Aqbeż għall-kontentut

Ċrieki tal-Ġebel tas-Senegambja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Iċ-ċirku tal-ġebel ta' Wassu.

Iċ-Ċrieki tal-Ġebel tas-Senegambja (bil-Franċiż: Cercles mégalithiques de Sénégambie) jew iċ-Ċrieki tal-Ġebel ta' Wassu[1] huma gruppi ta' ċrieki tal-ġebel megalitiċi li jinsabu fit-Tramuntana ta' Janjanbureh, il-Gambja, u fis-Senegal ċentrali. Mifruxa f'erja ta' 30,000 km2 (12,000 mil kwadru),[2] xi kultant jinqasmu fiċ-ċrieki tal-ġebel ta' Wassu (il-Gambja) u ta' Sine-Saloum (is-Senegal), iżda din hija diviżjoni purament nazzjonali. Iċ-Ċrieki tal-Ġebel tas-Senegambja fihom iktar minn 1,000 ċirku tal-ġebel u tumbati tal-ħamrija mifruxa f'erja twila 350 kilometru (220 mil) u wiesgħa 100 kilometru (62 mil), u huma l-ikbar konċentrazzjoni ta' ċrieki tal-ġebel fid-dinja u pajsaġġ sagru estensiv li ntuża għal iktar minn 1,500 sena.[3] B'hekk iċ-Ċrieki tal-Ġebel tas-Senegambja tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[4]

Deskrizzjoni u storja

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċirku tal-ġebel ta' Wassu.

Iċ-ċrieki tal-ġebel u ħaġar megalitiku ieħor li jinstabu fis-Senegal u fil-Gambja xi kultant jinqasmu f'erba' siti kbar: Sine Ngayene u Wanar fis-Senegal, u Wassu u Kerbatch fir-Reġjun Ċentrali tax-Xmara fil-Gambja. Fost dawn l-erba' siti kbar, hemm madwar 29,000 ġebla, 17,000 monument, u 2,000 sit individwali. Il-monumenti jikkonsistu minn dawk li qabel kienu blokok jew pilastri weqfin (uħud waqgħu), magħmula l-iktar mil-laterit b'uċuħ lixxi. Il-ġebel monolitiku huwa rranġat fi ċrieki, ċrieki doppji, iżolati jew weqfin apparti miċ-ċrieki (normalment lejn il-Lvant) f'ringieli jew individwalment. Dan il-ġebel li jinsab apparti 'l barra miċ-ċrieki jissejjaħ ġebel frontali. Meta jkun hemm ġebel frontali f'żewġ ringieli paralleli u kkollegati, dan jissejjaħ ġebel tal-lira (strument mużikali).

Ir-riċerkaturi mhumiex ċerti meta nbnew dawn il-monumenti, iżda ġeneralment jaqblu li nbnew bejn is-seklu 3 Q.K. u s-seklu 16 W.K. It-tumbati funebri qrib il-kumpless ta' Wassu ġew datati li jmorru lura għad-927–1305, għalkemm mhuwiex ċar jekk it-tumbati funebri nbnewx qabel jew wara ċ-ċrieki tal-ġebel. L-arkeologi sabu wkoll bċejjeċ tal-fuħħar, difniet umani, xi oġġetti funebri u xi oġġetti tal-metall madwar iċ-ċrieki megalitiċi. Kollezzjoni żgħira tagħhom tista' tinstab fil-kollezzjoni ta' studju tal-Mużew Brittaniku li ngħatat b'donazzjoni mill-amministratur kolonjali Sir Richmond Palmer.[5] Dawn jinkludu brazzuletta tal-ħadid u żewġ lanez.

Il-kostruzzjoni tal-monumenti tal-ġebel turi evidenza ta' soċjetà prospera u organizzata abbażi tax-xogħol involut biex jinbnew dawn l-istrutturi. Il-ġebel ġie estratt minn barrieri tal-laterit bl-użu ta' għodod tal-ħadid, għalkemm ftit minn dawn il-barrieri ġew identifikati bħala barrieri kkollegati direttament ma' siti partikolari. Wara l-estrazzjoni tal-ġebel, kienu jsiru pilastri identiċi, jew ċilindriċi jew inkella poligonali, b'għoli medju ta' żewġ metri u b'piż medju ta' seba' tunnellati. Il-bennejja ta' dan il-ġebel megalitiku mhumiex magħrufa. Kandidati possibbli huma l-antenati tal-poplu Jola jew tal-poplu Wolof iżda wħud jemmnu li l-bennejja kienu l-poplu Serer.[6] Din l-ipoteżi ġejja mill-fatt li l-poplu Serer għadhom jużaw strutturi funebri bħal dawk li nstabu f'Wanar.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċirku tal-ġebel ta' Wassu.

