Andrea Palladio

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Andrea Palladio

Andrea Palladio (30 ta’ Novembru 1508 – 19 ta’ Awwissu 1580), ismu veru Andrea di Pietro della Gondola, kien arkitett famuż Taljan tas-seklu 16. Ta l-isem lil stil - l-istil Palladjan, li jżomm mal-prinċipji klassiko-rumani, kontra t-tiżjin rikk rinaxximentali. Palladio ppjana ħafna knejjes, vilel u palazzi, l-iżjed Vicenza, fejn trabba u għex, Venezja u fl-inħawi ta’ madwar. Kien l-arkitett l-iżjed importanti tar-Repubblika ta’ Venezja. Ippubblika t-trattat I Quattro Libri dell'Architettura (1570) li bid-disinji li jinsabu fih kellu influwenza profonda fuq l-arkitettura Ewropea; l-imitazzjoni tal-istil tiegħu bdiet moviment li jissejjaħ il-Palladjaneżmu jew in-Neopalladjaneżmu, li dam ħaj tliet sekli.

Bijografija[editja]

Andrea di Pietro della Gondola twieled Padova, dak iż-żmien parti mir-Repubblika ta’ Venezja, f’familja ta’ nisel umli: missieru Pietro kien tal-mitħna u ommu Marta, mlaqqma la Zota, kienet mara tad-dar.

Meta kellu 13-il sena Andrea sar lavrant bħala scalpellino f’Padova, fil-ħanut ta’ Bartolomeo Cavazza da Sossano imma wara 18-il xahar biss, f’April tal-1532, ħarab lejn il-belt ta’ Vicenza fil-qrib, iżda kellu jiġi lura għax kien kiser il-kuntratt ma’ Cavazza. Sena wara nkiteb fl-għaqda tal-iskulturi ta’ Vicenza. Hemm ħadem bħala assistent fil-ħwienet prinċipali tal-iskulturi u l-bennejja, speċjalment mal-bennejja Pedemuro li għalihom beda jieħu ħsieb il-parti arkitettonika l-iżjed elaborata tal-proġetti tagħhom. L-ewwel traċċi tal-istil ta’ Palladio ġejjin minn din il-fażi, diġa narawhom fil-portal tal-Chiesa dei Servi u forsi nistgħu nsibu xi ħjilijiet tiegħu ukoll fil-palazzo Gualdo.

Andrea kien għadu ma ssejjaħx "Palladio" meta ħadem fuq il-bini tal-villa ta’ Gerolamo Godi f’Lonedo di Lugo Vicentino. X’aktarx li l-proġett ma kienx f'idejh għal kollox, imma kien inkarigat biex imexxih mill-bennejja Pedemuro, li ġa semmejna, li kienu jqisu ż-żagħżugħ Andrea, li bilkemm kellu tletin sena, bħala speċjalista tal-parti arkitettonika.

Waħda mill-ewwel xogħlijiet ta’ Palladio, Villa Godi

Minn barra, il-bini prinċipali ta' Villa Godi hu solidu, massif u bil-forma ta’ dar tipika tal-kampanja Veneta tal-quattrocento tat-tard, b’żewġ torrijiet, qisu iżjed l-evoluzzjoni ta’ kastell antik fewdali milli l-prekursur tal-villa palladjana: joħorġu l-karattri lokali u tradizzjonali, bħall-pożizzjoni asimmetrika tat-twieqi fil-faċċata, il-portiku b’tliet ħnejjiet u l-bini ċentrali mdaħħal il-ġewwa. L-esperjenza diretta tal-arkitett żagħżugħ kienet limitata għall-ambjent tal-Veneto u l-bini sħiħ jirrifletti il-formazzjoni tiegħu li f’dak iż-żmien kienet għadha limitata. L-istil tiegħu kien se jinbidel, u jinbidel ħafna, imma biss wara li kellu jara b’għajnejh stess l-arkitettura ta’ Ruma antika. Madankollu, f’villa Godi, bis-sempliċità tal-forom, biċ-caħda ta’ kull tiżjin estern, Palladio pprova fl-istess ħin, għalkemm timidament, jgħaqqad it-tradizzjoni lokali mat-tensjonijiet innovativi li kienu ħa jimmaturaw bil-ħbiberija ma’ Gian Giorgio Trissino, biex jiksbu struttura simmetrika b’taqsim ċar tal-volumi.

