Ġan Anton Vassallo
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Ġan Anton Vassallo | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 6 Ġunju 1817 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | Valletta, 28 Marzu 1868 |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Malti Taljan Latin Franċiż Għarbi Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | poeta |
Ġan Anton Vassallo (Valletta, 6 ta' Ġunju 1817 – Valletta, 28 ta' Marzu 1868) kien poeta Malti, meqjus bħala l-aqwa poeta tas-seklu 19. Hu jibqa' miftakar għall-poeżija tiegħu Tifħira lil Malta.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Bin Vincenzo u Marija Vassallo, twieled il-Belt Valletta. Fost l-għalliema tiegħu kellu lil Dun Pietru Pawl Psaila u Dun Ġużepp Zammit Brighella. Vassallo kien jaf tajjeb il-Lingwa Maltija(Malti), it-Taljan, u l-Latin barra l-Franċiż, l-Għarbi u xi ftit Ingliż. Beda l-kors tal-liġi fl-Università ta' Malta fl-1839 u ggradwa fl-1842. Fl-1850 beda jgħallem it-Taljan fil-Liċeo, u fl-1863 laħaq Professur tat-Taljan fl-Università. Vassallo miet qasir il-għomor fit-28 ta' Marzu, 1868 u jinsab midfun fil-Knisja tal-Karmnu, il-Belt Valletta.
Letteratura
[immodifika | immodifika s-sors]Vassallo beda jikteb il-poeżija sew bil-Malti u kemm bit-Taljan fl-1842. Kiteb ħafna bijografiji ta' nies Maltin fl-Arte (1862-66), u La Storia di Malta raccontata in Compendio (1854).
Kotba ta' Ġan Anton Vassallo bil-Malti
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Ġifen Tork (1842), l-aqwa biċċa xogħol tiegħu, li dehret għaxar snin wara. Hija l-unika epika li għandna fil-letteratura Maltija.
- Il-Ħajja tal-Appostlu Missierna San Pawl (1858)
- Ġesù Kristu fid-Dinja (1861)
- Ħrejjef bil-Malti (1861), ħrejjef morali, umoristiċi u satiriċi f'forma ta' poeżija
- Storja ta' Malta miktuba għall-poplu Malti (1862)
- Ħrejjef u Ċajt bil-Malti (1863)
Il-poeżija ta' Vassallo
[immodifika | immodifika s-sors]F'nofs is-seklu 19, Vassallo eleva l-poeżija Maltija għal livell għoli fi żmien meta l-ilsien Malti kien kważi injorat. Huwa refa' l-vers popolari, il-vers tat-tmienja, għal livell letterarju. Bejn l-1842 u l-1860 huwa kiteb lirika mimlija tqanqil il-qalb u metri varjati. Vassallo jdaħħal ħafna l-personalità mnikkta tiegħu u l-kumpless ta' persekuzzjoni li kien ibati bih, fil-versi kif jidher f'poeżiji bħal Żgħożija, Tifkir tal-Biki, Lapsi, u Żgħorija li tibda bil-vers magħruf "O Żmien ħelu kif għaddejtli". Il-ħajja għalih kienet tfisser taħbit u inkwiet biss.
Erba' aspetti li joħorġu mill-poeżija tiegħu huma:
- is-sens qawwi ta' patrijottiżmu kif jidher f'Mannarinu, La Valette, Wignacourt, Malta u ġensha, Il-Port ta' Malta, Tas-Sliema u l-famuża Tifħira lil Malta, li għal ħafna snin kienet tindaqq qisha innu nazzjonali ta' Malta.
- is-safar bħala ħtieġa soċjali u bħala turufnament bħal L-Imsiefer, Għarus imsiefer lill-Għarusa, L-Għarusa lill-Għarus Imsiefer, Is-Safar, Itturfnat
- id-didattiċiżmu b'elementi satiriċi fini bħal, Il-Ħurrieqa u l-Warda, Ktieb Sabiħa, Il-Qanpiena tal-Fuħħar, Il-Musbieħ il-Lejl, Ix-Xiħ u x-Xitan.
- il-ħila għan-narrattiva poetika kif jidher f' Il-Ġifen Tork. F'Il-Ballata għal Manzor u Maria, Vassallo juża' l-vers tal-ħamsa, tal-għaxra u tas-sebgħa biex idaħħal id-drammatiċità skont il-burdati differenti. Vassallo esperimenta ħafna bil-metrika.
Il-Ġifen Tork
[immodifika | immodifika s-sors]Poeżija epika li tuża' l-ġrajja ta' sebgħin ilsir Malti Nisrani li jaħtfu ġifen Tork wara ġlieda mat-Torok u jsalpaw lejn Malta. Dawn jagħmlu pellegrinaġġ lejn il-Mellieħa biex jirringrazzjaw lill-Madonna. Vassallo jigglorifika lill-Maltin u jipprova jnissel fiduċja fil-Maltin ta' żmienu u sens ta' nazzjonaliżmu billi jinqeda bil-ħakkiema u jgħid li ħabba fina l-Maltin huma ġabu l-glorja tagħhom. B'"Qalbenin dejjem aħna" huwa jgħaqqad il-preżent mal-imgħoddi u hekk iseddaq in-nazzjonalità tal-Maltin. Il-poeżija hija simbolu tal-ġrajja ta' Malta tul iż-żminijiet. Il-ġifen huwa l-gżira ta' Malta u l-ilsiera huma l-Insara Maltin. Ix-xewqa perpetwa tal-Maltin li jeħilsu mill-għadu mhux Nisrani. Importanti f'kull epika huwa l-intervent divin, f'dan il-każ bl-interċessjoni tal-Madonna. F'kull epika hemm eroj imma f' Il-Ġifen Tork mhuwiex bniedem wieħed iżda l-kotra, l-għaqda fost il-Maltin, li titqabad flimkien u titlob flimkien u tirbaħ flimkien kontra għadu qawwi.
Permezz ta' din il-poeżija, Vassallo juri wkoll il-kapaċità tal-ilsien Malti li jogħla għal livelli għoljin.
Il-poeżija fiha 116-il sestina b'696 vers, miktuba bil-vers tal-ħdax. Irrimata. Vassallo juża kliem arkaiku. Hija mqassma fi tliet kanzunetti:
- 1 Kant Il-Ftehim u l-Għaqda, 38 sestina
- 2 Kant It-Taqtigħa u l-Ħarba, 41 sestina
- 3 Kant Il-Wegħda, 37 sestina