Aqbeż għall-kontentut

Ġnien Botaniku ta' Padova

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Ġnien Botaniku ta' Padova bil-Bażilika ta' Sant'Antnin fl-isfond

Il-Ġnien Botaniku ta' Padova (bit-Taljan: Orto Botanico di Padova) huwa ġnien botaniku antik fil-Grigal tal-Italja. Stabbilit fl-1545 mir-Repubblika Venezjana, huwa l-eqdem ġnien botaniku akkademiku fid-dinja li għadu fil-post oriġinali tiegħu. Il-ġnien – affiljat mal-Università ta' Padova – attwalment ikopri bejn wieħed u ieħor 22,000 metru kwadru, u huwa magħruf għall-kollezzjonijiet speċjali u għad-disinn storiku tiegħu. Il-Ġnien Botaniku ta' Padova tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

L-Orto dei Semplici fis-seklu 16

Il-Ġnien Botaniku ta' Padova ġie stabbilit taħt l-ordnijiet tas-Senat tar-Repubblika Venezjana. Kien iddedikat għat-tkabbir ta' pjanti mediċinali, l-hekk imsejħa "pjanti sempliċi", tant li kien jissejjaħ l-Orto dei semplici. Il-pjanti sempliċi kienu ħxejjex aromatiċi li kienu jintużaw kif inhuma, iktar milli parti minn taħlitiet, u li kienu jipproduċu rmedji naturali. Barra minn hekk, il-ġnien kellu l-għan li jgħin lill-istudenti jiddistingwu l-pjanti mediċinali ġenwini minn dawk li mhumiex.

Inbena ħajt ġej għat-tond mad-dawra sabiex il-ġnien ikun protett mis-serqiet frekwenti li kienu jsiru billejl minkejja l-pieni u l-penali ħorox (multi, ħabs, eżilju). Il-Ġnien Botaniku ġie arrikkit b'mod kostanti bi pjanti mid-dinja kollha, b'mod partikolari mill-pajjiżi li kellhom kummerċ ma' Venezja. B'hekk, Padova kellha rwol ewlieni fl-introduzzjoni u fl-istudju ta' bosta pjanti eżotiċi, u gradwalment żdiedu erbarju, librerija u ħafna laboratorji fil-Ġnien Botaniku ta' Padova.

Attwalment, il-Ġnien Botaniku jippermetti li ssir attività didattika intensiva kif ukoll riċerka importanti ġo fih. Barra minn hekk, issir il-preservazzjoni ta' bosta speċijiet rari.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-daħla tal-Ġnien Botaniku ta' Padova

Fl-1997, il-Ġnien Botaniku ta' Padova ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

Il-Ġnien Botaniku ta' Padova huwa l-ġnien botaniku oriġinali mill-ġonna botaniċi kollha tad-dinja, u jirrappreżenta t-twelid tax-xjenza, tal-iskambji xjentifiċi, u tal-fehim tar-relazzjoni bejn in-natura u l-kultura. Ta kontribut siewi għall-iżvilupp ta' bosta dixxiplini xjentifiċi moderni, b'mod partikolari l-botanika, il-mediċina, il-kimika, l-ekoloġija u l-istudju tal-ispiżjara.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Tankijiet ta' pjanti akkwatiċi u s-serra tal-"palma ta' Goethe"

Id-disinn tal-Ġnien Botaniku spiss jiġi attribwit lil Andrea Moroni, li ħoloq uħud mill-iżjed monumenti pubbliċi importanti f'Padova, bħall-Bażilika ta' Santa Giustina f'Prato della Valle, il-muniċipju u l-università fl-ewwel nofs tas-seklu 16. Madankollu, l-arkitett reali kien Daniele Barbaro, nobbli Venezjan li kien raġel mgħallem ferm u t-traduttur tad-De Architectura ta' Vitruvju. Huwa segwa l-eżempju tal-ġonna magħluqa Medjevali jew Horti Conclusi, u mmarka l-arkitettura b'mudell perfett ta' kwadru fi ħdan ċirku, maqsum f'erba' partijiet b'żewġ mogħdijiet orjentati skont il-punti kardinali. Il-Ġnien Botaniku ta' Padova ġie inawgurat fl-1545, u ntuża bħala faċilità tat-tagħlim mill-Università ta' Padova s-sena ta' wara.

Id-dehra attwali tal-binja prinċipali tmur lura għas-sekli 17 u 18. Sal-aħħar tas-seklu 16, il-ġnien ġie arrikkit b'ħafna funtani alimentati minn rota idrofora ġganteska, biex tiġi żgurata irrigazzjoni xierqa. Fl-1704, inbnew erba' bibien u erba' daħliet b'ornamenti u b'tiżjin kbar b'ġebla ħamra, imżejna bi pjanti magħmula bil-ħadid maħdum. Matul l-ewwel nofs tas-seklu 18, il-ħajt ġie rfinat flimkien mal-perimetru estern b'balavostri magħmula bil-Ġebla ta' Istria u fuqhom tqiegħdu vażuni u statwi ta' nofs tul ta' persuni importanti. Inbniet ukoll statwa ta' Teofrasto maġenb id-daħla tan-Nofsinhar, kif ukoll statwa ta' Salamun (magħmula minn Antonio Bonazza) maġenb id-daħla tal-Lvant, u l-funtana tal-erba' staġuni, li ġiet arrikkita bi statwi tas-seklu 18 magħmula bl-irħam ta' Carrara. Fl-ewwel nofs tas-seklu 19, inbnew serer u teatru botaniku, kif ukoll statwi ta' nofs tul ta' botaniċi eminenti bħal Carl Linnaeus. Waħda mis-serer għad għandha l-ħnejjiet storiċi u kolonni żgħar tal-ħadid fondut.

