Aqbeż għall-kontentut

Ċittadella

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ċittadella
 Malta

Iċ-Ċittadella
Amministrazzjoni
Stat sovranMalta
Reġjuni ta’ MaltaGħawdex
BeltRabat
Ġeografija
Koordinati 36°02′47″N 14°14′22″E / 36.0464°N 14.2394°E / 36.0464; 14.2394Koordinati: 36°02′47″N 14°14′22″E / 36.0464°N 14.2394°E / 36.0464; 14.2394
Ċittadella is located in Malta
Ċittadella
Ċittadella
Ċittadella (Malta)
Demografija
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1500

Iċ-Ċittadella, magħrufa wkoll bħala l-Kastell, hija fortizza fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex. L-inħawi ilhom abitati minn Żmien il-Bronż, u s-sit li llum hu okkupat miċ-Ċittadella huwa maħsub li kien l-akropoli tal-belt Punika-Rumana ta' Gaulos jew Glauconis Civitas.

Fil-medjuevu, l-akropoli ġie kkonvertit f'kastell li serva ta' kenn għall-Għawdxin meta kien ikun hemm xi attakk. Madwar is-seklu 15, bdiet tiżviluppa belt barra s-swar tal-kastell, u din iż-żona llum tifforma l-qalba storika tar-Rabat. Is-swar taċ-Ċittadella saru antikwati sas-seklu 16, u fl-1551 it-Torok invadew l'Għawdex, għamlu ħerba miċ-Ċittadella u ħadu ħafna mill-poplazzjoni t'Għawdex bħala skjavi.

Bejn l-1599 u l-1622 is-swar tan-nofsinhar taċ-Ċittadella reġgħu nbnew mill-ġdid u l-fortizza ġiet immodernizzata. Is-swar fuq in-naħa tat-tramuntana tħallew intatti, u llum għad għandhom forma medjevali. Il-fortifikazzjonijiet il-ġodda ġew ikkritikati ftit snin wara li tlestew, u fis-sekli 17 u 18 saru pjanijiet biex titwaqqa' ċ-Ċitadella kollha, iżda dawn qatt ma twettqgħu.

Iċ-Ċittadella rat azzjoni fl-invażjoni Franċiża f'Ġunju tal-1798, u fir-rewwixta ta' Settembru u Ottubru 1798. Fiż-żewġ każijiet il-fortizza ċediet mingħajr ħafna ġlied. Il-fortizza baqgħet tintuża għal raġunijiet militari mill-Ingliżi sal-1 t'April 1868.

Iċ-Ċittadella fiha diversi knejjes u bini storiku, fosthom il-Knisja Katidrali ta' Għawdex, li nbeniet bejn l-1697 u l-1711 fuq sit ta' knisja eqdem. Iċ-Ċittadella ilha inkluża fil-lista tentattiva ta' Siti ta' wirt dinji tal-UNESCO mill-1998.