Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Kroazja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ix-xatt ta' Trogir

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Kroazja wirtet l-adeżjoni tal-Eks Jugoslavja għall-Konvenzjoni fis-6 ta' Lulju 1992 bħala wieħed mill-istati suċċessuri wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tagħha fil-25 ta' Ġunji 1991.[3]

Attwalment il-Kroazja għandha għaxar Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel tliet siti, il-Kumpless Storiku ta' Split bil-Palazz ta' Djoklezjanu, Dubrovnik, u l-Park Nazzjonali tal-Lagi ta' Plitvice, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-tielet Sessjoni tal-UNESCO fl-1979. Is-siti l-oħra żdiedu fl-1997, fis-sena 2000, fl-2008, fl-2016 u fl-2017. B'kollox, il-Kroazja għandha tmien siti kulturali u żewġ siti naturali. Tliet siti huma kondiviżi ma' pajjiżi oħra.[3]

Matul il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Kroazja, wara x-xoljiment tal-Jugoslavja, f'Dubrovnik seħħew konfrontazzjonijiet militari (l-Assedju ta' Dubrovnik) kif ukoll fiż-żona tal-Lagi ta' Plitvice. Minħabba l-ħsarat estensivi tal-artillerija f'Dubrovnik u l-mini tal-art li tqiegħdu madwar Plitvice, iż-żewġ siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu. Wara r-restawr u t-tindif tagħhom, Plitvice u Dubrovnik tneħħew mil-lista fil-periklu fl-1997 u fl-1998, rispettivament.[4] Għalkemm is-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kroazja jiġġeneraw għadd kbir ta' viżitaturi, qed ifeġġu theddidiet ġodda minħabba l-effetti ta' detriment tat-turiżmu tal-massa mhux ikkontrollat.[5][6]