Fl-1534, Andrea kien intgħażel mill-Konti Gian Giorgio Trissino bħala l-imgħallem biex immexxi l-bini ta’ Villa Cricoli. Trissino kien poeta, filosfu, letterat u diplomatiku fis-servizz tal-kurja Rumana. Kien umanista, espert tal-arti militari, dilettant tal-arkitettura u awtur tax-xogħol epiku u poetiku L’Italia liberata dai Goti. Kien hu li ta ‘l Andrea l-laqam Palladio[1]. Trissino daħħal ‘l Palladio fiċ-ċirku umanista ta’ Vicenza, l-Academia Olimpica, għarrfu bix-xogħlijiet ta’ Vitruvju u ta’ Leone Battista Alberti, u għenu jipperfezzjona ruħhu fl-Arti liberali u fl-umaniżmu. Trissino u Palladio fl-1541 għamlu l-ewwel vjaġġ arkeoloġiku lejn Ruma biex jitgħallmu iżjed fuq l-arti Antika tal-bini.

Wara l-ewwel vjaġġ, reġa’ lura Vicenza fejn waqt li kompla jaħdem, studja iżjed fil-fond ‘il Vitruvju. Mar lura Ruma bosta drabi fl-1545, 1547 u 1549. Barra Vitruvju, li kien jaqra bir-reqqa, Palladio kien jirreferi wkoll għal għadd ta’ awturi Latini oħra bħal Plinju, Ġulju Ċesri u kittieba oħra iktar qrib ta’ żmienu bħal Leon Baptiste Alberti jew Vasari[2].

Bażilka ta’ San Giorgio Maggiore (Venezja)

Mill-1550, minkejja l-mewt ta’ Gian Giorgio Trissino, il-fama ta’ Palladio infirxet sa’ Venezja fejn mexxa l-bini tal-Bażilka ta’ San Giorgio Maggiore.

Fl-1554, taħt Ġulju III, Palladio għamel l-aħħar vjaġġ lejn Ruma mar-"reverendissmu Daniele Barbaro, Patrijarka ta’ Aquilea"[3], li ikkollabora miegħu fl-edizzjoni ta’ De architectura ta’ Vitruvju, ppublikata Venezja fl-1556. Fl-istess sena, Palladio ippublika L'Antichità di Roma.

Minkejja r-rappreżentazzjonijiet tat-tempji ta’ Nîmes fil-Quattro libri dell'architettura jidher li Palladio qatt ma ħalla l-Italja fil-vjaġġi tiegħu. Seta’ għamel vjaġġ fil-Piemonte, fuq it-talba ta’ Emanuele Filiberto ta’ Savoja fis-sajf tal-1566[4]. Jista’ jkun li kien matul dan il-vjaġġ li mar La Turbie fi Franza u ra l-monument Ruman tagħha li ddeskriva fil-Quattro libri.

It-talenti tiegħu kienu apprezzati ukoll Firenze fejn fl-1566 daħħluh bħala membru tal-Accademia dell'Arte del Disegno. Il-Quattro libri dell'architettura, li kien ħadem fuqhom minn meta kien żagħżugħ, kienu ppublikati Venezja fl-1570. Fihom wera l-parti l-kbira tax-xogħlijiet tiegħu bħala inċiżjonijiet fl-injam maħdumin taħt id-direzzjoni tiegħu.

