoni [id-'daqq t'istrumenti' (jew in-nuqqas ta' dan)], l-azzjoni għandha tissodisfa obligazzjoni lill-oħrajn, l-istess azzjoni ma' tistax tintuża f'aktar minn eżekuzzjoni waħda, u din ma' tistax tkun l-eżekuzzjoni stess tal-kompożizzjoni.[12]

Lejn l-aħħar tal-1989, Cage reġa' mar lura għall-idea tal-kompożizzjoni oriġinali u kkompona One3 = 4′33″ (0′00″) + [G Clef] – magħrufa sempliċiment bħala One3. Il-partitura tgħid lill-istrumentalist biex jibni 'sound system' fis-sit tal-kunċert, sabiex "l-awla sħiħa tkun qed toqrob il-feedback tal-awdjo, mingħajr dan ma verament iseħħ". Il-kontenut tax-xogħol huwa l-ħoss elettroniku amplifikat tal-awla u l-udjenza.[37]

Eżekuzzjonijiet sinifikanti

[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba l-istil avant-garde u uniku tagħha, bosta mużiċisti u gruppi mużikali eżegwew 4'33"; din tidher ukoll f'diversi xogħlijiet mużikali – fosthom f'albums.

  • Frank Zappa rrekordja verżjoni tal-kompożizzjoni bħala parti mill-album kollaborattiv A Chance Operation: The John Cage Tribute, maħruġ minn Koch Entertainment fl-1993.[38]
  • Bosta eżekuzzjonijiet ta' 4′33″, influż 'remix tekno' tal-proġett New Waver, inxandru fuq l-istazzjon tar-radju Awstraljan ABC Classic FM, bħala parti minn programm li esplora "risposti soniċi" lix-xogħol ta' Cage.[39] Oħra minn dawn kienet interpretazzjoni tal-kompożizzjoni bl-isem 'You Can Make Your Own Music', maħruġa mill-grupp Żvediż Covenant fl-album United States of Mind (2000).[40]
  • Fis-16 ta' Jannar 2004, fiċ-Ċentru Barbican f'Londra, il-BBC Symphony Orchestra għamlet l-ewwel eżekuzzjoni orkestrali ta' 4'33" fir-Renju Unit, kondotta minn Lawrence Foster. Inxandret dirett fuq BBC Radio 3, u l-ħaddiema ffaċċjaw problema unika; is-sistemi t'emerġenza tas-stazzjon – li awtomatikament jixegħlu u jdoqqu mużika separata f'perjodu ta' silenzju assolut 'dead air' – kellhom jintfew peress li bdew itellfu x-xandira. Siegħa wara, BBC Four ħarġu l-verżjoni proprja mingħajr interuzzjonijiet.[41]
  • Fil-5 ta' Diċembru 2010, eżekuzzjoni internazzjonali ta' 4′33″ seħħet fost 200 mużiċist u artist fl-istess ħin. L-orkestra, kondotta minn Bob Dickinson, 'daqqet' il-kompożizzjoni biex jappoġġjaw il-kampanja 'Cage Against The Machine', li ppruvat itella' l-kompożizzjoni sal-ewwel post fl-elenku tad-diski Brirttaniku fil-Milied tal-2010. Eżekuzzjoni oħra seħħet fit-12 ta' Diċembru 2010.[42]
  • Fis-17 ta' Settembru 2015, il-programm tat-televixin The Late Show with Stephen Colbert tella' filmat tal-kompożizzjoni eżegwita minn qattus, li juri li l-mużiċist m'għandux għalfejn ikun bniedem.[43]
  • F'Mejju tal-2019, Mute Records ħarġu kumpilazzjoni bl-isem STUMM433, li tinkludi diversi interpretazzjonijiet ta' 4′33″ minn fuq 50 artisti li kienu kkollaboraw mal-Mute Records, fosthom: Laibach, Depeche Mode, Cabaret Voltaire, Einstürzende Neubauten, Goldfrapp, Moby, Erasure.[44]