Iċ-Ċrieki tal-Ġebel tas-Senegambja ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[4]

Il-Gambja:

  • iċ-Ċrieki tal-Ġebel ta' Kerr Batch; 13.754565°N 15.068131°W;
  • iċ-Ċrieki tal-Ġebel ta' Wassu; 13.691525°N 14.873111°W.

Is-Senegal:

  • iċ-Ċrieki tal-Ġebel ta' Sine Ngayène; 13.695278°N 15.535278°W;
  • iċ-Ċrieki tal-Ġebel ta' Wanar; 13.77429°N 15.52305°W.
Iċ-ċirku tal-ġebel ta' Wassu fuq il-karta tal-flus ta' 50 dalasi tal-Gambja.

Il-grupp ta' Wassu jinsab fid-distrett ta' Niani fil-Gambja, u huwa magħmul minn 11-il ċirku tal-ġebel assoċjati mal-ġebel frontali. L-itwal ġebla tal-grupp hija għolja 2.59 metri. Il-bennejja tal-monumenti ta' dan il-grupp kellhom għarfien kbir tal-ġeoloġija lokali tagħhom sabiex setgħu jsibu s-sorsi tal-ġebel tal-laterit. Żgur li kellhom ukoll ħila teknika kbira sabiex irnexxielhom jaslu għall-estrazzjoni tal-ġebel mingħajr ma jinqasam jew jixxaqqaq. L-iżjed skavi reċenti li saru fuq dawn iċ-ċrieki megalitiċi jmorru lura għall-kampanja Brittanika-Gambjana mmexxija minn Evans u Ozanne fl-1964 u fl-1965. Is-sejbiet ta' oqbra għenet għad-datazzjoni tal-monumenti bejn id-927 u l-1305.

Il-grupp ta' Kerbatch fih disa' ċrieki tal-ġebel u ċirku tal-ġebel doppju, u jinsab fid-distrett ta' Nianija, il-Gambja. Il-grupp ta' Kerbatch fih ġebla "bifida" b'għamla tal-ittra V (l-unika waħda fir-reġjun) li kienet inkisret fi tliet postijiet u waqgħet. Din il-ġebla, li kienet parti minn linja frontali, ġiet irrestawrata matul l-Ispedizzjoni Brittanika-Gambjana taċ-Ċrieki tal-Ġebel tal-1965 immexxija minn P. Ozanne. Matul din l-ispedizzjoni, Ozanne u t-tim tiegħu skavaw iċ-ċirku tal-ġebel doppju f'Kerbatch.[8]

Il-grupp ta' Wanar jinsab fid-distrett ta' Kaffrine, is-Senegal, u huwa magħmul minn 21 ċirku tal-ġebel u ċirku tal-ġebel doppju. Hemm ukoll bosta ġebel tal-lira (strument mużikali). Fil-fatt, terz tal-ġebel tal-lira kollu tas-Senegambja jinsab fil-grupp ta' Wanar. Il-monumenti kollha li nstabu fil-grupp ta' Wanar donnhom jimmarkaw oqbra, skont l-arkeologi li ħadmu hemmhekk. Ir-riċerkaturi ddeterminaw ukoll li s-sit l-ewwel kien jintuża għad-difniet u mbagħad il-ġebel żdied iktar 'il quddiem għal użi ritwali. Il-kostruzzjoni ta' dan il-grupp x'aktarx li saret bejn is-sekli 7 u 15 W.K.[9]

Programm attwali ta' datazzjoni li nbeda qed iwassal għal stimi ta' datazzjoni tal-kostruzzjoni taċ-ċirku tal-ġebel doppju għall-ħabta tas-sekli 12 u 13.[10] Fl-2008 saru xi skavi fuq iċ-ċirku tal-ġebel doppju fil-grupp ta' Wanar, u ġew distinti żewġ tipi ta' difniet: difniet sempliċi li kienu jikkonsistu minn fosos kbar issiġillati b'tumbata tal-ħamrija, u difniet iktar kumplessi li kienu fondi b'entrati dojoq. Fid-difniet kien hemm ukoll il-preżenza ta' materjali bħal brikks u l-ġibs, li tissuġġerixxi l-eżistenza ta' djar funebri li nbnew għall-ħabta tad-difniet.[11]

Instabu żewġ tipi ta' ġebel f'Wanar: ġebel twil u rqiq b'għamla ċilindrika; u ġebel iqsar u eħxen b'għamla trapezojdali wkoll. Instabet ukoll xejra fejn il-linji frontali ma kinux jaqblu maċ-ċrieki tal-ġebel korrispondenti, u din jaf tissuġġerixxi ordni kronoloġika li fiha nbnew il-monumenti.