Fl-istess sena Palladio kien nominat għall-kariga prestiġjuża ta' Proto della Serenissima (arkitett prinċipali tar-Repubblika ta’ Venezja), minflok Jacopo Sansovino li kien miet. Hemm bena l-Bażilka ta’ San Giorgio Maggiore u l-knisja tar-Redentur.

Andrea Palladio miet fl-1580 qabel ma lesta t-Teatru Olimpiku ta’ Vicenza li spiċċawh ibnu Silla u d-dixxiplu tiegħu, Vicenzo Scamozzi.

Xogħlijiet[editja]

Villa Capra msejħa Villa Rotonda, ħdejn Vicenza

Il-Bini[editja]

Ix-xogħlijiet arkitettoniċi ta’ Palladio huma kkonċentrati fil-Veneto, fejn wieħed għadu jista’ jarahom. Vicenza hemm it-Teatru Olimpiku, il-Palazz Muniċipali msejjaħ il-Bażilka Palladjana, il-Loggia del Capitanio, bosta palazzi u vilel, li fostom l-żjed famuża hi Villa Rotonda.

Fil-bosta vilel mibnijin fil-Veneto, Palladio kien ispirat u oriġinali fl-użu ta’ elementi mill-arkitettura antika li sa llum għadhom jagħtu x-xogħol tiegħu dehra ta’ grazzja u ekwilbriju. Il-bini kien jinbena bil-briks u miksi bl-istukko, il-ġebla kienet tintuża biss għad-dettalji.

Villa Badoer

Il-vilel palladjani l-iżjed famużi huma:

  • Villa Godi,
  • Villa Badoer,
  • Villa Barbaro msejħa villa Volpi, Maser,
  • Villa Foscari qrib ta’ Mira,
  • Villa Capra msejħa Villa Rotonda, qrib ta’ Vicenza,
  • Villa Serego, Santa Sofia.

Ix-xogħolijiet publiċi u r-reżidenzi urbani l-iżjed famużi huma:

  • Palazzo la Ragione, Vicenza,
  • Palazzo Chiericati, Vicenza,
  • Kjostru San Giorgio Maggiore,
Villa Pisani, Bagnolo di Lonigo, mill-ktieb I Quattro Libri dell'Architettura, Edizzjoni ta’ 1570
  • Palazzo Valmarana,
  • Bażilka San Giorgio Maggiore,
  • Knisja tar-Redentur,
  • Loggia del Capitanio, ma tlestietx,
  • Teatru Olimpiku ta’ Vicenza.

I Quattro Libri dell'Architettura[editja]

I Quattro Libri dell'Architettura ma nistgħux nifirduhom mix-xogħol ta’ Palladio. Dan it-trattat tal-arkitettura u fl-istess ħin l-espressjoni tal-ħsieb teoriku u l-preżentazzjoni tal-bini li mbena minn Palladio jew kien disinjat minnu.

L-influenza ta’ Palladio fuq l-arkitettura[editja]

Palladio hu arkitett tar-Renaxximent Taljan li jista’ jitqis bħala umanista. Palladio hu bniedem ta’ żmienu, mill-kitba tiegħu toħroġ teorija universalista, forsi influwenzata minn Vitruvju u Plinju. L-attenzjoni kontinwa li ta għall-proporzjon u s-simetrija bħal ma jinstabu fin-natura tidher ċara f’xogħlu. Palladio qagħad attent ħafna biex japplika r-regoli tal-proporzjon għall-kompożizzjoni arkitettonika kostituti mill-Antiki u, ta’ minn jinnota, ir-regoli tal-proporzjon mużikali mnidijin minn Pitagora. Palladio stess qalu dan fl-1567: "Il-proporzjonijiet tal-vuċi huma armonija għall-widnejn: dawk tal-qis huma armonija għall-għajnejn".

