Aqbeż għall-kontentut

Żoni Storiċi ta' Gyeongju

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ix-xbihat Buddisti mnaqqxa fl-inħawi tal-Għolja Namsan.

Iż-Żoni Storiċi ta' Gyeongju fil-Korea t'Isfel tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1] Iż-żoni storiċi protetti jinkludu l-fdalijiet ta' tempji u ta' palazzi, pagodi u statwi fil-beraħ, u artefatti kulturali oħra ta' żmien ir-Renju tas-Silla. Iż-żoni storiċi xi kultant jissejħu l-ikbar mużewijiet fil-beraħ fid-dinja.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żoni Storiċi ta' Gyeongju ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Grupp ta' siti tal-Għolja Namsan

[immodifika | immodifika s-sors]
Uħud mill-oqbra rjali ta' Gyeongju.

Il-grupp ta' siti tal-Għolja Namsan jinsab fl-inħawi madwar l-Għolja Namsan, għolja ta' 262 metru (860 pied) li kienet titqies bħala sagra mill-poplu Silla. Hawnhekk instabu artefatti Buddisti kif ukoll artefatti Xamanisti li saħansitra huma ta' qabel il-perjodu meta ddaħħal il-Buddiżmu fil-Korea. Fost l-artefatti Buddisti hemm il-fdalijiet ta' 122 tempju, 53 statwa tal-ġebel, 64 pagoda tal-ġebel, u sittax-il lanterna tal-ġebel. Siti notevoli oħra jinkludu l-Fortizza tal-Għolja Namsan (li nbniet fil-591 W.K.), is-sit tal-Paviljun ta' Poseokjeong (famuż għall-mogħdija tal-ilma tiegħu b'għamla ta' widnejn tal-baħar), u l-Għadira ta' Seochulji. L-Għolja Namsan hija famuża għad-diversi xbihat Buddisti mnaqqxin fil-blat li juru wkoll il-progress u l-maturazzjoni tal-iskultura tas-Silla matul il-perjodu tal-unifikazzjoni tas-silla. L-iżjed eżempju famuż ta' dawn ix-xbihat jew riljievi hija l-Blata tal-Buddha. Dan il-bassoriljiev jinsab fil-Wied ta' Tapgol u jikkonsisti minn tliet ħitan imżejna bix-xbihat tal-Buddha u tad-dixxipli tiegħu. Fi ħdan dan il-grupp ta' siti nstabu wkoll tumbati funebri tat-tajn u tar-radam tar-rejiet tas-Silla li jmorru lura għas-seklu 2 sas-seklu 10.[2]

Il-paviljuni jirriflettu fl-Għadira ta' Anapji billejl.

Grupp ta' siti ta' Wolseong

[immodifika | immodifika s-sors]

L-attrazzjonijiet prinċipali ta' dan il-grupp ta' siti taż-Żoni Storiċi ta' Gyeongju huma l-fdalijiet ta' Banwolseong (il-Palazz/Fortizza tan-Nofs Qamar), il-foresta ta' Gyerim, il-fdalijiet u r-rikostruzzjonijiet tal-paviljuni fl-Għadira ta' Anapji li hija għadira artifiċjali, il-fdalijiet tal-Palazz ta' Imhaejeon, u l-Osservatorju tant famuż ta' Cheomseongdae.[2]

Grupp ta' siti tal-park tat-tumbati funebri tat-tajn u tar-radam

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pittura taż-żiemel bil-ġwienaħ mas-sarġ.

Dan il-grupp ta' siti jikkonsisti minn tliet gruppi ta' oqbra rjali. Il-biċċa l-kbira tal-oqbra huma tumbati tat-tajn u tar-radam ġejjin għat-tond. Madankollu, hemm ukoll uħud li għandhom għamla ta' nofs qamar. Mill-iskavi tal-oqbra ġew żvelati twiebet tal-injam mirduma biż-żrar u oġġetti funebri rikki tad-deheb, tal-ħġieġ, ta' ċeramika ta' kwalità. Eżempju famuż ta' qabar irjali f'dan il-park huwa l-Qabar taż-Żiemel tal-Ġenna, li kien fih pittura ta' żiemel bil-ġwienaħ impittra fuq biċċa qoxra tal-betula li kienet tintuża ma' sarġ.[3]

Grupp ta' siti ta' Hwangnyongsa

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Osservatorju ta' Cheomseongdae.

Dan il-grupp ta' fdalijiet storiċi huwa ċċentrat madwar il-fdalijiet tat-Tempju ta' Hwangnyongsa u tat-Tempju ta' Bunhwangsa. Skont l-iskavi tal-ħaġar tal-pedamenti, it-Tempju ta' Hwangnyongsa kien l-ikbar tempju li qatt inbena fil-Korea u kien ikopri erja ta' 72,500 m2. It-Tempju ta' Bunhwagsa għadu jeżisti iżda huwa biss frazzjon tad-daqs tiegħu fl-imgħoddi meta kien wieħed mill-iżjed tempji Buddisti importanti. Fdal popolari f'dan il-grupp ta' siti hija l-pagoda tal-ġebel magħmula minn ġebel b'dehra ta' brikks. Huwa maħsub li oriġinarjament il-pagoda kellha bejn seba' u disa' sulari iżda llum il-ġurnata fadal biss tliet sulari minnhom.[3]

It-Tempju ta' Bunhwangsa.

Grupp ta' siti ta' Sanseong

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-grupp ta' siti jinkludi l-fdalijiet tal-Fortizza ta' Myeonghwal (Myeonghwal Sanseong) li tinsab fuq l-Għolja Myeonghwal fejn il-Lag ta' Bomun, madwar sitt kilometri fil-Lvant taċ-ċentru tal-belt ta' Gyeongju.[2]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Gyeongju Historic Areas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-02.
  2. ^ a b ċ "Gyeongju Historic Areas". Koreattrack.Com. Miġbur 2022-09-02.
  3. ^ a b Travel, Gyeongju. "Gyeongju Travel". www.gyeongju.go.kr (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-02.