Hemm bosta ħjiel ieħor fil-grupp ta' Wanar li jista' jispjega kif kienet id-dehra oriġinali ta' dawn il-monumenti. Pereżempju, iċ-ċirku intern taċ-ċirku tal-ġebel doppju fih ġebel monolitiku mwaqqa' li donnu jinfetaħ bħal imrewħa miċ-ċentru tal-monument. Dan jaf jissuġġerixxi, flimkien mas-sejbiet ta' ġebel tas-sejjieħ madwar il-monument, li qabel kien hemm saff tal-ġebel tas-sejjieħ taħt il-ġebel monolitiku, iċ-ċilindru magħmul miċ-ċirku intern u l-ġebel tas-sejjieħ jaf fl-imgħoddi kien mimli bil-ħamrija, b'tali mod li meta l-ġebel kien jegħleb minħabba l-pressjoni 'l barra, il-ġebel kien jaqa' lejn in-naħa ta' barra wkoll. Din it-teorija hija kkontestata peress li l-ġebel taċ-ċirku estern waqa' f'direzzjonijiet differenti, peress li ma kienx hemm pressjoni 'l barra.[12]

Instabu wkoll bċejjeċ tal-fuħħar sparpaljati madwar is-sit, midfuna f'diversi saffi tal-ħamrija. Is-saffi li fihom instabu l-bċejjeċ tal-fuħħar juru li dawn tpoġġew fl-istess żmien ta' wara t-tpoġġija tal-ġebel tas-sejjieħ, iżda qabel il-waqgħa tal-ġebel monolitiku. Fi kliem ieħor, il-bċejjeċ tal-fuħħar jaf ġew depożitati f'dan il-monument wara l-abbandun totali u/jew parzjali tal-ġebel monolitiku. B'mod kumplessiv, il-qerda ta' dan iċ-ċirku tal-ġebel doppju kienet diżintegrazzjoni bil-mod maż-żmien, u mhux waqgħa kbira f'daqqa waħda.

Abbażi ta' dawn is-sejbiet kollha, ir-riċerkaturi żviluppaw mudell possibbli għas-sekwenza tal-attività funebri li seħħet f'Wanar. Is-sekwenza fiha tliet fażijiet distinti: l-ewwel fażi tinkludi l-qtugħ tal-oqbra fis-sottoswol b'riti funebri, bħat-tqegħid ta' tumbati tal-ħamrija fuq l-oqbra; it-tieni fażi tinkludi t-tqegħid tal-ġebel wieqaf madwar it-tumbati; u t-tielet fażi kienet tikkonsisti fit-tqegħid tal-ġebel frontali wieqaf. X'aktarx ukoll li fit-tielet fażi dawn il-monumenti saru siti ta' attivitajiet ritwali u bdew jitpoġġew il-bċejjeċ taċ-ċeramika madwarhom. Il-ħallieqa ta' dan il-mudell jirrikonoxxu li sekwenzi oħra huma possibbli, u l-ordni tas-sekwenza ta' avvenimenti fiċ-ċirku tal-ġebel doppju jaf kienet differenti wkoll.

Il-grupp ta' Sine Ngayene huwa l-ikbar fost l-erba' gruppi, u fih 52 ċirku tal-ġebel, ċirku tal-ġebel doppju, u 1,102 ġebel imnaqqax. Ġeneralment huwa aċċettat li d-difniet individwali li nstabu hawnhekk saru qabel id-difniet multipli li huma assoċjati mal-kostruzzjoni taċ-ċrieki tal-ġebel. Il-grupp ta' Sine Ngayene jinsab kemm kemm fil-Majjistral ta' Sine, is-Senegal, fil-koordinati 15°32′W, 13°41′N.[13]