Is-suċċess tal-ħsieb ta’ Palladio hu marbut ukoll ma’ kontroversji kbar bħall-Querelle des Anciens et des Modernes (Il-polemika bejn L-Antiki u l-Moderni) fi Franza. Palladio bħal Trissino kien kritiku tal-arti gotika. Ix-xogħol teoriku tiegħu għandu bħala għan li joħloq metodu espliċitu biex l-arkitettura ma terġax taqa’ fid-diżordni antika.

L-idejat arkitettoniċi ta’ Palladio kellhom suċċess kbir l-Ingilterra fejn l-arkitett Inigo Jones kien promotur entużjasta ta’ dawn l-idejat. Ħaġa tal-għaġeb li fit-test storiku ta’ Constitutions tal-mażun James Anderson ippublikat Londra fl-1723 hemm imsemmijin Palladio u bosta arkitetti oħra tar-Rinaxximent. L-arti ta’ Palladio daħlet Franza mill-Ingilterra lejliet ir-Rivoluzzjoni Franċiża: fil-fatti, kien l-arkitett Claude Nicolas Ledoux li skopra il-Palladjaneżmu l-Ingilterra u introduċċieh ġo Franza.

Thomas Jefferson, it-tielet president tal-Istati Uniti, interessa ruħhu ħafna fix-xogħol ta’ Palladio fil-vjaġġi tiegħu fl-Ewropa. Id-dar ta’ Monticello, qrib ta’ Charlottesville hi eżempju tal-influwenza tiegħu. Kontemporanju tal-president Jefferson qal li dan kien iħobb jgħid: “Palladio l-mulej tiegħi u L-Erba’ Kotba tal-arkitettura l-bibbja tiegħi”.

Xi arkitetti iżjed kontemporanji huma wkoll influwenzati minn Palladio, fosthom Ricardo Bofill li ħadem fuq xi ħames mitt proġett f’xi ħamsin pajjiż, Aldo Rossi, Charles Moore u oħrajn.

Publikazzjonijiet[editja]

  • Madwar 1554, Venezja u Ruma L'Antichita di Roma kellu bosta edizzjonijiet (1557) - (1560)
  • Fl-1570, it-trattat L-Erba’ Kotba tal-Arkitettura (I Quattro Libri dell'Architettura) [5]
  • Fl-1556 ikkollabora fil-publikazzjoni minn Daniele Barbaro ta’ De architectura ta’ Vitruvju li għalih għamel għadd kbir ta’ inċiżjonijiet juru l-arkitettura.

Kronoloġija tax-xogħlijiet[editja]

Statwa ta'Andrea Palladio, Vicenza
Villa Emo
Villa Foscari magħrufa bħala La Malcontenta
Palazzo del Capitanio, Vicenza
Pjan ta' Palazzo Rotonda, Vicenza
Palazzo Chiericati, Vicenza,mill-ktieb I Quattro Libri dell'Architettura

Nota: Id-data tirriferixxi għall-bidu tal-ippjanar tax-xogħol u mhux neċessarjament għall-meta sar ix-xogħol. Sors: CISA[6]