Fil-Ġnien Botaniku ta' Padova hemm ukoll tliet arloġġ tax-xemx: wieħed kubiku, wieħed ċirkolari u ieħor ċilindriku. Fuq ġewwa, erba' glacises huma maqsuma f'kollezzjonijiet ta' ħammiela tal-fjuri. Fin-nofs tal-ġnien, hemm vaska tal-ilma għall-pjanti akkwatiċi li hija alimentata b'ġett kontinwu ta' misħun minn saff ta' ħamrija bl-ilma li jinsab xi 300 metru taħt il-ġnien.

Sal-1984, il-Ġnien Botaniku ta' Padova kellu Vitex agnus-castus (siġra tal-virgi) li kienet tmur lura mill-inqas sal-1550. Attwalment, l-eqdem pjanta hija palma mħawwla fl-1585 magħrufa bħala l-"palma ta' Goethe", peress li l-poeta rrefera għaliha fis-saġġ tiegħu Geschichte meines botanisches Studiums; din is-siġra tinsab f'serra fl-Ortus Sphearicus. Siġar antiki oħra huma siġra tal-ġinko u manjolja li jmorru lura għal nofs is-seklu 18, li kienu meqjusa bħala l-eqdem eżemplari fl-Ewropa. Siġra ġganteska tal-platanu fuq barra tal-Arboretum tmur lura għall-1680; għandha zokk vojt, minħabba sajjetta li kienet niżlet fuqha. Fl-Arboretum hemm ukoll zokk maqtugħ trasversalment ta' siġra tal-ulmu li mietet fl-1991, bi ċrieki mmarkati li juru kemm is-siġra kellha żmien.

Kollezzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba n-nuqqas ta' serer imsaħħna, il-biċċa l-kbira tal-pjanti jinsabu fil-beraħ. Attwalment jiġu mkabbra sitt elef tip ta' pjanta u huma rranġati skont standards tassonomiċi, utilitarji, ekoloġiċi, ambjentali, u storiċi. Il-kollezzjoni sistematika hija kkonċentrata fl-ikbar erba' ħammiela ċentrali tal-fjuri. Fost il-kollezzjonijiet utilitarji, l-iktar importanti huma l-pjanti mediċinali. Dawn huma kklassifikati skont is-sistema ta' Engler, abbażi tar-relazzjonijiet evoluzzjonarji fost il-familji tal-pjanti. Kull pjanta hija ttikkettata bl-isem xjentifiku u l-proprjetajiet terapewtiċi prinċipali tagħha. Dan l-aħħar qed titkabbar ukoll kollezzjoni ta' pjanti velenużi b'għanijiet didattiċi: ħafna minn dawn il-pjanti velenużi jinstabu wkoll fis-sezzjoni tal-pjanti mediċinali peress li fi kwantitajiet adattati jistgħu jintużaw għat-trattament tal-mard.

Fost il-kollezzjonijiet tal-ġnien botaniku hemm:

  • Pjanti insettivori: f'ħamrija bi ftit nitroġenu, dawn il-pjanti jridu jużaw il-proteini ta' ftit insetti żgħar li jinqabdu bil-weraq tagħhom sabiex jibqgħu ħajjin.
  • Pjanti mediċinali u velenużi: pjanti li jirrappreżentaw l-iskop oriġinali tal-ġnien botaniku.
  • Pjanti mill-Għoljiet Euganei u mir-Reġjun tat-Triveneto: kollezzjoni ta' pjanti rappreżentattivi mill-Għoljiet Euganei u miż-żona madwar il-ġnien botaniku.
  • Sezzjoni ddedikata għall-kollezzjoni, għall-preservazzjoni u għall-istudju ta' pjanti fil-periklu ta' estinzjoni.
  • Orkidej
  • Pjanti akkwatiċi
  • Pjanti tal-Alpi
  • Pjanti Mediterranji
  • Makkja Mediterranja: fiha veġetazzjoni kostali tipika mill-baċir Mediterran; klima karatterizzata minn sjuf sħan u xtiewi mhux kiefra. Fiha arbuxelli impenetrabbli dejjem ħodor, siġar, pjanti xeblikin, spiss bix-xewk.
  • Ġnien Alpin: klima tipika tal-Alpi, 'il fuq mill-boski tal-muntanji. Ikkaratterizzata minn biċċiet b'detriti tal-blat flimkien ma' għeruq tal-pjanti, arbuxelli, u siġar mgħawġin żgħar bħall-ġnibru nanu u ż-żnuber tal-muntanji.
  • Ilma ħelu: pjanti tal-ilma jitkabbru hawnhekk f'bosta tankijiet, u jgħaddu minn adattamenti simili kkawżati mill-ħabitats minkejja l-ispeċijiet oriġinali tagħhom.
  • Pjanti sukkulenti: ħabitat tad-deżert rikostruwit (fir-rebbiegħa u fis-sajf).
  • Serer tal-Orkidej: mikroħabitat umduż u sħun li jippermetti t-tkabbir ta' pjanti forestali tropikali.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Botanical Garden (Orto Botanico), Padua". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-26.