Ġardinar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ix-xogħol tal-ġardinara, pittura ta’ Abel Grimmer, pittur Fjamming, 1607

Ġardinar huwa xi ħadd li jieħu ħsieb il-ġonna, professjonalment jew bħala passatemp.

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Ġardinar huwa kwalunkwe persuna involuta fix-xogħol meħtieġ fil-ġonna[1], x’aktarx l-iktar okkupazzjoni antika. Jista’ jkun xi ħadd li jagħmel dan ix-xogħol bħala passatemp f’xi ġnien residenzjali, xi sid ta’ dar li jipproduċi l-ikel għall-familja tiegħu f’biċċa ġnien żgħir jew bitħa żgħira, xi impjegat fil-mixtliet tal-pjanti jew il-kap ġardinar f’proprjetà kbira.

Disinn u manutenzjoni tal-ġonna[immodifika | immodifika s-sors]

Id-disinjatur tal-ġonna huwa xi ħadd li jiddisinja l-ġonna, u l-ġardinar huwa l-persuna li jwettaq ix-xogħol meħtieġ biex jipproduċi l-eżitu mixtieq.

Disinn[immodifika | immodifika s-sors]

It-terminu ġardinar jintuża wkoll biex jiddeskrivi lid-disinjaturi tal-ġonna u lill-arkitetti tal-pajsaġġi, li huma involuti l-iktar fid-disinn tal-ġonna, iktar milli l-aspetti prattiċi tal-ortikultura. Id-disinn tal-ġonna jitqies bħala arti fil-biċċa l-kbira tal-kulturi, b’mod distint mix-xogħol inġenerali fil-ġonna, li ġeneralment ifisser manutenzjoni u żamma tal-ġonna. Vita Sackville-West, Gertrude Jekyll u William Robinson kienu disinjaturi tal-ġonna kif ukoll ġardinara.[2]

Hendrick Danckerts, il-Ġardinar Irjali John Rose u r-Re Karlu II, 1675

Id-disinn tal-ġonna huwa l-ħolqien ta’ pjan għall-kostruzzjoni ta’ ġnien, fi proċess tad-disinn. Il-prodott ikun il-ġnien, u d-disinjaturi tal-ġonna jippruvaw jottimizzaw il-kundizzjonijiet ġenerali tal-ħamrija, tal-post u tal-klima, il-kundizzjonijiet ekoloġiċi u ġeoloġiċi, u l-proċessi biex jintgħażlu l-pjanti t-tajbin għall-kundizzjonijiet korrispondenti. Id-disinn jista’ jinkludi temi differenti bħal ġonna perenni, bil-friefet, bl-organiżmi selvaġġi, Ġappuniżi, bl-ilma, tropikali, jew bid-dell. Fl-Ewropa tas-seklu 18, il-proprjetajiet fil-kampanja kienu jiġu mmudellati mill-ġdid mill-ġardinara tal-pajsaġġi f’ġonna formali jew pajsaġġi rranġati, bħal pereżempju f’Versailles, Franza, jew Stowe, Ingilterra.

Illum il-ġurnata, l-arkitetti tal-pajsaġġi u d-disinjaturi tal-ġonna għadhom jiddisinjaw il-ġonna fi spazji privati, fil-proprjetajiet residenzjali u fil-parks u l-mogħdijiet pubbliċi, u jippjanaw l-ambjenti ta’ madwar l-universitajiet u l-uffiċini korporattivi. Id-disinjaturi professjonali tal-pajsaġġi jkunu ċċertifikati mill-Assoċjazzjoni tad-Disinjaturi Professjonali tal-Pajsaġġi.[3]

Manutenzjoni u żamma[immodifika | immodifika s-sors]

Ġardinar fuq sellum bl-iskaluni jaħsad il-frott

Id-disinjatur jagħti struzzjonijiet u jwettaq is-superviżjoni matul il-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-istabbiliment u l-manutenzjoni ladarba l-ġnien jinħoloq. Il-ġardinar huwa l-persuna li jkollu l-ħila biex iwettaq il-manutenzjoni u ż-żamma tad-disinn tal-ġnien.

Fost ix-xogħlijiet tal-ġardinar matul is-sena, hemm it-tisqija tal-fjuri u ta’ pjanti oħra, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, iż-żabra, it-tilqim, it-tneħħija tal-fjuri jew tal-pjanti li jkunu mietu, it-taħlit u t-tħejjija tal-insettiċidi u ta’ prodotti oħra għall-kontroll tal-organiżmi qerrieda, u l-ġestjoni tal-kompost fil-ġonna. Il-ħaxix ħażin għandu t-tendenza li jitkattar a skapitu tal-pjanti li jittieklu jew ornamentali iktar raffinati. Il-ġardinara jeħtieġ li jikkontrollaw il-ħaxix ħażin permezz ta’ metodi fiżiċi jew kimiċi biex il-ħaxix ħażin ma jilħaqx jasal fi stadju matur ta’ tkabbir meta jista’ jikkawża ħsara lill-pjanti ddomestikati. Attivitajiet bikrin bħaż-żrigħ u bħat-tħawwil għat-trasportazzjoni ladarba jikbru ġeneralment isiru fil-bidu tar-rebbiegħa.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Gardener Northampton". Gardener Northampton (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-01.
  2. ^ Geoffrey Allan Jellicoe; Susan Jellicoe (1987). The Landscape of Man: Shaping the Environment from Prehistory to the Present Day. Thames & Hudson. ISBN 978-0-500-27431-6.
  3. ^ Designers, Association of Professional Landscape. "Home". Association of Professional Landscape Designers (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-01.