  • 1531: Portal tal-knisja ta’ Santa Maria dei Servi, Vicenza
  • 1534: Villa Trissino, Cricoli, Vicenza (ma’ Gian Giorgio Trissino)
  • 1537- 1542: Villa Godi (għal Girolamo, Pietro e Marcantonio Godi), Lonedo di Lugo di Vicenza
  • 1539 (madwar): Villa Piovene, Lonedo di Lugo di Vicenza (Vicenza) (attribwita)
  • 1540-1542 (madwar): Palazzo Civena, Vicenza
  • 1540 (madwar)-1566 (madwar): Palazzo Poiana, Vicenza (attribwit)
  • 1542-1556 (madwar): Palazzo Thiene, Vicenza (x’aktarx fuq proġett ta’ Giulio Romano)
  • 1542: Villa Gazzotti (għal Taddeo Gazzotti), Bertesina, Vicenza
  • 1542 (madwar): Villa Caldogno (għal Losco Caldogno), Caldogno (Vicenza) (attribwita)
  • 1542: Villa Pisani (għal Vettore, Marco e Daniele Pisani), Bagnolo di Lonigo (Vicenza)
  • 1542: Villa Thiene (għal Marcantonio u Adriano Thiene), Quinto Vicentino (Vicenza) (x’aktarx modifika ta’ proġett ta’ Giulio Romano)
  • 1543: Villa Saraceno (għal Biagio Saraceno) (Vicenza)
  • 1544 (madwar)-1552: Palazzo Porto (għal Iseppo De' Porti), Vicenza
  • 1546-1549: Logge del Palazzo della Ragione (Basilica Palladiana), Vicenza (tlestew fl-1614 wara mewtu)
  • 1546 (madwar)-1563 (madwar): Villa Pojana (għal Bonifacio Pojana), Pojana Maggiore (Vicenza)
  • 1546 (madwar): Villa Contarini, Piazzola sul Brenta (Padova) (attribwita)
  • 1547: Villa Arnaldi (għal Vincenzo Arnaldi), Meledo di Sarego (Vicenza) (ma tkomplietx)
  • 1548: Villa Angarano, Bassano del Grappa (VI) (bini ċentrali ppjanat mill-ġdid minn Baldassarre Longhena)
  • 1550-1557: Palazzo Chiericati (għal Girolamo Chiericati), Vicenza (tlesta fl-1680 (madwar) wara mewtu )
  • 1550: Villa Chiericati (għal Giovanni Chiericati), Vancimuglio di Grumolo delle Abbadesse (Vicenza) (tlestiet fl-1584 wara mewtu minn Domenico Groppino)
  • Villa Cornaro (għal Giorgio Cornaro), Piombino Dese (Padova)
  • 1552 (madwar): Villa Pisani (għal Francesco Pisani), Montagnana (Padova)
  • 1554-1563: Villa Badoer magħrufa bħala La Badoera (għal Francesco Badoer), Fratta Polesine (Ruma)
  • 1554: Villa Porto (għal Paolo Porto), Vivaro di Dueville (Vicenza) (attribwita)
  • 1554: Villa Barbaro (għal Daniele u Marcantonio Barbaro), Maser (Treviso)
  • 1554 ?: Villa Zeno (għal Marco Zeno), Donegal di Cessalto (Treviso)
  • 1555 (madwar): Palazzo Dalla Torre, Verona (parti biss imbniet; parti nqerdet f’bumbardament fl-1945)
  • 1556: Arco Bollani, Udine
  • 1556 (madwar): Palazzo Antonini, Udine (saru diversi tibdiliet wara)
  • 1556: Barchessa di Villa Thiene, Cicogna di Villafranca Padovana (Padova)
  • 1557: Villa Repeta, Campiglia dei Berici (Vicenza) (meqruda min-nhar u mibnija mill-ġdid f’forma oħra)
  • 1558: Faċċata tal-bażilka ta’ San Pietro di Castello, Venezja (tlestiet wara mewtu)
  • 1558: Villa Emo (għal Leonardo Emo), Fanzolo di Vedelago (Treviso)
  • 1558: Koppla tal-Katidral ta’i Vicenza, Vicenza (meqruda f’bumbardament fit-tieni gwerra dinjija u mibnija mill-ġdid)
  • 1559: Villa Foscari magħrufa bħala La Malcontenta, Malcontenta di Mira (Venezja)