Fl-2002, ġiet varata spedizzjoni fit-tributarju tat-tbattil ta' Petit-Bao-Bolong; din issejħet bħala l-Proġett Arkeoloġiku ta' Sine-Ngayene (SNAP). It-tim sab siti tat-tidwib tal-ħadid u barrieri qrib il-monumenti. Sab ukoll evidenza ta' mijiet ta' djar fil-qrib, li jmorru lura għal żmien il-monumenti, miġbura flimkien f'gruppi ta' 2–5 bi fdalijiet ta' artijiet tad-djar u bċejjeċ tal-fuħħar. Din l-evidenza tissuġġerixxi l-eżistenza ta' komunitajiet żgħar li kienu kkollegati iżda indipendenti. Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu wkoll il-possibbiltà li dawn iċ-ċimiterji megalitiċi jaf kienu l-punt ċentrali tal-pajsaġġ kulturali u kellhom l-iskop li jiġbru n-nies flimkien.

Il-grupp ta' Sine Ngayene għandu assi ċentrali b'għamla tal-ittra Y b'ċirku tal-ġebel doppju (imsejjaħ Diallombere) fiċ-ċentru tat-tliet fergħat. Oriġinarjament dan il-grupp kien imdawwar b'mijiet ta' tumbati funebri li għebu maż-żmien minħabba l-erożjoni.[14] L-evidenza tissuġġerixxi li l-ewwel saru d-difniet u mbagħad iktar 'il quddiem tpoġġa l-ġebel, esklużivament għad-difniet. Spiss ġebel frontali kien jitqiegħed fuq in-naħa tal-Lvant taċ-ċrieki tal-ġebel. L-arkeologi fil-grupp ta' Sine Ngayene bnew kronoloġija b'erba' ċikli suċċessivi distinti. Dawn iċ-ċikli huma bbażati fuq il-materjali mirduma f'saffi suċċessivi u l-kronoloġija tal-kostruzzjoni tal-monumenti taċ-ċirku tal-ġebel doppju fiċ-ċentru tas-sit. Il-firxa kronoloġika hija estiża bejn wieħed u ieħor mis-700 sal-1350.[15]

Il-materjali tal-ewwel ċiklu jinsabu bejn wieħed u ieħor 1.6-2.0 metri taħt il-wiċċ u jmorru lura għal bejn is-700 u t-800 W.K. Is-sejba prinċipali ta' dan iċ-ċiklu kienet foss b'għamla rettangolari b'konċentrazzjoni ta' fdalijiet umani f'forma ta' difna sekondarja. Il-fdalijiet instabu flimkien ma' ħames ponot tal-ħadid tal-lanez u brazzuletta tar-ram. Il-foss reġa' ntradam u fuqu inbniet tumbata tal-ħamrija bi blokok tal-laterit sparpaljati. Ir-riċerkaturi jistmaw li ċ-ċirku estern tal-ġebel inbena wara d-difna inizjali, u żdiedu żewġ ġebliet frontali.[16]

Is-saffi analizzati għat-tieni ċiklu jinsabu madwar 1.0-1.6 metru taħt il-wiċċ u jmorru lura għal bejn it-800 u d-900 W.K. F'dan is-saf ġie skopert foss funebri rettangolari ieħor.[17] Madankollu, din iż-żona funebri kienet tikkonsisti minn għadd iktar selettiv ta' għadam uman, l-iktar għadam twil, u kranji, midfuna f'episodji diskreti. Dawn kienu kkollegati wkoll ma' difniet sekondarji. B'mod kumplessiv instabu għaxar kranji, tletin għadma twila, u ponta tal-ħadid ta' lanza.[18]

It-tielet ċiklu kien jinkludi materjal ta' bejn 0.5 u 1.0 metru taħt il-wiċċ, u jmur lura għal bejn id-900 u l-1000 W.K. F'dan il-perjodu ta' żmien huwa spekulat li nbena ċ-ċirku intern ta' ġebel monolitiku. Fi ħdan dan is-saff, ġiet skoperta wkoll ħaġra tal-laterit, li jaf intużat bħala artal tas-sagrifiċċji. Madankollu, il-maġġoranza tas-sejbiet kienu jikkonsistu minn bċejjeċ tat-tafal, għadd ta' għadam (għadam twil u kranji), u snien umani depożitati ma' bċejjeċ tal-fuħħar.[19] Kien matul dan iż-żmien li l-monument evolva minn sit funebri selettiv għal sit ritwali usa', u b'hekk sar donnu "monument pubbliku". Matul dan iċ-ċiklu kien hemm bidla minn difniet għall-għoti ta' offerti.[20]