  • Fl-31 t'Ottubru 2020, il-Filarmoniku Berlin temm l-aħħar kunċert tiegħu qabel lockdown kontra l-pandemija COVID-19 b'eżekuzzjoni tax-xogħol, kondotta minn Kirill Petrenko, bl-iskop li "jattiraw attenzjoni lill-gażiba tal-artisti wara l-lockdown t'istituzzjonijiet kulturali".[45]
  1. 1 2 Solomon 2002
  2. 1 2 3 Pritchett, Kuhn & Garrett 2012
  3. Kostelanetz 2003, pġ. 69-71, 86, 105, 198, 218, 231.
  4. Kostelanetz 2003, pġ. 69-70
  5. Fetterman 1996, pġ. 69.
  6. Lienhard 2003, pġ. 254.
  7. Published score, Edition Peters 6777.
  8. Burgan 2003, pġ.52
  9. Kostelanetz 2003, pġ. 70
  10. Gutmann, Peter (1999). "John Cage and the Avant-Garde: The Sounds of Silence". Miġbur fl-4 t'April 2007
  11. Revill 1993, pġ. 162
  12. 1 2 Pritchett 1993, pġ. 59, 138
  13. 1 2 Revill 1993, pġ. 164
  14. Stein, Judith (2009). "Interview: Alfred Leslie". Art in America. Jannar 2009. pġ. 92. Arkivjat mis-sors oriġinali fl-4 ta' Diċembru 2010. Miġbur fit-8 t'Ottubru 2010.
  15. Allais, Alphonse. 1897. Album primo-avrilesque, pġ. 23-26. Disponibbli fuq l-internet.
  16. 1 2 Liu 2017, pġ. 54
  17. Dickinson 1991, pġ. 406.
  18. Bek 2001
  19. "A few notes about silence and John Cage". cbc.ca. L-24 ta' Novembru 2004. Arkivjat mis-sors oriġinali fit-12 ta' Frar 2006.
  20. Cage 1961, pġ. 8
  21. Kostelanetz 2003, pġ. 71
  22. Cage 1961
  23. Hegarty 2007, pġ. 11-12
  24. Hegarty 2007, pġ. 17
  25. Taruskin 2009, pġ. 55
  26. 1 2 Fiero 1995, pġ. 97-99
  27. 1 2 Taruskin 2009, pġ. 71
  28. Taruskin 2009, pġ. 56
  29. "This is what REALLY happened at The Rite of Spring riot in 1913". Classic FM. Il-15 t'Ottubru 2018. Miġbur fid-9 ta' Frar 2024.
  30. Harding 2013, pġ. 78-79
  31. Paul Bloom. "The origins of pleasure". ted.com. Is-27 ta' Lulju 2011.
  32. Eisinger, Dale. "The 25 Best Performance Art Pieces of All Time". Complex. Id-9 t'April 2013. Miġbur fl-28 ta' Frar 2021.
  33. Solomon 2002 (dan il-paragrafu jaħti sommarju ta' wħud mit-tisjibiet tar-rapport)
  34. Fetterman 1996, pġ. 74
  35. Fetterman 1996, pġ. 76-78
  36. 1 2 Nyman 1974, pġ. 3
  37. One3 = 4′33″ (0′0″) + [G clef]. John Cage. Miġbur fid-9 ta' Frar 2024.
  38. "A Chance Operation - The John Cage Tribute". Discogs. Miġbur fl-10 ta' Frar 2024
  39. Kouvaras 2013
  40. S. Alexander (2013), pġ. 43
  41. "BBC Press Office, Cage Uncaged". BBC. L-21 ta' Frar 2007
  42. Lebrecht, Norman. "We're pitching the silence of John Cage against the noise of Simon Cowell". The Daily Telegraph. Il-11 ta' Diċembru 2010. Miġbura fis-17 ta' Diċembru 2010.
  43. The Late Show with Stephen Colbert; "NOLA The Cat Performs John Cage's 4'33"" fuq YouTube. Is-17 ta' Novembru 2015. Miġbur fl-10 ta' Frar 2024.
  44. "STUMM433". Mute Records. Miġbur fis-16 ta' Jannar 2019.
  45. "Video: Kirill Petrenko conducts 4′33″ by John Cage". Berliner Philharmoniker. It-2 ta' November 2020. Arkivjat mis-sors oriġinali fit-2 ta' Novembru 2020. Miġbur fl-10 ta' Frar 2021.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]