  • 1559: Casa Cogollo (għal Pietro Cogollo), magħrufa bħala Casa del Palladio, Vicenza (attribwita)
  • 1560-1563 (madwar): kjostru tac-ċipressi u refettorju tal-monasteru ta’ San Giorgio Maggiore, Venezja
  • 1560: Kunvent tal-Karità, Venezja (tlestew biss il-kjostru u l-atriju, distrutt fl-1630 bin-nhar)
  • 1560: Palazzo Schio (għal Bernardo Schio), Vicenza
  • 1563 (madwar): Portal tal-ġemb tal-Katidral ta’ Vicenza
  • 1563 (madwar): Villa Valmarana, Lisiera di Bolzano Vicentino (Vicenza)
  • 1564: Faċċata tal-knisja ta’ San Francesco della Vigna, Venezja
  • 1564: Palazzo Pretorio, Cividale del Friuli (Udine) (proġett, attribwit)
  • 1565: Knisja tal-monasteru ta’ San Giorgio Maggiore, Venezja (tlestiet bejn l-1607 u l-1611 wara mewtu b’faċċata differenti)
  • 1565: Teatru tal-injam fil-bitħa fil-kunvent tal-Karità, Venezja (meqrud fl-1570 bin-nhar)
  • 1565: Loggia del Capitanio, Vicenza
  • 1565: Palazzo Valmarana (għal Isabella Nogarola Valmarana), Vicenza
  • 1565: Villa Serego (għal Marcantonio Serègo), Santa Sofia di Pedemonte (Verona)
  • 1565 (madwar): Villa Forni Cerato (għal Girolamo Forni), Montecchio Precalcino (Vicenza)
  • 1566: Villa Capra detta La Rotonda (għal Paolo Almerico), Vicenza (tlestiet fl-1585 wara mewtu minn Vincenzo Scamozzi)
  • 1567 (madwar): Barchesse di Villa Trissino, Meledo di Sarego (Vicenza)
  • 1568: Ponte di Bassano, Bassano del Grappa (mibni mill-ġdid fl-1748 u war t-tieni gwerra dinjija)
  • 1569-1575: Palazzo Barbaran da Porto (għal Montano Barbarano), Vicenza
  • 1569: Ponte sul Tesina, Torri di Quartesolo (Vicenza) (attribwit)
  • 1570: Villa Porto (għal Iseppo Porto), Molina di Malo (Vicenza)
  • 1571: Palazzo Porto in piazza Castello, Vicenza (tlesta parzjalment fl-1615 minn Vincenzo Scamozzi)
  • 1572 ?: Palazzo Thiene Bonin Longare, Vicenza
  • 1574-1577: Xogħol fis-swali tal-Palazzo Ducale, Venezja
  • 1574: studji għall-faċċata tal-Bażilka ta’ San Petronio, Bolonja
  • 1576 (madwar): Cappella Valmarana (għal Isabella Nogarola Valmarana) fil-knisja ta’ Santa Corona, Vicenza
  • 1577: Knisja tar-Redentur, Venezja
  • 1578: Knisja ta’ Santa Maria Nova, Vicenza (attribwita, proġett, tlestiet fl-1590 wara mewtu)
  • 1579: Porta Gemona, San Daniele del Friuli (Udine)
  • 1580: Knisja ta’ Santa Luċija, Venezja (disinji tal-intern; twaqqet)
  • 1580: Tempietto di Villa Barbaro, Maser
  • 1580: Teatro Olimpico, Vicenza (tlesta wara mewtu minn ibnu Silla u d-dixxiplu tiegħu Vincenzo Scamozzi)

Noti[editja]

  1. ^ Minn Pallas l-alla Griega tal-għerf
  2. ^ Daħla għall-Ktieb I u Kap XVI ta’ Ktieb II, Ktieb III tal-Quattro libri dell'architettura.
  3. ^ kien hekk li Palladio poġġa ritratt ta’ Barbaro fil-Quattro libri dell'architettura
  4. ^ G. Zorzi, I disegni delle antichità di Andrea Palladio, Venezia, Neri Pozza Editore, 1959
  5. ^ http://www.cesr.univ-tours.fr/architectura/Traite/Notice/ENSBA_LES1338.asp
  6. ^ http://www.cisapalladio.org/veneto/index.php?lingua=i&modo=nomi&ordine=alfa

Bibljografija[editja]

Ħoloq esterni[editja]