Dan iċ-ċiklu fih materjal mill-wiċċ sa bejn wieħed u ieħor 0.5 metru taħt il-wiċċ, u jmur lura għall-1235 u l-1427 W.K. Matul dan il-perjodu jidher li l-intensità tal-użu tal-monument kienet baxxa, u xi affarijiet li ġew irkuprati minn dan is-saff jaf kienu depożiti mill-ġdid aċċidentali mis-saffi ta' taħt. Il-maġġoranza tas-sejbiet minn dan iċ-ċiklu kienu frammenti żgħar ta' għadam midfuna flimkien ma' blokok tal-laterit, li nstabu primarjament fiċ-ċirku intern tal-monument. Instabu wkoll xi bċejjeċ f'punt partikolari, u foss funebri sekondarju li kien fih 70 għadma, seba' żibġiet turkważ, u żewġ ċrieket tar-ram. Dan jaf jissuġġerixxi li kien hemm kummerċ fuq distanza twila fost in-nies li kienu jużaw dawn il-monumenti. B'mod kumplessiv, ir-raba' ċiklu kien fih taħlita ta' offerti u difniet sekondarji.[21]

Ċrieki tal-ġebel addizzjonali fis-Senegambja

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Dialla Kouna
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Farafenni
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Garan
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Kabakoto
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Kau-ur
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Kaymor
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Kerr Jabel
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Keur Bakary
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Keur Bamba
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Keur Katim Diama
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Kuntaur Fulla Kunda
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Lamin Koto'
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Médina Sabak
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Niani Maru
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Nioro Kunda
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' N'jai Kunda
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Palan Mandika
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Payoma
  • Ċrieki tal-Ġebel ta' Windé Walo
  • "Stone Circles of Senegambia", 2006. UNESCO World Heritage Centre.
  • Yunus Saliu. "Gambia: World Heritage Sites of the Gambia- Wassu and Kerbatch Stone Circles", allAfrica.
  • Holl, A. F., Bocoum, H., Deuppen, S., and Gallagher, D. (2007). Switching mortuary codes and ritual programs: The double-monolith-circle from Sine-Ngayene, Senegal. Journal of African Archaeology, 5(1), 127–148.
  • Laport, L., Bocoum, H., Cros, J. P., Delvoye, A., Bernard, R., Diallo, M., Diop, M., Kane, A., Dartois, V., Lejay, M., Bertin, F., and Quensel, L. (2012). Megalithic monumentality in Africa: from graves to stone circles at Wanar, Senegal. Antiquity, 86(332), 409–427.
  1. Matt, Phillips; Andrew, David; Bainbridge, James; Bewer, Tim; Bindloss, Joe; Carillet, Jean-Bernard; Clammer, Paul; Cornwell, Jane; Crossan, Rob; et al. (Authors) (Settembru 2007). The Africa Book: A Journey Through Every Country in the Continent. Coordinated by Matt Phillips. Footscray, l-Awstralja: Lonely Planet. p. 63. ISBN 978-1-74104-602-1.
  2. Laport et al. 2012, p. 410.
  3. Stone Circles of Senegambia [in] Alvarez, Melissa, Earth Frequency: Sacred Sites, Vortexes, Earth Chakras, and Other Transformational Places, pp. 152-153, Llewellyn Worldwide (2019), ISBN 9780738755410.
  4. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Stone Circles of Senegambia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-11.
  5. "Collection | British Museum". www.britishmuseum.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-11.
  6. Hughes, Arnold; Perfect, David (2008). Historical Dictionary of The Gambia. Scarecrow Press. pp. 224–225. ISBN 978-0-8108-6260-9.
  7. Laport et al. 2012, p. 415.
  8. Holl et al. 2007, p. 130.
  9. Laport et al. 2012, p. 418.
  10. Laport et al. 2012, p. 421.
  11. Laport et al. 2012, p. 411.
  12. Laport et al. 2012, p. 417.
  13. Holl et al. 2007, p. 131.
  14. Holl et al. 2007, p. 128.
  15. Holl et al. 2007, p. 127.
  16. Holl et al. 2007, p. 136.
  17. Holl et al. 2007, p. 138.
  18. Holl et al. 2007, p. 140.
  19. Holl et al. 2007, p. 143.
  20. Holl et al. 2007, p. 144.
  21. Holl et al. 2007, p. 146.