Żona tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Chongoni
Iż-Żona tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Chongoni tinsab fir-Reġjun Ċentrali tal-Malawi u tikkonsisti minn 127 sit fl-għoljiet forestali tal-promontorju tal-Malawi bi tpittir u arti fuq il-blat tal-komunità ta' bdiewa ta' Żmien il-Ħaġar Aħħari u ta' Żmien il-Ħadid. Dan ir-rendikont tal-qedem tal-istorja kulturali huwa pjuttost popolari.[1]
It-tpittir fuq il-blat jinsab fuq formazzjonijiet tal-granit u jikkonsisti minn pitturi attribwiti lill-komunità ta' kaċċaturi-ġemmiegħa tal-poplu Batwa li kienet tgħix hawnhekk matul il-perjodu ta' Żmien il-Ħaġar, u tal-komunità ta' bdiewa tal-poplu Chewa li tmur lura għal Żmien il-Ħadid. Fid-dawl ta' din l-importanza kulturali, iż-żona tat-tpittir tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[2] L-arti fuq il-blat kienet tissimbolizza ritwali u ċerimonji u fil-biċċa l-kbira nħolqot min-nisa folkloristiċi tal-poplu Chewa. L-arti "agropastorali" ta' dan il-poplu, li tirrappreżenta l-perċezzjoni tagħhom tal-użu u tal-kontroll tal-ħabitat naturali tiegħu, tkompliet mill-poplu Bantu f'Changoni.[3]
Is-siti tal-arti fuq il-blat jinsabu qrib ir-reġjun muntanjuż ta' Dedza (1,600 metru (5,200 pied)) li huwa l-ogħla raħal fil-Malawi (madwar 80 kilometru (50 mil) fix-Xlokk ta' Lilongwe)[4] u li ġie insedjat fiż-żminijiet preistoriċi. Is-sit ġie rrapportat bħala "l-iżjed raggruppament dens ta' arti fuq il-blat" fl-Afrika Ċentrali.[5] Il-127 sit identifikati fil-promontorju tal-Malawi huma mifruxa fuq erja ta' 126.4 kilometru kwadru (48.8 mil kwadru).[6] Is-siti jinsab max-xaqlibiet tal-għoljiet taż-żona forestali u jipprovdu kenn għas-siti tal-arti fuq il-blat. Mill-127 sit, ħamsa jinsabu 'l barra mil-limiti demarkati tar-Riżerva Forestali ta' Chongoni.
Status legali
[immodifika | immodifika s-sors]L-arti fuq il-blat u s-siti arkeoloġiċi ta' Chongoni huma protetti skont l-Att dwar il-Monumenti u l-Fdalijiet tal-1990, li jipprevedi l-protezzjoni tal-arti fuq il-blat. Barra minn hekk, ir-Riżerva Forestali ta' Chongoni, iddikjarata żona protetta skont l-Att dwar il-Forestrija tal-1997, tinkorpora l-biċċa l-kbira tas-siti tal-arti fuq il-blat. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet legali huma konformi mal-politiki tal-gvern dwar il-preservazzjoni tal-wirt kulturali.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fdalijiet arkeoloġiċi ta' Żmien il-Ħaġar Bikri li nstabu fl-inħawi jipprovdu kollegamenti mal-Plejstoċen Superjuri. Instabu wkoll artefatti li jmorru lura għal 2,500 sena qabel il-preżent, li juru l-istabbiliment tal-abitazzjoni tas-sit mill-kaċċaturi-ġemmiegħa fi Żmien il-Ħaġar Aħħari, u dawn huma akkreditati bil-ħolqien ta' din l-arti fuq il-blat.