Siti ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[7]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-għażla Deskrizzjoni
Park Nazzjonali tal-Lagi ta' Plitvice Plitvička Jezera 1979 vii, viii, ix (naturali) Tul iż-żmien, il-fluss tal-ilma għadda fuq il-ġebla tal-ġir u l-ġibs naturali, u ħoloq digi naturali, li min-naħa tagħhom ħolqu sensiela ta' lagi konnessi, kaskati u għerien. Il-foresti fil-qrib jospitaw orsijiet, lupi u ħafna speċijiet rari ta' għasafar.[8]
Kumpless Storiku ta' Split bil-Palazz ta' Djoklezjanu Split 1979 ii, iii, iv (kulturali) Il-palazz inbena mill-imperatur Ruman Djoklezjanu għall-ħabta tas-seklu 4 W.K., u iktar 'il quddiem intuża bħala l-bażi tal-belt ta' Split. Fil-Medju Evu nbena katidral ġo mawżolew antik, flimkien ma' knejjes, fortifikazzjonijiet, u palazzi Gotiċi u Rinaxximentali. L-istil Barokk intuża għall-kumplament tal-binjiet taż-żona.[9]
Belt Antika ta' Dubrovnik Dubrovnik 1979 i, iii, iv (kulturali) Dubrovnik saret Repubblika Marittima sinjura matul il-Medju Evu u saret l-unika belt-stat fil-Lvant tal-Baħar Adrijatiku li kienet tħaqqaqha ma' Venezja. Appoġġata mill-ġid u mid-diplomazija għaqlija, il-belt kisbet livell notevoli ta' żvilupp, b'mod partikolari matul is-sekli 15 u 16.[10]
Kumpless Episkopali tal-Bażilika Ewfrasjana fiċ-Ċentru Storiku ta' Poreč Poreč 1997 ii, iv (kulturali) Il-kumpless episkopali, bil-mużajk tiegħu, imur lura għas-seklu 6, u huwa wieħed mill-aqwa eżempji tal-arti u tal-arkitettura Biżantini bikrija fil-Mediterran u fid-dinja. Il-kumpless jinkludi l-bażilika stess, sagristija, battisterju, u t-torri tal-kampnar tal-palazz tal-arċisqof fil-qrib.[11]
Belt Storika ta' Trogir Trogir 1997 ii, iv (kulturali) Il-kultura rikka ta' Trogir inħolqot taħt l-influwenza tal-Griegi, tar-Rumani u tal-Venezjani tal-qedem. Fiha l-iżjed kumpless Rumanesk-Gotiku ppreservat tajjeb mhux biss fl-Adrijatiku, iżda fl-Ewropa Ċentrali kollha. Il-qalba Medjevali ta' Trogir, imdawra bil-ħitan, tinkludi kastell u torri ppreservati u sensiela ta' abitazzjonijiet u palazzi mill-perjodi Rumaneski, Gotiċi u Barokki.[12]
Katidral ta' San Ġakbu ta' Šibenik Šibenik 2000 i, ii, iv (kulturali) Il-katidral huwa bażilika bi tlieta navati, bi tliet apsidi u b'koppla għolja 32 metru minn ġewwa. Huwa ukoll wieħed mill-iżjed monumenti arkitettoniċi Rinaxximentali importanti fil-Lvant tal-Adrijatiku.[13]
Pjanura ta' Stari Grad Hvar 2008 ii, iii, v (kulturali) Il-Pjanura ta' Stari Grad hija pajsaġġ agrikolu li ġie stabbilit mill-kolonjalisti Griegi tal-qedem fis-seklu 4 Q.K. li għadu jintuża sa llum. Il-pjanura ġeneralment għadha fil-forma oriġinali tagħha. Il-konfigurazzjoni tal-qedem ġiet ippreservata permezz tal-manutenzjoni bir-reqqa tal-ħitan tas-sejjieħ matul 24 seklu.[14]
Ċimiterji tal-Oqbra Medjevali magħrufa bħala Stećci* Dubravka, Cista Velika 2016 iii, vi (kulturali) L-iStećci (singular: stećak) huma l-oqbra monolitiċi Medjevali li jinsabu fil-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll f'partijiet tal-Kroazja, tas-Serbja u tal-Montenegro. Tfaċċaw għall-ewwel darba fis-seklu 12 u laħqu l-qofol tagħhom fis-sekli 14 u 15. Fil-Kroazja hemm żewġ siti, wieħed f'Dubravka u l-ieħor f'Cista Velika.[15]
Opri Venezjani tad-Difiża bejn is-sekli 15 u 17: Stato da TerraStato da Mar tal-Punent* Zadar, Šibenik 2017 iii, iv (kulturali) Dan is-sit huwa magħmul minn sitt komponenti ta' opri tad-difiża fl-Italja, fil-Kroazja u fil-Montenegro, tul iktar minn 1,000 kilometru bejn ir-reġjun tal-Lombardia fl-Italja u l-Lvant tal-Kosta Adrijatika. Id-disinn tal-fortifikazzjonijiet (imlaqqmin alla moderna) ħabat mal-introduzzjoni tal-porvli fil-gwerer, li wasslet għal bidliet sinifikanti fit-tekniki u fl-arkitettura militari. Fost is-siti Kroati hemm is-sistema difensiva ta' Zadar u l-Fortizza ta' San Nikola f'Šibenik.[16]
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* Paklenica, il-Park Nazzjonali tat-Tramuntana ta' Velebit 2017 ix (naturali) Il-Foresti Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji jintużaw biex jiġi studjat it-tifrix tas-siġar tal-fagu (Fagus sylvatica) fl-Emisferu tat-Tramuntana f'varjetà ta' ambjenti u l-ambjent fil-foresti. Is-sit tniżżel għall-ewwel darba fl-2007 b'komponenti mis-Slovakkja u mill-Ukrajna. Ġie estiż fl-2011, fl-2017, u fl-2021 biex jiġu inklużi l-foresti f'total ta' 18-il pajjiż.[17]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ a b "Croatia - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-06-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-19. Miġbur 2022-04-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "World Heritage Committee: Twenty-first session. UNESCO World Heritage Centre" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2003-06-11. Miġbur 2022-04-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Uncontrolled Tourism Threatens Balkan UNESCO Sites :: Balkan Insight". web.archive.org. 2017-11-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-11-15. Miġbur 2022-04-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2017) Plitvice Lakes National Park (Croatia)". web.archive.org. 2020-06-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-06-23. Miġbur 2022-04-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Plitvice Lakes National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historical Complex of Split with the Palace of Diocletian". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Dubrovnik". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Episcopal Complex of the Euphrasian Basilica in the Historic Centre of Poreč". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic City of Trogir". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Cathedral of St James in Šibenik". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  14. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stari Grad Plain". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  15. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stećci Medieval Tombstone Graveyards". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  16. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Venetian Works of Defence between the 16th and 17th Centuries: <em>Stato da Terra</em> – Western <em>Stato da Mar</em>". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.
  17. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient and Primeval Beech Forests of the Carpathians and Other Regions of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-25.