Foresti Verġni ta' Komi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Foresti Verġni ta' Komi.

Il-Foresti Verġni ta' Komi (bil-Komi: Комилӧн вӧрзьӧдлытӧм вӧръяс, bir-Russu: Де́вственные леса́ Ко́ми) huma Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO fit-Tramuntana tal-Muntanji Ural tar-Repubblika ta' Komi, ir-Russja. B'erja ta' 32,800 km2, il-Foresti Verġni ta' Komi huma l-ikbar foresta mhux mimsusa fl-Ewropa.[1]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Foresti Verġni ta' Komi jagħmlu parti mir-reġjun ekoloġiku tat-taiga tal-Muntanji Ural. Fost l-ispeċijiet dominanti ta' siġar hemm l-Abit Siberjan, iż-Żnuber Siberjan u l-Lerċi Siberjan, filwaqt li l-iżjed mammiferi prominenti huma r-renni, is-sable, il-mink u l-liebru.

Is-sit iħaddan fih ir-Riżerva Naturali ta' Pechora-Ilych u l-Park Nazzjonali ta' Yugyd Va. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995, u b'hekk kien l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO mir-Russja. Dan ir-rikonoxximent wassal fondi addizjonali għas-sit minn barra l-pajjiż u salvah mill-attività imminenti tal-qtugħ tas-siġar legali minn kumpanija Franċiża (HUET Holding). Madankollu, għad hemm theddidiet għall-konservazzjoni, b'mod partikolari l-qtugħ tas-siġar illegali u l-estrazzjoni tad-deheb. Qabel l-1995 kien hemm attivitajiet ta' estrazzjoni tad-depożiti tad-deheb fin-naħa tat-Tramuntana tal-Park Nazzjonali ta' Yugyd-Va.[1]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Foresti Verġni ta' Komi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]

Theddidiet[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li s-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, kemm-il darba jsiru tentattivi ta' pressjoni attiva favur l-estrazzjoni tad-deheb mill-Kap tar-Repubblika ta' Komi u mill-Ministeru għan-Natura tar-Repubblika ta' Komi.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Virgin Komi Forests". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-27.