L-insedjamenti ta' Żmien il-Ħadid imorru lura għall-ewwel millenju W.K. meta l-arti fuq il-blat bit-tpittir abjad bdiet tinħoloq mill-bdiewa. Il-figuri naturali saru bit-tafal abjad. Il-komunità tal-bdiewa u tal-kaċċaturi-ġemmiegħa ħadmu flimkien sas-seklu 19 meta l-grupp tal-aħħar twaħħad mal-grupp ta' bdiewa. Fis-seklu 15 il-poplu Chewa ta' Maravi (isem il-pajjiż bħala Malawi oriġina minnhom) wettaq migrazzjoni mir-reġjun tal-Majjistral ta' Lubaland, għamel unifikazzjoni tal-gruppi kollha u stabbilixxa l-Imperu ta' Maravi. Imbagħad ġie l-poplu Ngoni li ħarab mill-Afrika t'Isfel u insedja r-reġjun tan-Nofsinhar ta' Chongoni. Dan wassal biex il-poplu Nyau lokali, li kien oppożitur tal-poplu Ngoni, jinħeba f'xi moħbiet fil-blat. Din il-komunità tal-poplu Nyau, minkejja l-oppożizzjoni mill-poplu Ngoni, mill-missjunarji u mill-amministrazzjoni kolonjali tal-pajjiż, żgurat il-preservazzjoni tal-kultura tagħha. Wara li ż-żona ġiet iddikjarata Riżerva Forestali fl-1924 u ġew demarkati l-konfini tal-villaġġi, ġiet irrapportata l-ewwel sejba tal-arti fuq il-blat fis-snin 30 tas-seklu 20, u iktar 'il quddiem fis-snin 50 tas-seklu 20 ġew ippubblikati d-dettalji ta' xi siti. Ħames siti tal-arti fuq il-blat mill-127 sit totali mbagħad ġew iddikjarati bħala monumenti nazzjonali fl-1969. Barra minn hekk, infetħu wkoll għall-pubbliku.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-Żona tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Chongoni ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet" għat-tradizzjonijiet kulturali rikki tal-arti fuq il-blat; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju" għar-rabta kontinwa tas-sit mas-soċjetà attwali.[2]
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-migrazzjoni tal-bdiewa tal-poplu Chewa fl-inħawi, it-tafal abjad kien jintuża għat-tpittir, filwaqt li l-predeċessuri tagħhom, il-pigmej tal-poplu Batwa, kellhom it-tradizzjoni li jużaw l-aħmar fit-tpittir. Din it-tradizzjoni għadha tintuża saħansitra sa issa u hija kkollegata ma' ritwali tan-nisa, ta' talb għax-xita u għal riti funebri relatati oħra. L-arti fuq il-blat isservi wkoll bħala simbolu tas-soċjetà sigrieta Chewa tal-poplu Nyau.
Is-siti tal-arti fuq il-blat huma kkategorizzati skont erba' tradizzjonijiet, tnejn tal-pigmej tal-poplu Batwa, l-iżjed komunità bikrija ta' kaċċaturi-ġemmiegħa, tal-bdiewa, tal-invażuri Ngoni, u tal-kolonizzaturi.
Dawn li ġejjin huma t-tliet siti tal-arti fuq il-blat li huma miftuħa għall-pubbliku: is-Sit tal-Arti fuq il-Blat ta' Chentcherere fil-qalba taż-żona fih sitt postijiet imkennija fil-blat fl-Għoljiet ta' Chentcherere, deskritti bħala ta' stil "skematiku u naturalistiku"; is-Sit tal-Arti fuq il-Blat ta' Namzeze li jikkonsisti minn tpittir ġeometriku aħmar u diversi tpittir abjad; u s-Sit tal-Arti fuq il-Blat ta' Mphunzi bi tpittir żoomorfiku.[7]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Frankel, David; Lawrence, Susan; Webb, Jennifer (2013). Archaeology in Environment and Technology: Intersections and Transformations. Routledge. ISBN 978-1-134-62615-1. p. 2.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Chongoni Rock-Art Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-03.
- ^ Bolger, Diane (2012). A Companion to Gender Prehistory. John Wiley & Sons. ISBN 978-1-118-29427-7. p. 332.
- ^ "Chongoni Rock-Art Area (Malawi) | African World Heritage Sites". www.africanworldheritagesites.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-05-21. Miġbur 2024-03-03.
- ^ Capua, Sarah De (2009). Malawi in Pictures. Twenty-First Century Books. ISBN 978-0-8225-8575-6. p. 72.
- ^ "Trust For African Rock Art - Prehistoric African Paintings and Engravings" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-03.
- ^ "Chongoni" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-07-14. Miġbur 2024-03-03.